Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa AD 1990

L-ewwel sehem fil-festi Mqaddsa bis-saħħa tal-Banda Birżebbuġa AD 1990

 

L-ewwel sehem tas-Soċjeta` Filarmonika San Pietru A.D. 1990 f’dawn il-festi qaddisa tal-Ġimgħa Mqaddsa, għamlitu b’permezz tal-Banda Birżebbuġa. Kien it-12 t’April 1992, meta dakinhar għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, il-banda tas-Soċjeta` taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Michael Bugelli, eżegwiet programm ta’ marċi funebri f’Misraħ il-Knisja. Il-kumitat minn dejjem kellu xewqa li jżanżan l-ewwel librett tiegħu ta’ marċi funebri f’okkażjoni bħal din u mhux f’xi funeral. Għalhekk il-kumitat kien ippjana li jagħmel sett ta’ marċi funebri biex jiżżanżnu għal dik l-okkażjoni (Marċi Funebri, 1992). L-istess ġara fis-sena 1993 meta fl-4 t’April, f’Ħadd il-Palm il-Banda reġgħet tellgħet programm sabiħ ta’ marċi funebri f’Misraħ il-Knisja. Għal din l-okkażjoni ġew imżanżna wkoll sett ta’ ingravati suwed bl-emblema tas-Soċjeta` (Programm ta’ Marċi Funebri, 1993). Il-Banda Birżebbuġa A.D. 1990 għadha ttellgħa dawn il-kunċerti sal-ġurnata tal-lum, b’impenn u b’dekor kbir.

Referenzi:

Marċi Funebri – Soċjeta` Filarmonika Birżebbuġa A.D. 1990. (1992, Awissu). Minn Qalb L-Iljuni, 3, 75.

Programm ta’ Marċi Funebri – 4 ta’ April, 1993. (1993, Awissu). Minn Qalb L-Iljuni, 4, 75.

Attivitajiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Ġawhra San Pietru

Il-bini u t-tlestija ta’ każin ġdid ta ċans lis-Soċjeta` tagħna li torganizza ħafna attivitajiet differenti. Fit-3 ta’ April 1996, il-Banda Birżebbuġa ħejjiet programm ta’ marċi funebri u mużika sagra għall-membri fis-Sala prinċipali tal-każin stess (Caruana, 1996).

L-Erbgħa 26 ta’ Marzu tal-1997 ġie mtellgħa programm mużiko-letterarju u biex l-affarijiet ikomplu jiġu ċċelebrati b’aktar serjeta’ u f’ambjent isbaħ inħadem salib artistiku minn Louis Marsh li tpoġġa wara l-banda fis-sala prinċipali tas-Sede tas-Soċjeta`. Dakinhar inqraw poeżiji minn Marika Żammit, David Farrugia, u Emanuel Mangion, filwaqt li Franz Brincat ippreżenta l-Programm. B’eċċezzjoni ta’ ħames bandisti, dakinhar il-banda kienet komposta kollha mill-bandisti tal-post (Programm ta’ Marċi Funebri u Mużika Sagra, 1997).

L-istess ħaġa ġiet organizzata fis-7 t’April 1998. Għal din is-sena, barra l-marċi funebri, is-surmast direttur iddeċieda li jżewwaq il-programm b’siltiet mużikali klassiċi li jixirqu f’programm ta’ dan it-tip. Dawn kienu: In a Monastery Garden ta’ Ketelby; Panis Angelicus ta’ Cesar Franck; u silta mehuda mill-Opera L’Arlesienne ta’ G.Bizet. Bħas-sena ta’ qabel inqraw poeżiji relatati maż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa minn Emanuel Mangion. Il-programm kien ippreżentat minn Abigail Caruana (Programm Mużiko Letterarju – Ġimgħa Mqaddsa 1998, 1998).

Referenzi:

Caruana, J. (1996, Awissu). Jikteb id-delegat tal-Banda. Minn Qalb L-Iljuni, 7, 19.

Programm Mużiko Letterarju – Ġimgħa Mqaddsa 1998. (1998, Awissu). Minn Qalb L-Iljuni, 9, 81.

Programm ta’ Marċi Funebri u Mużika Sagra. (1997, Awissu). Minn Qalb L-Iljuni, 8, 98.

Fis-Sena 1999 isiru r-recording u l-Irxoxt

Is-sena 1999 ser tibqa’ magħrufa għan-numru sabiħ ta’ inizjattivi li s-Soċjeta` tagħna għamlet bl-għan li tkompli tkattar il-kultura popolari reliġjuża ġewwa r-raħal tagħna, kultura li hija sinonima ma’ pajjiżna u ma’ bosta popli oħra fil-Mediterran li jħaddnu l-Fidi Kattolika.

Kien fid-19 ta’ Jannar tal-1999 meta għand id-ditta Boffa ta’ Raħal Ġdid ġie rrekordjat l-ewwel sett ta’ marċi funebri tas-Soċjeta`, u l-ewwel wieħed mix-xorta tiegħu f’Birżebbuġa.

Fid-29 ta’ Marzu 1999, ittellgħa l-programm mużiko-letterarju, fejn il-bandisti tal-post kienu l-protagonisti assoluti tiegħu (Azzopardi & Macelli, 1999). Personalment niftakar ukoll li wara dak il-programm kien intwera feature fuq forma ta’ big-screen b’tema reliġjuża. Wara ġiet inawgurata wirja ta’ mejda ta’ l-appostli fuq stil Lhudi liema ċenaklu Lhudi kien l-ewwel mit-tip tiegħu f’Birżebbuġa (Grima, 1999). L-apparat kien magħmul kollu mill-fuħħar. Fuq il-platti kien hemm frott u ħxejjex morri filwaqt li fil-buqari kien hemm inbid u ilma. Dan iċ-ċenaklu ntrama ġewwa kmajra żgħira magħmula mill-injam li bħala saqaf kellha koppla magħmula minn qafas ta’ l-injam u kartapesta. Tajjeb li ngħidu li din il-kamra ‘artifiċjali’ tħalliet hemm sa mill-Milied ta’ qabel peress li ġo fiha kien ġie eżebit presepju artistiku. Iċ-ċenaklu ntrama fuq mejda tonda b’ħafna msiebaħ żgħar inemnmu li ħolqu atmosfera mill-isbaħ. Fuq barra tal-kamra tħallew żinġla, buqar u banketta, naturalment biex ifakkruna fl-użanza tal-ħasil tar-riġlejn. Barra dawn kien hemm ukoll leġiju bi skroll fuqu għall-qari mil-liġi Lhudija, kif ukoll il-‘Menorah’ li huwa l-kandilabru b’seba’ xemgħat. Ma’ dan iċ-ċenaklu Lhudi ġew eżebiti wkoll settijiet ta’ vari, kwadri, slaleb, ilbies bibliku u affarijiet ta’ dan il-ġeneru. Fost in-nies li ħadmu f’din l-eżebizzjoni kien hemm Arthur Grima, Louis Buhagiar, Jurgen Camilleri, Anthony Briffa u Simon Galea (Caruana, 1999).

Imma l-akbar novita’ għal din is-sena kellha tkun dik ta’ Pageant ħaj fit-toroq ta’ Birżebbuġa bi statwa sabiħa ta’ Kristu Rxoxt, xogħol il-Kav. Alfred Camilleri Cauchi. Nhar Ħadd il-Għid 4 t’April 1999, għall-ħabta tas-6:30pm din l-istatwa ġiet irregalata lis-Soċjeta` mill-kolletturi tagħha stess u mbagħad inġarret b’serjeta’ kbira mat-toroq tal-parroċċa (Azzopardi, 2005). Is-Soċjeta` organizzat din l-attivita’ bid-dekor li kien jixraq, bl-għan ġenwin li titkattar il-kultura popolari reliġjuża li tant għadna nħossu n-nuqqas tagħha fir-raħal tagħna.

Referenzi:

Azzopardi, A., & Macelli, C. (1999, Awissu). Jiktbu d-delegati tal-Banda. Minn Qalb L-Iljuni, 10, 19.

Azzopardi, A. (2005, Awissu). Ħmistax-il sena ta’ Glorja. Minn Qalb L-Iljuni, 16, 73-81.

Caruana, J. (1999, Awissu). Il-Kelma tas-Segretarju. Minn Qalb L-Iljuni, 10, 1l-12.

Grima, A. (Awissu, 1999). Il-Wirja tal-Mejda ta’ l-Appostli u Vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Minn Qalb L-Iljuni, 10, 91.

Wirjiet Ġodda f’Millenju Ġdid

Is-Soċjeta` Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990 qatt ma qatgħet qalbha u dejjem ħarset ‘il quddiem. Dak li għamlet, għamlitu dejjem b’ġid għall-poplu ta’ Birżebbuġa.

Fis-sena 2000 għat-tielet sena konsekuttiva, reġgħet intramat iċ-ċena fuq stil Lhudi. Din id-darba ċ-ċenaklu ma ntramax fuq mejda tonda, iżda fuq mejda maqsuma fi 3 partijiet. Bħas-soltu kien hemm l-istess tagħmir tal-fuħħar u l-ikel tipikament Lhudi li kien jittiekel f’din l-ikla tradizzjonali Lhudija. Il-wirja nfetħet mill-President Simon Micallef u l-kaxxier tas-Soċjeta` Grazio Pullicino (‘Esibizzjoni Ċenaklu 2000’, 2000).

Fis-sena 2002, l-organizatturi dilettanti ddeċidew li jagħtu xejra differenti lil din il-wirja. Tant hu hekk li għal dik is-sena ħasbu biex l-attrazzjoni prinċipali tkun xi ħaġa oriġinali, oġġett li qatt ma sar qabel. Għal din is-sena l-attrazzjoni prinċipali kienet il-qabar ta’ Kristu, b’Ġesu mgeżwer f’liżar abjad. Dan kien espost fiċ-ċentru tas-Sala ta’ fuq fejn saret l-istess wirja. Barra ċ-ċenaklu u s-sepoltura ta’ Kristu, f’din il-wirja kien hemm ukoll oġġetti sagri oħra bħal inkwadri, vari, selezzjonjiet ta’ slaleb, settijiet diversi ta’ Via Sagra, kotba antiki, diversi mudelli ta’ altari u sepulkri, kostumi rumani, libsa tal-konfratija tal-fratelli tar-rużarju u anke siġra li ssimbolizzat it-tradiment ta’ Ġuda. Il-wirja ġiet imbierka minn Dun Charles Carabott, direttur spiritwali tas-Soċjeta` (Micallef, 2002).

Referenzi:

Esibizzjoni Ċenaklu 2000. (2000, Awissu). Minn Qalb L-Iljuni, 11, 119.

Micallef, S. (2002, Awissu). Wirja tal-Ġimgħa l-Kbira. Minn Qalb L-Iljuni, 13, 93.

Ir-Rappreżentazzjoni Drammatizzata

Fis-sena 2004 seħħ żvilupp interessanti u l-affarijiet ħadu xejra aktar serja. Li s-Soċjeta` tagħna minn dejjem kellha dilettanti tal-palk huwa fatt innegabbli. Xhieda ta’ dan huma n-numru ta’ produzzjonijiet li ttellgħu sa mill-ewwel snin tat-twaqqif tas-Soċjeta`. Kien għalhekk li beda jidwi fl-imħuħ ta’ bosta membri devoti ta’ dan iż-żmien qaddis li jittella’ dramm qasir tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ ftit minuti u jintwera diversi drabi matul il-ġurnata. Għalhekk ġiet imwaqqfa Kummissjoni apposta (‘Iċ-Ċenaklu’, 2004).

L-ewwel edizzjoni saret fl-2004 bl-isem ‘Iċ-Ċenaklu’. Il-ġurnata tant mistennija li fiha kellha ssir l-inawgurazzjoni ta’ din il-Wirja, ġurnata li żgur se tibqa’ mniżżla b’ittri tad-deheb fl-istorja tas-Soċjeta` kienet dik ta’ Ħadd il-Palm 4 t’April 2004. Dakinhar ftit qabel il-ftuħ tal-Wirja, il-Banda Birżebbuġa A.D. 1990 tellgħet programm ta’ mużika sagra u funebri f’Misraħ il-Knisja. Mat-tmiem il-programm mużikali, saret l-inawgurazzjoni mill-President Simon Micallef. Bħala l-ewwel Rappreżentazzjoni, il-membri kienu ddeċidew li jtellgħu x-xena taċ-Ċenaklu: il-ħasil tar-riġejn u l-aħħar ċena, żewġ episodji sempliċi iżda drammatiċi fl-istess ħin. Wara l-ewwel performance, li ħalliet lil kulħadd impressjonat, saret ċerimonja qasira fejn is-segretarju ta’ dak iż-żmien, is-Sur Johan Briffa, ippreżenta tifkira ta’ apprezzament lil kull min kien involut f’din il-wirja, filwaqt li s-Sinjura Rita Farrugia rregalat lis-Soċjeta` bandiera ta’ Kristu Rxoxt (‘Iċ-Ċenaklu’, 2004).

Fis-sena 2006, seħħ żvilupp ieħor interessanti meta r-Rappreżentazzjoni Drammatizzata inbidlet f’waħda Multiviżiva (‘Int Min Int ?!’, 2006). Hawnhekk bdiet tiġi wżata teknika teatrali ġdida fejn f’waqtiet partikolari, bis-saħħa ta’ black-out fuq il-palk, id-dramm jieqaf għal ftit ħin u minflok, jibda jintwera film fuq big-screen relatat max-xena li tkun għadha kif ġiet ippreżentata. M’għandniex għalfejn ngħidu li biċċa xogħol bħal din titlob dedikazzjoni kbira mill-membri numerużi tagħna li għandhom għal qalbhom dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. Il-preparazzjonijiet għal din l-attivita` jkunu intensivi ħafna bil-membri u l-atturi jieħdu l-filmati diversi ġimgħat qabel il-ftuħ ta’ din il-Wirja.

Ħaġa komuni li tidher f’dawn ir-Rappreżentazzjonijiet hija dik li kull sena, il-ġrajja tkun irrakkuntata minn għajnejn persunaġġ partikolari. L-ewwel Rappreżentazzjoni (2004) kienet irrakuntata minn għajnejn Ġuda. Fis-snin ta’ wara, l-istorja kienet irrakkuntata minn għajnejn San Pietru (2005), Pilatu (2006) u Erodi (2007). Biex is-Soċjeta` tikkommemora l-5 edizzjoni minn din il-wirja spettakolari, għażlet il-figura ta’ Marija Addolorata biex tkun il-protagonista ċentrali għar-Rappreżentazzjoni Drammatizzata tas-sena 2008. Din l-għażla hija sinjifikanti ħafna hekk kif Marija Addolorata kienet l-ewwel Titular li kellha Birżebbuġa. Minkejja l-bidla fit-Titular, id-Duluri għadha tqanqal fina l-Birżebbuġin devozzjoni kbira sal-ġurnata tal-lum.

Il-membri tas-Soċjeta` qiegħdin minn sena għal sena jħarsu ‘l quddiem biex din il-manifestazzjoni tikber fid-devozzjoni u fis-sbuħija artistika tagħha. Dawn ir-Rappreżentazzjonijiet dejjem kienu ta’ suċċess kbir u anke jiġbdu nies minn diversi rħula mbiegħda. Ir-Rappreżentazzjoni Drammatizzata Multiviżiva qiegħda tiġi trattatha f’aktar dettal f’sezzjoni separata f’dan l-istess sit elettroniku.

Referenzi:

Iċ-Ċenaklu: Wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa 2004. (2004, Awissu). Minn Qalb L-Iljuni, 15, 39.

Int Min Int ?! (2006, Awissu). Minn Qalb L-Iljuni, 17, 35.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s