Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Ġo Birżebbuġa

Devozzjoni Kbira tad-Duluri f’Birżebbuġa

F’Birżebbuġa hawn devozzjoni kbira lejn id-Duluri. Sa mill-1913 u għal bosta snin wara, id-Duluri kienet it-titular ta’ dan ir-raħal. Imma d-devozzjoni lejn Marija Addolorata tmur lura qabel ma’ Birżebbuġa saret parroċċa. Insibu li fil-25 ta’ Marzu 1893 fil-Knisja ta’ Birżebbuga, dak iż-żmien il-kappella ”viċendarja’ tas-Sagra Familja, inżammet għall-ewwel darba fir-raħal tagħna il-’Via Matris’ li hija bħal Via Sagra li fiha jiġu kkontemplati is-seba’ duluri ta’ Marija. Dakinhar ma’ bosta villeġġanti ħadu sehem Don Saverio Mamo, rettur tal-Knisja, Kan. Giovanni Bonnici, is-Sur Luigi Cafiero li dderieġa kor ta’ tfal u Mons. Spir Penza. Dan tal-aħħar irregala lill-knisja ta’ Birżebbuġa kwadru sabiħ tad-Duluri li fl-1907 mal-bini tal-knisja tad-Duluri sab ruħu bħala l-ewwel kwadru titolari f’dik li kellha tkun l-ewwel parroċċa.

Birżebbuġa Ssir Parroċċa

Birżebbuġa twaqqfet parroċċa fis-sena 1913 b’digriet mill-isqof Pietru Pace fid-9 ta’ Settembru. Qabel dan, Birżebbuġa kien post ta’ villeġjatura għal ħafna nies minn Bormla, u mill-villaġġi qrib bħal Ħal Għaxaq, iż-Żejtun, u anke Ħal Luqa, lokalitajiet fejn il-Ġimgħa Mqaddsa hija ċċelebrata b’devozzjoni kbira. Fid-digriet li kien ħareġ l-Isqof għamel lill-kappella tad-Duluri awtonoma bl-ewwel Kappillan tagħha l-Kanonku Bormliż, Dun Karm Bugelli. Din il-kappella tad-Duluri kienet ilha mwaqqfa qabel ma Birżebbuġa saret parroċċa. Id-devozzjoni lejn il-Madonna partikolarment lejn id-Duluri għandu għeruq fondi fir-raħal sabiħ tagħna ta’ Birżebbuġa. Il-fatt li f’Birżebbuġa kien hawn konċentrazzjoni ta’ ħafna nies mill-parroċċa ta’ Bormla setgħet ħalliet effett kbir f’dawn l-inħawi f’dak li għandu x’jaqsam mad-devozzjoni lejn il-Passjoni ta’ Kristu.

Wirjiet mis-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Ta’ interess partikolari hija l-wirja sabiħa li taf tagħti s-Soċjeta’ tagħna. Is-Soċjeta’ tagħna kienet l-ewwel banda li bdiet ixxerred l-interess fil-Ġimgħa Mqaddsa fir-raħal tagħna bis-saħħa ta’ daqq ta’ marċi funebri u mużika sagra kif ukoll b’permezz ta’ bosta wirjiet fis-sede tas-Socjeta’ stess. F’dawn l-aħħar snin bdiet tiġi wkoll imwaqqfa Kummissjoni Wirja Ġimgħa Mqaddsa peress li issa qegħdin intellgħu wkoll dramm ta’ livell għoli ħafna fis-sala prinċipali tal-każin. Wieħed ma jridx jinsa l-Banda mużikali tagħna, li ilha ttellgħa programmi ta’ mużika sagra u marċi funebri tista’ tgħid sa mit-twaqqif tas-Socjeta’ stess. Kien hemm tentattiv ġenwin li biex f’Birżebbuġa tiżdied il-kultura soċjo-reliġjuża bħalma jsir f’irħula oħra u pajjiżi oħra madwar id-dinja tiġi mżanżna statwa ta’ Kristu Rxoxt.

Pageant miż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika

Barra ċ-ċerimonji liturġiċi ta’ dawn iż-żminijiet li jsiru fil-knisja parrokkjali, jagħtu s-sehem tagħhom anke l-għaqdiet tal-parroċċa fosthom dawk taż-żewġ baned lokali kif ukoll il-grupp taż-ZAK ta’ Birżebbuġa. F’Birżebbuġa minn dejjem kien jittellgħa dramm tal-passjoni miċ-Ċentru tal-Azzjoni Kattolika. Għalkemm iż-żminijiet inbidlu, iċ-ċentru ŻAK għadu sal-lum itella’ dramm sabiħ tal-passjoni ta’ livell għoli ħafna grazzi għall-ħila u d-dedikazzjoni ta’ dawn iż-żgħażagħ li jaħdmu minn qalbhom biex ikattru l-ġid u jkabbru l-kultura fir-raħal tagħna. Membri miċ-ċentru ŻAK jgħidu li dejjem kellhom sodisfazzjonijiet kbar f’dawn il-pegeants. Dari dawn il-pegeants kienu jsiru anke fil-knisja parrokkjali u ġieli wkoll fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali. Fis-sena 2006 tellgħu id-dramm ‘Ikun li trid int’ li ġie mfaħħar minn kulħadd. Id-direttur ta’ dawn id-drammi huwa huwa s-Sur Emanuel Francalanza. Prosit tassew!

Wirjiet Privati għall-Pubbliku f’Birżebbuġa

F’Birżebbuġa hawn numru kbir ta’ nies li f’darhom għandhom sett ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Sfortunatament kemm minħabba spejjeż u minħabba ħin dawn jibqgħu armati ġewwa għall-gost ta’ sidhom biss. Hawn min imma li jkun jixtieq li juri l-vari artistiċi tiegħu lil ħaddieħor. Hekk jagħmel Joe Abdilla magħruf bħala t-”te’ fil-garaxx tiegħu fi triq San Ġwann. Joe għandu sett sabiħ immens ta’ vari oriġinali maħdumin bl-idejn. Meta wieħed iżur il-wirja ta’ Joe Abdilla żgur jintebaħ bil-mod li huma armati l-istatwi. Il-vari huma eżebiti taħt navi magħmulin mill-injam u fin-nofs hemm armat ukoll mudell ta’ sepulkru. Wieħed jista’ wkoll jinnota l-armar sabiħ li jkun hemm maġenb l-istatwi u mal-kolonni tan-navi bħall-Via Sagra. Għal min huwa intiż f’dan id-delizzju jaf illi materjal bħal dan jiswa ħafna flus. Prosit lil Joe ta’ din il-wirja.

Ċelebrazzjonijiet Liturġiċi ġewwa l-Knisja Parrokkjali

Iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi jibdew minn ras ir-randan biċ-ċerimonja tal-Irmied. Wara jiġu osservati ħamest iħdud tar-Randan. F’Jum id-Duluri ssir il-purċissjoni bl-istatwa ta’ M.Addolorata. F’Ħadd il-Palm isir it-tberik taż-żebbuġ u l-palm fil-kappella tad-Duluri u wara ssir purċissjoni sal-knisja parrokkjali fejn issir quddies bl-evanġelu tal-passjoni. F’Ħamis ix-Xirka ssir iċ-ċerimonja tal-ħasil tar-riġlejn, it-translazzjoni tas-sagrament fis-sepulkru u l-viżti tal-Via Sagra. Fil-Ġimgħa l-Kbira filgħodu jsir il-kant tal-matutin mill-Kor Parrokjaliu mbagħad wara titkompla l-Via Sagra u wara nofsinhar issir l-Azzjoni Liturġika tal-Qari tal-Passjoni, l-Adorazzjoni tas-Salib u t-tqarbin. F’Sibt il-Għid filgħaxija tibda l-funzjoni tal-Viġili tal-Għid, fejn titkanta t-tħabbira ta’ l-Għid. F’Jum l-Għid filgħodu barra li jsir il-quddies tal-Għid isir it-tberik tal-figolli u wara nofsinhar isir it-tberik tad-djar tas-saċerdoti.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s