Monthly Archives: March 2019

Ras Ir-Randan 2019 f’Birżebbuġa

Nhar l-Erbgħa 6 ta’ Marzu 2019, wara l-jiem sbieħ tal-Karnival, Malta bdiet ir-riflessjoni tagħha fil-mixa li trid twassalna biex nimmeditaw il-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu, liema miexja ma tieqafx mal-mewt imma tilħaq il-milja tagħha bil-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Anke fir-raħal tagħna sabiħ tagħna ta’ Birżebbuġa, bdejna din il-mixja. Nhar l-Erbgħa 6 ta’ Marzu 2019, tajna bidu għar-Randan permezz ta’ Via Sagra mill-Kappella tad-Duluri sal-Knisja Parrokkjali. Għal dan il-għan ġie wżat salib antik ħafna li huwa konservat fil-Knisja tas-Sagra Famiglia. Wara l-Via Sagra ċċelebrajna l-funzjoni bit-tqegħid tal-irmied.

F’Birżebbuġa dawn l-aħħar snin erġajna introduċejna l-pellegrinaġġ ta’ qabel il-funzjoni tat-tqegħid tal-irmid. Dan qed nagħmluh b’kurċifiss u b’Via Sagra. L-attendenza hija sabiħa meta tqis li din il-Via Sagra inqatgħet mill-ħajja tal-parroċċa hekk kiesaħ u biered. Għalhekk ta’ min wieħed jirringrazzja lill-kappillan preżenti u nagħmlulu kuraġġ sabiex ikompli jiċċelebra din il-ġurnata qaddisa b’pellegrinaġġ u Via Sagra qabel il-funzjoni tat-tqegħid tal-irmied.

Ir-ritratti li qed jintwerew huma kollha ta’ Anthony Xuereb, fotografu professjonali u bravu minn Birżebbuġa.

Ras ir-Randan Birżebbuġa 2019

Drawwiet Marbutin mar-Randan f’Birżebbuġa.

Artiklu Interessanti miktub mill-Perit Michael Schembri fuq l-insert tal-Magażin ‘Flimkien’ tal-Parroċċa tagħna ta’ Birżebbuġa Marzu 2019 Numru 172 (jew Birżebbuġa – Leħen il-Parroċċa – Ħarġa 300 – Marzu 2019)

Fl-Erbgħa tar-Rmied jibda r-Randan Imqaddes. Niftakar li fl-antik, mal-bidu tas-sena, konna nixtru l-Almanakk mingħand l-Ajk Franġiskan, jidhirli li kien fra ta’ Ġiezu, li kien jiġi jiġbor għall-kunvent jew għall-Art Imqaddsa. Billi Ras ir-Randan, il-Gimgħa l-Kbira u dak iż-żmien kien għad hemm ġranet oħra li fihom ma jiswiex li jittiekel il-laħam, allura fil-kalendarju kienu jimmarkaw dawk il-jiem b’ħuta ħamra madwar in-numru tad-data.

Intant, f’Ras ir-Randan, mal-ħdax ta’ filgħodu konna ndoqqu tliet tokki bil-qanpiena tal-Angelus, biex bħal infakkru n-nies li sar il-ħin biex jieklu xi ħaġa f’nofs il-jum qabel ma jerġgħu jkomplu s-sawma.

Tul ir-Randan ma kinux jiċċelebraw żwiġijiet u għalhekk kienu jkunu bosta dawk il-koppji li jiżżewġu fl-ewwel Sibt ta’ wara l-Għid il-Kbir. Nhar il-Ġimgħa wara l-ewwel Ħadd tar-Randan konna narmaw l-istazzjonijiet tal-Via Sagra bil-girlandi u l-brazzi tal-festa peress li dakinhar kienet tkun il-festa tagħhom. Kien isir il-kant ma’ kull stazzjon u wara ssir il-prietka li jien nafha ssir fil-quddiesa. Il-Ġimgħa ta’ wara kien jintrama l-‘Ecce Homo’ fuq l-artal tal-Kurċifiss u ssirlu l-prietka filgħaxija. Niftakarha ssir minn Dun Rikard u għaliha kien jitħallas 16-il xelin (kważi €2).

Imbaghad kienu jibdew l-Ezercizzi: għax-xebbiet, għan-nisa, għall-ġuvintur, għall-irġiel u għal kulħadd. It-tfal kien ikollhom il-prietki tagħhom fl-iskejjel. Ix-xebbiet u l-ġuvintur ma kinux biss dawk li għadhom żgħażagħ fl-età iżda kienu jinkludu wkoll dawk l-anzjani li ma żżewġux u probabbli anke min romol. Għall-eżerċizzi, flok jipprietkaw mill-pulptu, kienu jagħmlu palk (illum addattajnieh bħala bankun għall-vari proċessjonali) quddiem l-artal in-naħa tal-epistola (qrib fejn illum hemm l-orgni) li fuqu kien ikun hemm il-Kurċifiss il-Kbir flimkien ma’ mejda u siġġu għall-predikatur. Kienu jġibu xi qassisin barranin minn tal-Missjoni l-Kbira, li jqarru fil-konfessjonarji ta’ wara għax it-tnejn ta’ quddiem kienu riservati għall-Kappillan u għall-Viċi, jiġifieri Dun Rikard.

Fl-aħħar ħmistax tar-Randan, jiġifieri ma’ Ħadd Lazzru, kien isir l-għammad – it-twieqi t’isfel jitgħattew bid-drapp iswed, ta’ fuq bil-kartun, u l-kwadri u l-istatwi bid-drapp vjola li kien jibqa’ hemm sal-Glorja ta’ Sibt il-Għid. Bħal kull raħal ieħor, issir il-purċissjoni tad-Duluri, il-funzjoni tal-ħasil tar-riġlejn u l-vizti lis-sepulkru. Aktar tard daħlet id-drawwa tal-purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm bil-personaġġi u l-ħmar kif ukoll tal-pageant tal-passjoni. F’Ħamis ix-Xirka konna narmaw l-Appostli bejn il-gandlieri fuq l-artal.

Is-sepulkru kien jintrama bix-xeni iżda fis-snin 60 tbiddel f’forma t’artal għall-adorazzjoni. Lejlet Ħamis ix-Xirka kienet issir il-funzjoni tat-Tniebri. Mill-Glorja tal-Ħamis ix-Xirka sal-Glorja ta’ Sibt il-Għid, il-qniepen iċedu posthom għaċ-ċuqlajta. U bħalma sal-lum għad hemm id-domanda għall-friegħi taż-żebbuġ imberkin, xi wħud kienu jiġu jitolbuna l-fjuri tas-sepulkru. ■

Perit Michael Schembri

Marzu 2019

Editorjal 2019: Resqin lejn Ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa 2019

Ninsabu fl-aħħar jumejn tal-Karnival sabiħ ta’ Malta li Alla jbierek anke aħna l-Birżebbuġin nafu ngawduh kif suppost (birzebbugacarnival.wordpress.com)  bis-saħħa tal-Kunsill u ż-żewġ baned tagħna.  Issa li wasalna lejn l-aħħar, dawk li għandhom għal qalbhom il-ġimgħa Mqaddsa jibdew iħarsu ‘l quddiem sabiex jiċċelebraw bl-aħjar u bl-isbaħ mod dawn il-jiem ta’ ġabra.

Aħna n-nies ta’ Birżebbuġa għandna għalfejn inkunu kburin u dan għaliex din il-parroċċa l-ewwel ma ġiet iddedikata kienet lill-Madonna tad-Duluri.  Dan ifisser li għad li m’għandniex vari u purċissjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa bħalma għandhom l-irħula ġirien tagħna, xorta waħda għandna nħossu li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jappartjenuna b’mod speċjali daqshom.  Mhux hekk biss, imma meta l-Isqof Dom Mauro Caruana ddeċieda li jibdel it-titular tal-parroċċa tagħna, għażel qaddis kbir li wkoll għandu rabta mal-ġrajja tal-passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Għalkemm fir-reliġjon tagħna nagħtu importanza kbira lill-Marija Addolorata, il-figura ta’ San Pietru Appostlu hija ferm ċentrali fil-kwadru tal-ħajja terrena ta’ Ġesù.  Dan għaliex fl-Evanġelji ta’ spiss niltaqgħu m’episodji fejn Ġesù jirrevela l-missjoni tiegħu, dik li jingħata f’idejn l-‘għedewwa’ biex jinqatel u Alla wara tliet ijiem jerġa’ jqajjmu mill-ġdid.  F’dawn l-episodji donnu San Pietru jieħu xejra ta’ protagonista, daqqa jeżalta n-natura ta’ Ġesù u daqqa Ġesù stess ikeċċieh minn quddiemu għax jarah ta’ xkiel għall-missjoni tiegħu.  Dawn iż-żewġ figuri tal-Madonn u ta’ San Pietru li magħhom aħna għandna rabta kbira bħala raħal, huma ċentralissimi fl-istorja ta’ Ġesù.  Għalhekk iva aħna n-nies ta’ Birżebbuġa għandna rabta kbira u importanti mal-ġrajja tal-Passjoni ta’ Ġesù u għalhekk wieħed għandu jirringrazzja lil dawk li minn sena għal sena jaraw kif se jfakkru din il-ġrajja fir-raħal tagħna permezz ta’ pageants, kunċerti ta’ mużika sagra u funebri, wirjiet u funzjonijiet sbieħ.  Fadal x’isir, imma ma naqtgħux qalbna.  Il-preokkupazzjoni ta’ ħafna nies illum hija li qed nitilfu ħafna minn dawk li ħallewlna missirijietna.  Is-sekulariżmu, l-ateiżmu u l-agnostiċiżmu donnhom qed jerfgħu rashom wisq ‘il fuq.  Il-ħidma li qed issir mis-saċerdoti biex l-erwieħ ma jiġux aljenati mit-tlellix tad-dinja hija kbira.  Naħseb li qed issir ħidma kbira anke jekk ir-riżultati mhux dejjem huma tanġibbli.

Il-perjodu tal-Ġimgħa Mqaddsa joffri mument sensittiv sabiex in-nies taħseb u tirrifletti fuq għemilha.  Hija wara kollox l-ikbar festa tal-Knisja tagħna.  Il-misteru tal-Qawmien ta’ Kristu huwa ferm importanti għall-Fidi tagħna.  Il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù huma riflessjoni tal-ħajja tagħna fuq din l-art.  Bħalma Ġesù bata u miet għalina, hekk aħna rridu naraw kif nfendu għalina f’dan il-vjaġġ li ultimament għandu jwassal għal-qawmien tagħna miegħU bħala ħaġa waħda mal-missier Alla.  Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-bniedem.  Alla tlaħħam bħalna, umilja ruħu u niżel fostna biex jieħu fuqu d-dnubiet tagħna.  Wara li għamel tliet snin jgħallem ried jissiġilla l-patt tas-salvazzjoni bl-akbar sagrifiċċju li seta’ jagħti, l-akbar prova tal-imħabba tiegħu lejna, jiġifieri dak li jmut għalina u jagħti xhieda tal-qawwa tiegħu bil-qawmien.  Għalkemm Ġesù widdeb u ħadha qattgħa bla ħabel mas-saċerdoti tat-tempju, l-qawmien tiegħu mill-mewt ma tistax tiġi mfissra bħala sfida lejhom.  Ġesù ma qamx mill-mewt biex jisfida lil dawk li qatluh imma għax hekk kien hemm miktub fl-profezija.  Ġesù qam mill-mewt biex jagħti tifsira lil dak kollu li kien għallem dwaru.  Ġesù qam mill-mewt biex juri lid-dinja li hu kien verament il-Messija mibgħut minn Alla u dak li għallem għandu jiġi miżmum bl-akbar għożża u prattikat mill-umanità kollha.

Nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lil dawk kollha li qed jaħdmu biex f’Birżebbuġa jkun hawn atmosfera xierqa tal-Ġimgħa Mqaddsa.  Veru li għad fadal ħafna x’isir, imma diġà hawn ħafna li bl-inizjattiva personali tagħhom diġà qed joħolqu atmosfera.  Nappella lin-nies ta’ Birżebbuġa biex jieħdu sehem, u jattendu għad-diversi avvenimenti li se jkun hawn fir-raħal tagħna.  Se jerġa’ jkun hawn diversi kunċerti, diversi wirjiet u diversi avvenimenti interessanti.  Minn hawn nixtieq nagħmel kuraġġ lil min jorganizza, filwaqt li nappella lill-poplu ta’ Birżebbuġa biex jipparteċipa, jieħu sehem u jattendi għal dawn il-manifestazzjonijiet.  Nappella wkoll lilkom li tgħixu fir-raħal tagħna ta’ Birżebbuġa biex tieħdu l-inizjattiva sabiex iddendlu s-slaleb li jixegħlu mal-galleriji fuq xi pezza vjola jew sewda fl-isfond.  B’hekk biss noħolqu dik l-atmosfera sabiħa li tikkaraterizza dan iż-żmien tas-sena.  Fl-aħħar bħala ħutkom fil-Fidi, ninkoraġġikom biex tfittxu lil Ġesù fil-qrar u fl-ewkaristija f’dawn il-jiem importanti tas-Sena.

 

Birzebbuga Carnival

The Carnival in Birzebbuga Malta

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

iljuni.wordpress.com/

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Mater Dolorosa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Birzebbuga Carnival

The Carnival in Birzebbuga Malta

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

iljuni.wordpress.com/

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Mater Dolorosa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa