M’hemm l-ebda dubju li dan huwa Għid il-Kbir b’differenza. Minħabba l-Pandemija Covid-19 kull attività marbuta mal-Irxoxt ġiet imħassra ma’ Malta u Għawdex kollu. Dan huwa mument mhux komuni għalina. Ħajjtna nbidlet mil-lejl għan-nhar. Xejn m’għadu bħal qabel. Inħarsu ‘l quddiem għas-sena d-dieħla. Min-naħa tagħna, nawguraw lill-Maltin u l-Għawdxin kollha, l-Għid it-Tajjeb.
L-Irxoxt lura f’Birżebbuġa fl-2017.
Is-sena d-dieħla (Sena Liturġika B)
Ras ir-Randan se jiġi nhar l-Erbgħa 17 ta’ Frar 2021.
Ħadd Lazzru se jiġi nhar il-Ħadd 21 ta’ Marzu 2021.
Ħadd il-Palm se jiġi ċċelebrat nhar it-28 ta’ Marzu 2021.
L-Erbgħa tat-Tniebri se jiġi nhar il-31 ta’ Marzu 2021 f’Jum il-Ħelsien.
Ħamis ix-Xirka ġejja nhar l-1 t’April 2021.
Il-Ġimgħa l-Kbira ġejja nhar it-2 t’April 2021.
Sibt il-Għid ġejja nhar it-3 t’April 2021.
Ħadd il-Għid se jiġi nhar l-4 t’April 2021.
L-Għid il-Kbir jista’ jiġi l-iktar l-kmieni nhar it-22 ta’ Marzu u l-iktar tard il-25 t’April.
Il-Papa Franġisku f’ċerimonja straordinarja fil-bidu tal-Pandemija kbira tal-Covid-19, jagħti l-benedizzjoni tiegħu fi Piazza San Pietro mingħajr nies, ritratt surreali li se jibqa’ mmarkat fl-istorja umana. 27 ta’ Marzu 2020.
Din is-sena l-Ġimgħa Mqaddsa hija waħda differenti, waħda siekta, ‘il bogħod mill-entużjażmu tal-kultura reliġjuża popolari. Agħar minn hekk, il-fidili ma jistgħux lanqas immorru l-knijsa għall-funzjonijiet. Dan minħabba li sa minn Diċembru 2019 fiċ-Ċina faqqgħet pandemija perikoluża li bdiet tinfirex mad-dinja kollha u waslet fuq ix-xtut tagħna lejn l-aħħar ta’ Frar dħul Marzu 2020. Din hija tista’ tgħid xi ħaġa mingħajr preċedent. L-aħħar pandemija ta’ dan il-kobor seħħet mitt sena ilu, qisu bejn l-1918 u l-1920 meta wara l-Ewwel Gwerra Dinjija faqqgħet l-influwenza Spanjola li qatlet madwar 50 miljuna persuna. Il-kriżi li ninsabu fiha bħalissa hija simili ħafna tal-kriżi li għaddejna minna fit-Tieni Gwerra Dinjija bejn l-1939 u l-1945. L-ekonomija u t-turiżmu ħadu l-akbar daqqa ta’ ħarta li qatt setgħu jieħdu. Trasport bl-ajru u lukandi battala mad-dinja kollha. Mijiet qed jistennew li jitilfuq xogħolhom ukoll. Din hija kriżi, frott ta’ gwerra kontra għadu trasparenti, virus perikoluż li qed jattakka diversi nies u qed joqtol eluf kbar mad-dinja kollha. Il-ġirien tagħna t-Taljani jinsabu f’kriżi kbira, u sħabhom l-Ispanjoli xejn inqas. Dawn huma żewġ nazzjonijiet fejn il-Ġimgħa Mqaddsa hija ċċelebrata fl-ikbar pompa. Xejn minn dan din is-sena. Kollox sieket se jibqa’, la purċissjonijiet, la pagaents, la manifestazzjonijiet, xejn. Imma agħar minn hekk, il-fidili ma jistgħux jiċċelebraw flimkien bħala komunità fil-knejjes tagħhom dan il-misteru qaddis. Din is-sena f’atmesfera tassew surreali, il-lajċi u r-reliġjużi jkollhom isegwu kollox fuq it-televixin jew minn fuq l-internet, minħabba l-liġijiet li l-istat qed joħroġ f’dan iż-żmien ta’ emerġenza kbira. Fl-24 ta’ Marzu 2020, fid-dawl ta’ din it-traġedja li qed ngħixu, il-Knisja ddeċidiet li din is-sena ma jsiru l-ebda manifestazzjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u anke tal-festi li jsiru matul is-Sajf. Anke l-preċett u l-griżma se jkollhom jiġu posposti. Dan huwa mument straordinarju li qed ngħixu, xi ħaġa li n-nanniet tagħna la qatt raw bħalha u lanqas biss stennew li se nsibu ma’ wiċċna.
Din is-sena għalhekk dan iż-żmien qed inqattgħuh ġewwa b’ċertu biżà u trepidazzjoni. Il-funzjonijiet se narawhom fuq it-televixin. Din is-sena qed niċċaħdu minn kull manifestazzjoni li tressaqna lejn Alla, forsi għal gost ta’ dawk li huma patetikament atei, agnostiċi jew li moħħhom huwa kkmandat mill-puritaniżmu protestant. Għalhekk din is-sena hija s-sena li se togħġob lilhom, però xejn inqas għal min iħobb il-kultura reliġjuża popolari. Forsi din is-sena huwa ċ-ċans sabiħ li ninġabru iktar flimkien mal-familja u nesperjenzaw il-misteru tal-passjoni ta’ Ġesù fid-djar tagħna, forsi anke quddiem xi xbieha jew xi salib mixgħul bil-lejl kif qalilna li għandna nagħmlu xorta l-Isqof tagħna Mons. Charles J. Scicluna f’wieħed mill-messaġġi li tana matul dawn il-jiem partikolari. Għalhekk min għandu xi sett ta’ vari tal-passjoni jew xi salib li jista’ jixegħlu ma joqgħodx jiddejjaq jarmahom. Ma ninsewx li s-salib huwa s-simbolu tar-rebħa. Dan iż-żmien jgħaddi u forsi se jkun żmien diffiċli li jaf iħalli diversi vittmi u mejta, imma jgħaddi wkoll. Inħarsu ‘l quddiem biex inkomplu mexjin fil-mixja tagħna. Alla magħna sal-aħħar tad-Dinja.
Nhar l-Erbgħa 6 ta’ Marzu 2019, wara l-jiem sbieħ tal-Karnival, Malta bdiet ir-riflessjoni tagħha fil-mixa li trid twassalna biex nimmeditaw il-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu, liema miexja ma tieqafx mal-mewt imma tilħaq il-milja tagħha bil-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Anke fir-raħal tagħna sabiħ tagħna ta’ Birżebbuġa, bdejna din il-mixja. Nhar l-Erbgħa 6 ta’ Marzu 2019, tajna bidu għar-Randan permezz ta’ Via Sagra mill-Kappella tad-Duluri sal-Knisja Parrokkjali. Għal dan il-għan ġie wżat salib antik ħafna li huwa konservat fil-Knisja tas-Sagra Famiglia. Wara l-Via Sagra ċċelebrajna l-funzjoni bit-tqegħid tal-irmied.
F’Birżebbuġa dawn l-aħħar snin erġajna introduċejna l-pellegrinaġġ ta’ qabel il-funzjoni tat-tqegħid tal-irmid. Dan qed nagħmluh b’kurċifiss u b’Via Sagra. L-attendenza hija sabiħa meta tqis li din il-Via Sagra inqatgħet mill-ħajja tal-parroċċa hekk kiesaħ u biered. Għalhekk ta’ min wieħed jirringrazzja lill-kappillan preżenti u nagħmlulu kuraġġ sabiex ikompli jiċċelebra din il-ġurnata qaddisa b’pellegrinaġġ u Via Sagra qabel il-funzjoni tat-tqegħid tal-irmied.
Ir-ritratti li qed jintwerew huma kollha ta’ Anthony Xuereb, fotografu professjonali u bravu minn Birżebbuġa.
Artiklu Interessanti miktub mill-Perit Michael Schembri fuq l-insert tal-Magażin ‘Flimkien’ tal-Parroċċa tagħna ta’ Birżebbuġa Marzu 2019 Numru 172 (jew Birżebbuġa – Leħen il-Parroċċa – Ħarġa 300 – Marzu 2019)
Fl-Erbgħa tar-Rmied jibda r-Randan Imqaddes. Niftakar li fl-antik, mal-bidu tas-sena, konna nixtru l-Almanakk mingħand l-Ajk Franġiskan, jidhirli li kien fra ta’ Ġiezu, li kien jiġi jiġbor għall-kunvent jew għall-Art Imqaddsa. Billi Ras ir-Randan, il-Gimgħa l-Kbira u dak iż-żmien kien għad hemm ġranet oħra li fihom ma jiswiex li jittiekel il-laħam, allura fil-kalendarju kienu jimmarkaw dawk il-jiem b’ħuta ħamra madwar in-numru tad-data.
Intant, f’Ras ir-Randan, mal-ħdax ta’ filgħodu konna ndoqqu tliet tokki bil-qanpiena tal-Angelus, biex bħal infakkru n-nies li sar il-ħin biex jieklu xi ħaġa f’nofs il-jum qabel ma jerġgħu jkomplu s-sawma.
Tul ir-Randan ma kinux jiċċelebraw żwiġijiet u għalhekk kienu jkunu bosta dawk il-koppji li jiżżewġu fl-ewwel Sibt ta’ wara l-Għid il-Kbir. Nhar il-Ġimgħa wara l-ewwel Ħadd tar-Randan konna narmaw l-istazzjonijiet tal-Via Sagra bil-girlandi u l-brazzi tal-festa peress li dakinhar kienet tkun il-festa tagħhom. Kien isir il-kant ma’ kull stazzjon u wara ssir il-prietka li jien nafha ssir fil-quddiesa. Il-Ġimgħa ta’ wara kien jintrama l-‘Ecce Homo’ fuq l-artal tal-Kurċifiss u ssirlu l-prietka filgħaxija. Niftakarha ssir minn Dun Rikard u għaliha kien jitħallas 16-il xelin (kważi €2).
Imbaghad kienu jibdew l-Ezercizzi: għax-xebbiet, għan-nisa, għall-ġuvintur, għall-irġiel u għal kulħadd. It-tfal kien ikollhom il-prietki tagħhom fl-iskejjel. Ix-xebbiet u l-ġuvintur ma kinux biss dawk li għadhom żgħażagħ fl-età iżda kienu jinkludu wkoll dawk l-anzjani li ma żżewġux u probabbli anke min romol. Għall-eżerċizzi, flok jipprietkaw mill-pulptu, kienu jagħmlu palk (illum addattajnieh bħala bankun għall-vari proċessjonali) quddiem l-artal in-naħa tal-epistola (qrib fejn illum hemm l-orgni) li fuqu kien ikun hemm il-Kurċifiss il-Kbir flimkien ma’ mejda u siġġu għall-predikatur. Kienu jġibu xi qassisin barranin minn tal-Missjoni l-Kbira, li jqarru fil-konfessjonarji ta’ wara għax it-tnejn ta’ quddiem kienu riservati għall-Kappillan u għall-Viċi, jiġifieri Dun Rikard.
Fl-aħħar ħmistax tar-Randan, jiġifieri ma’ Ħadd Lazzru, kien isir l-għammad – it-twieqi t’isfel jitgħattew bid-drapp iswed, ta’ fuq bil-kartun, u l-kwadri u l-istatwi bid-drapp vjola li kien jibqa’ hemm sal-Glorja ta’ Sibt il-Għid. Bħal kull raħal ieħor, issir il-purċissjoni tad-Duluri, il-funzjoni tal-ħasil tar-riġlejn u l-vizti lis-sepulkru. Aktar tard daħlet id-drawwa tal-purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm bil-personaġġi u l-ħmar kif ukoll tal-pageant tal-passjoni. F’Ħamis ix-Xirka konna narmaw l-Appostli bejn il-gandlieri fuq l-artal.
Is-sepulkru kien jintrama bix-xeni iżda fis-snin 60 tbiddel f’forma t’artal għall-adorazzjoni. Lejlet Ħamis ix-Xirka kienet issir il-funzjoni tat-Tniebri. Mill-Glorja tal-Ħamis ix-Xirka sal-Glorja ta’ Sibt il-Għid, il-qniepen iċedu posthom għaċ-ċuqlajta. U bħalma sal-lum għad hemm id-domanda għall-friegħi taż-żebbuġ imberkin, xi wħud kienu jiġu jitolbuna l-fjuri tas-sepulkru. ■
Ninsabu fl-aħħar jumejn tal-Karnival sabiħ ta’ Malta li Alla jbierek anke aħna l-Birżebbuġin nafu ngawduh kif suppost (birzebbugacarnival.wordpress.com) bis-saħħa tal-Kunsill u ż-żewġ baned tagħna. Issa li wasalna lejn l-aħħar, dawk li għandhom għal qalbhom il-ġimgħa Mqaddsa jibdew iħarsu ‘l quddiem sabiex jiċċelebraw bl-aħjar u bl-isbaħ mod dawn il-jiem ta’ ġabra.
Aħna n-nies ta’ Birżebbuġa għandna għalfejn inkunu kburin u dan għaliex din il-parroċċa l-ewwel ma ġiet iddedikata kienet lill-Madonna tad-Duluri. Dan ifisser li għad li m’għandniex vari u purċissjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa bħalma għandhom l-irħula ġirien tagħna, xorta waħda għandna nħossu li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jappartjenuna b’mod speċjali daqshom. Mhux hekk biss, imma meta l-Isqof Dom Mauro Caruana ddeċieda li jibdel it-titular tal-parroċċa tagħna, għażel qaddis kbir li wkoll għandu rabta mal-ġrajja tal-passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu. Għalkemm fir-reliġjon tagħna nagħtu importanza kbira lill-Marija Addolorata, il-figura ta’ San Pietru Appostlu hija ferm ċentrali fil-kwadru tal-ħajja terrena ta’ Ġesù. Dan għaliex fl-Evanġelji ta’ spiss niltaqgħu m’episodji fejn Ġesù jirrevela l-missjoni tiegħu, dik li jingħata f’idejn l-‘għedewwa’ biex jinqatel u Alla wara tliet ijiem jerġa’ jqajjmu mill-ġdid. F’dawn l-episodji donnu San Pietru jieħu xejra ta’ protagonista, daqqa jeżalta n-natura ta’ Ġesù u daqqa Ġesù stess ikeċċieh minn quddiemu għax jarah ta’ xkiel għall-missjoni tiegħu. Dawn iż-żewġ figuri tal-Madonn u ta’ San Pietru li magħhom aħna għandna rabta kbira bħala raħal, huma ċentralissimi fl-istorja ta’ Ġesù. Għalhekk iva aħna n-nies ta’ Birżebbuġa għandna rabta kbira u importanti mal-ġrajja tal-Passjoni ta’ Ġesù u għalhekk wieħed għandu jirringrazzja lil dawk li minn sena għal sena jaraw kif se jfakkru din il-ġrajja fir-raħal tagħna permezz ta’ pageants, kunċerti ta’ mużika sagra u funebri, wirjiet u funzjonijiet sbieħ. Fadal x’isir, imma ma naqtgħux qalbna. Il-preokkupazzjoni ta’ ħafna nies illum hija li qed nitilfu ħafna minn dawk li ħallewlna missirijietna. Is-sekulariżmu, l-ateiżmu u l-agnostiċiżmu donnhom qed jerfgħu rashom wisq ‘il fuq. Il-ħidma li qed issir mis-saċerdoti biex l-erwieħ ma jiġux aljenati mit-tlellix tad-dinja hija kbira. Naħseb li qed issir ħidma kbira anke jekk ir-riżultati mhux dejjem huma tanġibbli.
Il-perjodu tal-Ġimgħa Mqaddsa joffri mument sensittiv sabiex in-nies taħseb u tirrifletti fuq għemilha. Hija wara kollox l-ikbar festa tal-Knisja tagħna. Il-misteru tal-Qawmien ta’ Kristu huwa ferm importanti għall-Fidi tagħna. Il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù huma riflessjoni tal-ħajja tagħna fuq din l-art. Bħalma Ġesù bata u miet għalina, hekk aħna rridu naraw kif nfendu għalina f’dan il-vjaġġ li ultimament għandu jwassal għal-qawmien tagħna miegħU bħala ħaġa waħda mal-missier Alla. Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-bniedem. Alla tlaħħam bħalna, umilja ruħu u niżel fostna biex jieħu fuqu d-dnubiet tagħna. Wara li għamel tliet snin jgħallem ried jissiġilla l-patt tas-salvazzjoni bl-akbar sagrifiċċju li seta’ jagħti, l-akbar prova tal-imħabba tiegħu lejna, jiġifieri dak li jmut għalina u jagħti xhieda tal-qawwa tiegħu bil-qawmien. Għalkemm Ġesù widdeb u ħadha qattgħa bla ħabel mas-saċerdoti tat-tempju, l-qawmien tiegħu mill-mewt ma tistax tiġi mfissra bħala sfida lejhom. Ġesù ma qamx mill-mewt biex jisfida lil dawk li qatluh imma għax hekk kien hemm miktub fl-profezija. Ġesù qam mill-mewt biex jagħti tifsira lil dak kollu li kien għallem dwaru. Ġesù qam mill-mewt biex juri lid-dinja li hu kien verament il-Messija mibgħut minn Alla u dak li għallem għandu jiġi miżmum bl-akbar għożża u prattikat mill-umanità kollha.
Nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lil dawk kollha li qed jaħdmu biex f’Birżebbuġa jkun hawn atmosfera xierqa tal-Ġimgħa Mqaddsa. Veru li għad fadal ħafna x’isir, imma diġà hawn ħafna li bl-inizjattiva personali tagħhom diġà qed joħolqu atmosfera. Nappella lin-nies ta’ Birżebbuġa biex jieħdu sehem, u jattendu għad-diversi avvenimenti li se jkun hawn fir-raħal tagħna. Se jerġa’ jkun hawn diversi kunċerti, diversi wirjiet u diversi avvenimenti interessanti. Minn hawn nixtieq nagħmel kuraġġ lil min jorganizza, filwaqt li nappella lill-poplu ta’ Birżebbuġa biex jipparteċipa, jieħu sehem u jattendi għal dawn il-manifestazzjonijiet. Nappella wkoll lilkom li tgħixu fir-raħal tagħna ta’ Birżebbuġa biex tieħdu l-inizjattiva sabiex iddendlu s-slaleb li jixegħlu mal-galleriji fuq xi pezza vjola jew sewda fl-isfond. B’hekk biss noħolqu dik l-atmosfera sabiħa li tikkaraterizza dan iż-żmien tas-sena. Fl-aħħar bħala ħutkom fil-Fidi, ninkoraġġikom biex tfittxu lil Ġesù fil-qrar u fl-ewkaristija f’dawn il-jiem importanti tas-Sena.
Ftit siegħat oħra u ma’ tmiem il-Karnival nagħtu bidu għat-tifkira tal-Mewt u l-Passjoni ta’ Ġesù Kristu, veru Alla u veru bniedem. Ġesù jirrapreżenta l-ħaruf li kellu jiġi sagrifikat biex il-poplu ta’ Alla jkun jista’ jsalva. Dan huwa misteru kbir. Alla li jibgħat lill-iben waħdieni tiegħu biex jiċċekken u jinżel fil-livell tal-bniedem. Il-Kristjaneżmu huwa bbażżat appuntu fuq il-ħajja u t-tagħlim li ħallielna Ġesù. X’tifsira għandhom it-33 sena li Ġesù kien magħna fuq din l-art? Ħafna. It-tagħlim li ħallielna huwa l-patt il-ġdid li għamel Alla mal-poplu tiegħu, patt miftuħ għall-bnedmin kollha tad-dinja u mhux għall-poplu Lhudi biss.
X’tifsira għandhom dawn il-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir? Hemm sens li niċċelebrawh kif niċċelebrawh aħna l-Maltin? Hemm sens fil-purċissjonijiet u l-esebizzjonijiet li nagħmlu? Ta’ spiss fuq il-gazzetti u blogs oħra lokali naqraw kummenti dispreġjattivi kontra dawn it-tradizzjonijiet Maltin. Il-misteru tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù jirrapreżenta ftit jew wisq il-ħajja tagħna fuq din l-art. Il-mewt u t-tbatija ta’ Ġesù hija l-mewt u t-tbatija tagħna. Il-Qawmien ta’ Ġesù hija t-tama tagħna għall-ħajja aħjar wara din id-dinja. Iż-żmien li fih nikkommemoraw it-tbatija u l-mewt ta’ Ġesù għandha ġġiegħlna nirriflettu fuq il-mortalità tagħna. Fl-ewwel ġurnata tar-Randan, fil-funzjoni li ssir ġewwa l-knisja, is-saċerdot jgħidilna b’mod dirett ‘trab kont u trab trid terġa’ ssir’ filwaqt li jroxx fuq rasna l-irmied tal-friegħi maħruqa taż-żebbuġ. Bil-mewt ta’ Ġesù għandna niftakru fit-tbatijiet tagħna, fid-dnubiet tagħna, fil-limitazzjonijiet tagħna. Żmien il-Ġimgħa Mqaddsa għandu jservi bħala żmien ta’ riflessjoni u tisfija. Barra minn din l-esperjenza personali u profonda, żmien il-Ġimgħa Mqaddsa huwa wkoll żmien li fih infakkru passi importanti fil-Liturġija tagħna: it-twaqqif tas-Saċerdozju u tal-Ewkaristija. Għalhekk il-funzjonijiet fil-knisja jieħdu wkoll dimensjoni importanti daqs ir-riflessjoni u l-esperjenza personali li semmejna ftit qabel. Il-programm liturġiku minn dan il-lat huwa rikk, huwa patrimonju tal-Knisja li jmur lura għal mijiet ta’ snin.
Mar-riflessjonijiet personali li kull individwu jagħmel matul dawn il-ġranet anke bis-saħħa ta’ diversi eżerċizzji li jiġu organizzati flimkien mal-funzjonijiet liturġiċi li jsiru ġewwa l-knisja biex bihom infakkru t-twaqqif ta’ diversi sagramenti istituwiti minn Ġesù nnifsu, wieħed ma jistax iħalli barra t-tradizzjoni popolari reliġjuża. Din bla dubju ta’ xejn għandha post speċjali f’qalb il-Maltin. Din hija espressjoni ta’ fidi, kultura u arti. Din l-espressjoni tqarreb lil ħafna nies lejn il-misteru tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù. Għaldaqstant ħadd m’għandu jħossu privileġġat li jirridikola jew jattakka lil dawk li jħobbu dawn l-affarijiet u li permezz tagħhom iħossuhom qrib t’Alla. Ġesù stess niżel f’din id-dinja, tlaħħam u ma baqgħax spirtu. F’ħafna reliġjonijiet fid-dinja, il-figura ta’ Alla hija biss fil-forma ta’ spirtu. Ir-reliġjon tagħna mhijiex hekk. Aħna nemmnu li Alla tlaħħam bħalna u għadda mill-esperjenza umana. Għalhekk il-figuri u l-arti li b’xi mod tirrapreżenta lil Ġesù hija leġittima u hemm lok għaliha. Mhijiex paġaniżmu jew idolatrija.
F’Birżebbuġa, grupp imdaqqas ta’ nies qed jerġgħu jaħdmu biex jagħtu spettaklu ta’ arti, jagħtu ċans lill-individwi biex iżuru l-wirja tagħhom u jkollhom okkażjoni li jirriflettu fuq dan il-Misteru reliġjuż. Jidher li se jkun hemm xi wirjiet ġodda u dan jawgura tajjeb ħafna. Il-mużika ma tonqosx u bi pjaċir ngħid li żewġ wirjiet minnhom bħas-snin l-imgħoddija se jkunu qed jinfetħu bil-mużika ta’ grupp volontarju ta’ mużiċisti bravi. Quddiem dan kollu bilfors li wieħed irid ifaħħar dan l-entużjażmu. Li tara grupp ta’ żgħażagħ jieħu inizjattiva biex ifakkar dan iż-żmien għażiż hija xi ħaġa ta’ min ifaħħar. Prosit lil kulħadd. Dawn in-nies għandhom jiġu rikonoxxuti. Inħeġġeġ lill-Kunsill biex jagħti iktar importanza lil dawn l-attivitajiet kulturali u jgħin iktar lil dawn il-volontarji. Wieħed jirringrazzja wkoll il-Knisja ta’ Birżebbuġa, il-Kappillan, il-viċi u l-Kleru tal-għajnuna. Kemm hu sabiħ li wieħed jinkoraġixxi dawn l-affarijiet, speċjalment meta qed ngħixu f’dinja fejn ħafna miż-żgħażagħ qed jintilfu f’ħinijiet twal quddiem xi playstation. Dan il-wirt irridu nieħdu ħsiebu u rridu nneħħu l-istigma li tpoġġiet fuqu dawn l-aħħar snin. Hija ħasra meta tisma’ ċertu nies awtorevoli jitkellmu kontra dawn l-użanzi. Dan huwa ħażin ħafna.
Nagħlaq dan il-messaġġ li nagħmel ta’ kull sena fuq dan il-Blog billi nwiegħed l-għajnuna tiegħi kollha sabiexl-attivitajiet li jsiru f’Birżebbuġa jkunu reklamati ma’ Malta u Għawdex kollu. Birżebbuġa hija ddedikata kemm għal San Pietru u anke għad-Duluri, żewġ personaġġi li fl-istorja tal-Passjoni ta’ Ġesù għandhom rwol importanti ħafna. Il-veru fatt li Birżebbuġa kienet iddedikata lid-Duluri għandha tagħtina spinta biex nagħmlu minn dan iż-żmien teżor kbir ta’ fidi u kultura. Birżebbuġa għandha tħossha kburija li kienet mgħammda taħt id-Dulur ta’ Sidtna Marija. Nirringrazzja lil dawk kollha li qed jaħdmu biex ikabbru l-Kultura ta’ dawn iż-żminijiet f’Birżebbuġa. Kull sena qed jiżdiedu fil-kwalità u l-kwantità. Ħadd m’għandu jaqta’ qalbu. Bis-saħħa tal-wirjiet u l-mużika li qed norganizzaw qegħdin nagħtu gost lil ħafna nies kemm minn Birżebbuġa u kemm minn barra Birżebbuġa.
Nawguralkom żmien sabiħ ta’ riflessjoni mal-Passjoni ta’ Ġesù u ċelebrazzjonijiet ta’ kuntentizza mal-Qawmien tiegħu mill-Imwiet.
Għal min hu dilettant, il-preparazzjonijiet jibdew mill-għada li tgħaddi l-festa għas-sena ta’ wara. Sena d-dieħla l-ġranet qaddisa tar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa se jkunu hekk:
Nixtieq minn qalbi nirringrazzja lil dawk kollha li qed jaħdmu biex Birżebbuġa ma tkunx nieqsa miċ-Ċelebrazzjonjiet tal-Għid. L-għan tad-Dilettanti ta’ dawn il-jiem qaddisa huwa li jqarrbu kemm jista’ jkun lil Ġesù fil-qlub tan-nies. Dawn l-użanzi mhumiex ‘paganiżmu’, kelma li sfortunatament daħlet f’ħalq ħafna nies u ħadd ma jużaha fil-kuntest it-tajjjeb. L-użanzi li jsiru f’dan iż-żmien jgħinuna noqorbu aktar lejn dan il-misteru, ta’ bin Alla li ġie fid-dinja biex jgħix bħalna u jmut għad-dnubiet tagħna.
Nifraħ lil dawk li tellgħu l-wirjiet tagħhom, il-parroċċa li fasslet programm sħiħ ta’ ċelebrazzjonijiet, liż-żewġ għaqdiet mużikali li tellgħu kunċerti tal-mużika apposta għall-okkażjoni; lil dawk kollha li organizzaw ħarġa apposta għal dawn iż-żminijiet; lil dawk li f’Ħamis ix-Xirka ħolqu atmosfera sabiħa bix-xemgħat fuq iz-zuntier; u lil dawk li tellgħu pageant tal-Passjoni ta’ Ġesù. Dawn kollha ħaqqhom grazzi kbira.
Kulħadd jaf kemm Birżebbuġa għadha nieqsa minn dawn l-affarijiet però b’ferħ ngħid li dawn qegħdin dejjem jiżdiedu. Tajjeb li dan l-isforz ikun wieħed aktar kollettiv. Fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa. Il-koperazzjoni ta’ bejnietna trid tikber magħna. Forsi għad jasal żmien fejn min jagħmel ħaġa jaħdem spalla ma’ spalla ma’ min jagħmel ħaġ’oħra. Diġa qegħdin naraw pont bejn wirjiet statiċi u programmi mużikali. Dan huwa żvilupp interessanti, sforz il-kreattività ta’ individwi però mhux biss – huwa sinjal ta’ koperazzjoni, ta’ id ta’ ħbiberija. Qegħdin naraw ħbieb jgħinu lil xulxin, ħbieb li jmorru jdoqqu fil-programmi mużikali ta’ xulxin. Il-Wirjiet ma baqgħux biss wirjiet ta’ statwi ċassi, iżda attività li tiġbor fiha ħafna elementi flimkien bħall-mużika u l-letteratura, armar ta’ bandalori u pavaljuni fuq barra.
Nixtieq li jispiċċa dak iż-żmien fejn grupp iħossu mkabbar u maqtugħ għalih, jew niffissaw fuq l-idea li l-modern jipprevali fuq il-ħoss tradizzjonali iżda sinjur tal-banda mużikali. Ix-xewqa hija li dawn l-isforzi xi darba jimmaterjalizzaw f’prodott kollettiv. Min jaf jekk xi darba naslux nagħmluha? Irħula oħra diġa qegħdin jagħmlu hekk. Imma l-ewwel irridu nkissru l-ostakli li hemm bejnietna, ostakli li wieħed jaħseb li huwa ‘l fuq mill-ieħor. Il-ħolma hija li xi darba Birżebbuġa tingħaqad flimkien għal attività waħda u singolari. Sakemm naslu għal dik il-maturità rridu sadanittant nibqgħu nippreservaw l-attivitajiet u l-inizjattivi personali, għax jekk ma jinżammux ħajjin dawn – żgur ma nistgħux nagħmlu pass ieħor ‘il quddiem.
Minn dan is-sit nixtieq nerġa’ nifraħ lil kulħadd għax dak li ġie organizzat hawn isfel kien tajjeb u kien ta’ livell għoli. Il-kompitu tagħna huwa li nħarsu ‘l quddiem u nesploraw possibiltajiet oħra li fihom entitajiet diversi jistgħu jingħaqdu flimkien u joħolqu xi ħaġa. Irridu nħarsu lejn il-koperazzjoni bejn l-għaqdiet flimkien u nimxu minn hemm. F’Birżebbuġa jeżisti talent kbir imma kemm minn dan it-talent qiegħed jissarraf? Kemm minn dan it-talent qiegħed jintilef? X’inhu jiġri miż-żgħażagħ ta’ Birżebbuġa? Mit-talenti tagħhom? Qegħdin nitilfuhom? Hemm aktar żgħażagħ li jistgħu jagħtu kontribut kulturali? X’aħna nagħmlu biex nilħquhom? Qegħdin naħdmu biżżejjed biex lil dan ir-raħal nagħtuh identità kulturali speċjalment fil-qasam tal-kultura popolari reliġjuża? Dan ir-raħal sabiħ tagħna ġie mgħammed taħt Ommna Marija Addolorata u maż-żmien ġie kkonsagrat lil San Pietru Appostlu. Naħseb qegħdin tindunaw li ż-żewġ personaġġi huma fost l-iktar importanti għall-knisja Kattolika imma mhux biss – iż-żewġ personaġġi huma parti kbira mill-istorja tal-Passjoni ta’ Ġesù. Dan għandu jimlina b’aktar ħeġġa biex il-ħidma lejn l-ikbar festa tal-knisja tagħna nkomplu nkabbruha fir-raħal tagħna, mhux biex nintilfu fit-tiżjin u t-tlellix, li huma wkoll importanti imma l-iktar biex dawn l-affarijiet jgħinuna nersqu u nifhmu aktar lil Alla.
Illejla il-Knisja Kattolika tfakkar il-Vġili tal-Għid il-Kbir. Il-Liturġija tal-Vġili ta’ l-Għid hija mimlija simboli. Fil-quddiesa tal-lejla jispikkaw erba’ taqsimiet:
Tberik tan-Nar,il-mixgħela tal-Blandun u Tħabbira ta’ l-Għid
Liturġija tal-Kelma
Liturġija tal-Magħmudija
Liturġija ta’ l-Ewkaristija
Il-Magħmudija tkun element qawwi u ċentrali f’din il-funzjoni. Magħha jintrabat ukoll it-tiġdid tal-wegħdiet tal-Magħmudija li kull Nisrani kien għamel fil-Magħmudija tiegħu. Matul il-ġurnata ma tiġi ċċelebrata l-ebda quddiesa.
“F’Sibt il-Għid il-Knisja tishar mal-qabar tal-Mulej, timmedita fuq il-passjoni u l-mewt, u l-inżul fil-limbu, u tistenna b’sawm u talb il-qawmien”
Din hi l-omm tal-vġejjel kollha għax il-knisja tistenna l-qawmien tal-Mulej, ir-rebħa u ħelsien mid-dnub:
“Dik il-lejla kienet waħda ta’ sahra għall-Mulej biex ħariġhom mill-Eġittu, għalhekk dan l-istess lejl hu lejl ta’ sahra tal-Mulej għal ulied Iżrael, minn nisel għal nisel” (Eż 12,42)
Il-Mixgħela tal-Blandun
Il-blandun jitnaqqax fih forma ta’ salib li jfisser: Kristu lbieraħ, illum, bidu u tmiem.
Mill-ħuġġieġa b’nar ġdid jinxtegħel l-blandun ġdid.
Is-saċerdot jitla’ bih mgħolli ‘l fuq fid-dlam – id-dawl ta’ Kristu jirbaħ d-dlam, jbiddel il-lejl f’jum. Il-knisja tiddi bid-dawl ta’ kull xemgħa. Il-poplu mgħammed jrodd ħajr lill-Alla.
L-Exultet
Dan hu innu sabiħ u solenni li jitkanta f’dan il-Lejl qaddis.
Filwaqt li jħabbar din il-festa jispjega il-kobor ta’ dan il-lejl u jistieden lill-kommunita għall-ferħ li jġib miegħu l-misteru ta’ l-Għid.
Liturġija tal-Kelma
Jinqraw 9 qari b’kollox:
7 mill-Antik Testment: Dawn juru mumenti importanti mill-Istorja tas-Salvazzjoni qabel il-milja taż-żminijiet, ibda mill-
Ħolqien,
Abraham l-wegħda,
Mose u l-ħelsien,
Iżaija jħabbar il-ħelsien mill-Eżilju ta’ Babilonja
flimkien ma’ Baruk, jistieden lil-poplu jersaq lejn Alla
(l-istess) flimkien ma’ Baruk, jistieden lil-poplu jersaq lejn Alla
Eżekjel u l-wegħda ta ħelsien
Glorja
Is-Saċerdot jintona għall-ewwel darba dan l-Innu filwaqt li jindaqqu l-qniepen sinjal ta’ ferħ.
Liturġija tal-Kelma
Jinqraw 2 qari mill-Ġdid Testment:
Epistola mill-ittra lir-Rumani (L-Epistola: Rumani 6: 3-11): Pawlu jħeġġeġ lill-kommunità tiftakar li l-magħmudija hi għażla: mewt għad-dnub u qawmien għall-ħajja. Dan kollu hu għax Kristu qam.
Salm Responsorjali: Salm 117
Evangelju: Mark (16: 1-8): Ir-rakkont tan-nisa li marru jaraw il-qabar u jidhrilhom Kristu maż-żerniq ta’ l-Ewwel Jum tal-Ġimgħa.
Liturġija tal-Magħmudija
Wara Randan sħiħ ta’ preparazzjoni biex jagħmlu l-għażla li jiċħdu d-dnub u l-ħajja ta’ qabel il-Knisja tagħżel dan il-lejl tant qaddis biex il-bniedem il-qadim jegħreq fl-ilma u jqum għall-ħajja dak ġdid.
Il-Kommunità wkoll iġġedded il-wegħdiet li għamlet fil-Magħmudija.
Liturġija Ewkaristika
Din hi l-quċċata taċ-Ċelebrazzjoni – Kristu qam u għadu magħna jingħata għalina.
Il-Kristjan jista’ jieħu sehem mil-lum fl-Għid li ma jispiċċa qatt “Din hi l-ħajja ta’ dejjem li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru u lill-Ġesu Kristu li inti bgħatt.” (Ġw 17,3)
NISHRU FIL-ĦEMDA
MAL-MULEJ
F’DAN IL-ĦIN
TA’ DLAM
FIL-QABAR TIEGĦU
… NISTENNEWH IQUM MILL-IMWIET
Waslet l-aħħar ġurnata tar-Randan, Sibt il-Għid. Ilbieraħ ikkommemorajna l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu. Filgħodu komplew is-7 Visti u fit-3pm bdiet il-funzjoni fil-knisja. F’ħafna lokalitajiet kien hemm attività sħiħa marbuta mal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Bla dubju hija ġurnata mistennija minn ħafna u jkolli ngħid li hija verament ġurnata li tgħaqqad il-Maltin. Il-Maltin b’xorti tajba għadhom jagħtu importanza lil din il-ġurnata.
Is-Sibt hija pjuttost ġurnata kalma u kwieta ħafna. Filgħodu ma jsirx quddies, imma filgħaxija tibda l-funzjoni tal-Vġili tal-Għid. Skont il-liturġija din tibda biss la darba tkun niżlet ix-xemx. Hija l-ġurnata fejn il-kuntrast bejn id-dawl u d-dlam jingħata importanza kbira. Tant hu hekk li f’din il-ġurnata jsir it-tberik tad-dawl fil-bidu tal-funzjoni. Il-knisja tkun fid-dlam u hawnhekk jitbierek il-blandun. Għaliex jitbierek id-dawl u n-nar? X’għandu x’jaqsam in-nar? Mela l-knisja tuża n-nar? Dażgur li tużah. Dan tagħmlu pereżempju meta titwieled tarbija ġdida u fil-magħmudija tagħha tinxtegħel xemgħa. L-istess nar insibuh fil-blandun lijitpoġġa quddiem il-mejjet f’xi funeral. In-nar jissimbolizza t-tama t’Alla, id-dawl fid-dlam. Dan il-lejl Ġesù Alla se jagħti l-ikbar prova tal-qawwa tiegħu. Sakemm dam ħaj qajjem diversi mejtin mill-imwiet imma issa se jagħtina prova ikbar għas għad li hu mejjet se jerġa jieħu l-ħajja mill-ġdid bis-saħħa mogħtija lilu minn Alla l-Missier.
Lumen Christi – id-Dawl ta’ Kristu jikser id-dlam li waqà meta miet Ġesù. Il-Qawmien tal-Mulej se jikser id-dlam tal-Imwiet. Il-mewt mhjiex finali – dak hu l-messaġġ. Fir-rakkont tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu nsibu diversi analoġiji ma’ ħajjitna. Ġesù huwa s-Salvatur tad-dinja u t-Tama tal-bniedem. Alla wkoll iwiegħdna li xi darba nerġgħu nqumu miegħu bir-ruħ u bil-ġisem.
Sakemm jasal il-ħin u l-waqt li fih niċċelebraw il-Qawmien, nishru ma’ Ġesù f’dan il-ħin ta’ meditazzjoni u desolazzjoni fid-dlam tal-qabar tiegħu.
Kienet is-sena 2004, meta wħud mill-membri xtaqu li jagħtu dehera ġdida lill-wirja tal-Ġimgħa l-Kbira tas-Soċjeta’. Xi membri ġiethom l-idea li jibdew itellgħu dramm qasir tal-Ġimgħa Mqaddsa. Hekk sar u dan id-dramm ġie mogħti l-isem ta’ ‘Iċ-Ċenaklu’ b’direzzjoni ta’ Stephen Farrugia. F’din l-ewwel edizzjoni saret re-enactment tal-aħħar ċena. Id-dramm huwa rrakkuntat minn għajnejn Ġuda. Jiftaħ bi prologu u jispiċċa b’epilogu minn narratur li b’vuċi u b’daħka sarkastika jiġġustifika l-għaġir innoċenti ta’ Ġuda u fl-istess ħin jikkundanna l-għażla suwiċidja tiegħu. Id-dramm kien ikkumplimentat minn mużika addatata u kkaraterizzat minn mumenti ħiemda bħax-xena tal-ħasil tar-riġlejn u kontemplattivi bħax-xena tal-qsim tal-ħobż. Il-wirja ġiet inawgurata f’Ħadd il-Palm 4 t’April, u damet sal-Ġimgħa l-Kbira 9 t’April 2004
Int L-Iben t’Alla (2005)
Wara s-suċċess li kellha l-preżentazzjoni drammatizzata taċ-Ċenaklu fis-sena 2004, il-Kummissjoni Wirja Ġimgħa Mqaddsa reġgħet ippjanat biex għas-sena 2005 terġa ttellgħa preżentazzjoni drammatizzata oħra din id-darba bl-isem “Int l-Iben t’Alla?’. Il-produzzjoni reġgħet ġiet fdata f’idejn Stephen Farrugia. Din id-darba id-dramm kien ibbażat fuq diversi xeni. Fis-sena 2005, barra x-xena ta’ l-Aħħar Ċena ġiet maħduma wkoll ix-xena fil-ġnien tal-Ġetsemani, it-tradiment ta’ Ġuda, il-ġudizzju quddiem is-Sinedriju u fl-aħħar iżda mhux l-inqas iċ-ċaħda ta’ Pietru fil-bitħa tal-palazz. Dan id-dramm inkluda fih numru akbar ta’ atturi mis-soltu. L-attrazzjoni prinċipali kienet dik tas-Sinedriju, b’xenarju mill-isbaħ maħdum bl-għajnuna tas-Sur Lawrence Coleiro. Il-wirja nfetħet f’Ħadd il-Palm 20 ta’ Marzu u ntemmet fil-25 ta’ Marzu 2005.
Int Min Int? (2006)
‘Int Min Int!?’ hija l-mistoqsija li Pilatu għamel lil Ġesu meta ġabuh quddiemu. F’din is-sena id-dramm tas-Soċjeta’ kien irrakkuntat minn għajnejn Pilatu. B’differenza tal-edizzjonijiet l-imgħoddija, din is-sena dan id-dramm inkluda fih preżentazzjonijiet multiviżwali. Il-livell milħuq huwa professjonali.
Din hija t-tielet sena li s-Soċjeta’ qed torganizza din il-manifestazzjoni mfittxija minn ħafna nies. Tista’ tgħid li din hija waħda mill-akbar attivitajiet wara l-festa titulari. Din is-sena l-Kummissjoni Wirja Ġimgħa Mqaddsa reġghet iffokat l-attenzjoni tagħha fuq ir-Rappreżentazzjoni Drammatika li hija l-qofol tal-wirja kollha li jkollna fis-sede tas-Soċjeta’. Il-Wirja Ġimgħa Mqaddsa dejjem tara kif dan id-dramm ikun dejjem isbaħ u dejjem oriġinali. Din is-sena filfatt il-kummissjoni għandha fi ħsiebha li tħawwar din ir-reċta b’siltiet multiviżivi projettati fuq big-screen. M’għandniex xi ngħidu, biċċa xogħol bħal din ħadet xhur sħaħ ta’ preparazzjoni. Għalhekk din is-sena id-dilettanti bravi tal-palk tas-Soċjeta’ tagħna kellhom ħafna xogħol quddiemhom mhux biss ta’ acting imma anke ta’ filming, f’lokalitajiet differenti.
Meta din l-attivita’ saret għall-ewwel darba, id-direttur ibbaża d-dramm minn għajnejn Ġuda. Din is-sena minflok se jkun Pilatu li se jirrakontalna l-ġrajja tal-Passjoni ta’ Kristu. Dan narawh mill-ewwel fil-bidu tad-dramm meta b’ton inkwetat Pilatu jirrakkonta l-ġrajja pass wara pass. Lil Pilatu nerġgħu narawh wara fil-filmat meta s-sinedriju jieħu lil Ġesu fil-bitħa tal-palazz. Pilatu ma jsibx ħtija f’Ġesu, imma s-Sinedriju jkompli jinsisti. Jordna li jingħatha swat lil Ġesu imma s-sinedriju jibqa’ jinsisti li għandu jiġi kkundannat. Pilatu joffri l-għażla lill-poplu li jeħles priġunier u hawn jinġieb quddiem il-folla lil Barabbas, parti maħduma minn Walter Pace. Imma l-poplu wkoll jikkundanna lil Ġesu. Pilatu jordna li jdaħħlu lil Ġesu ġewwa l-palazz u hawnhekk naraw djalogu sabiħ bejn Pilatu u Ġesu. Ġesu jiġi kkundannat u Pilatu jispiċċa jagħmel djalogu mal-udejnza u jaqsiha ‘Lesti intom li bħal dan Ġesu, tissawtu u tissalbu għal elfejn darba, għall-fidwa tal-bniedem?’
Kif għidna diġa din is-sena sar ħafna xogħol ta’ filming dejjem bl-għajnuna professjonali ta’ Pinkishline Studios li offrew is-servizz tagħhom mingħajr ħlas. Il-filming huwa maqsum fi 3 episodji. L-ewwel wieħed inġibed f’lokalita’ sabiħa f’Birżebbuġa ġo wied mimli żebbuġ. Hawnhekk ġiet miġbuda x-xena tal-ġnien tal-Ġetsemani. It-tieni filming kienet biċċa xogħol kbira mhux ħażin peress li din id-darba l-filming kellu jsir barra Birżebbuġa u kien hemm bżonn ta’ ħafna atturi. Il-filming sar fil-lokalita’ tal-Birgu u ħa ġurnata sħiħa. L-aħħar film reġa’ nġibed f’wied differenti f’Birżebbuġa stess. Hawn hekk naraw lil Ġuda jinkwieta u jitħasseb fuq dak li kien għadu kif għamel. Fil-pront jilmaħ lil żewġ appostli jidjalogaw bejniethom u juru d-diżżapunt tagħhom għat-tradiment tiegħu. Ġuda mimli mistħija jistaħba u jisma’ kollox dak kollu li bdew jgħidu ħbiebu l-appostli. Malli jitilqu mill-post, Ġuda jinħakem minn sens ta’ ħtija kbira u f’ferħ ta’ ġenn jagħżel li jissuwiċidja ruħu.
Fis-sena 2005, ġie deċiż li d-dramm ikollu aktar minn xena waħda. Dik is-sena bl-għajnuna ta’ ħafna membri dilettanti rnexxielhom jaħdmu xenarju mill-isbaħ tas-Sinedriju. Din is-sena l-Kummissjoni Wirja Ġimgħa Mqaddsa flimkien mad-Direttur tad-dramm Stephen Farrugia u bosta membri bravi oħra ħadu l-inizzjattiva li għal din is-sena jaħdmu x-xenarju tal-palazz ta’ Pilatu. M’hemmx kliem biex tfaħħar il-mod li bih dan ix-xenarju ġie armat u dekorat. Barra minn hekk is-sala li fih qed issir din l-attivita’ ġiet armata kif suppost. Kif għidna qabel Pilatu se jmur lura fiż-żmien u jiftakar fid-deċiżjonijiet li kellu jieħu. Għal dan il-għan ġiet armata wkoll Via Sagra mal-ħitan. Bħas-soltu ġiet armata wkoll ix-xena ta’ l-Aħħar Ċena li fiha se jaħdmu wkoll xi atturi ġodda. Kemm ix-xenarju u kemm il-film li jintwera jikkumplimentaw ħafna lil xulxin. Biex din il-preżentazzjoni multiviżiva tkun kemm jista’ jkun realistika, kemm fil-film kif ukoll fid-dramm jieħdu sehem l-istess atturi.
Il-Messija! (2007)
Wara s-suċċess enormi fis-sena 2006, il-membri dilettanti ta’ din il-Wirja ħasbu biex ikomplu jsaħħu dak li kienu bdew, billi jkomplu bis-sistema tal-filming, dejjem grazzi għall-familja Cachia u l-kumpanija rinomata tagħhom ‘Pinkishline Studios’. Prattikament, komplejna fejn ħallejna s-sena ta’ qabel. hekk naraw li f’din is-sena rajna l-mixja ta’ Ġesu Krista Sidna lejn il-Gologota, il-laqgħa maċ-Ċirinew u l-Veronika. Rajna t-Tisliba kif ukoll ix-xena tal-Pieta’, meta Marija laqgħet fi ħdanha l-ġisem mejjet ta’ Ġesu, l-iben tagħha. Din kienet sfida kbira għal dawk li ħadu sehem, jekk wieħed jieħu in konsiderazzjoni l-ġarr ta’ apparat delikat u tqil f’lokalitajiet remoti imma mill-aktar pittoreski fir-raħal tant sabiħ tagħna ta’ Birżebbuġa, bħal ngħidu aħna Wied Dalam fejn inġibdet ix-xena kollha tal-Golgota u t-Tisliba ta’ Ġesu, parti li għal darb’oħra ġiet interpretata minn Robert Baldacchino. Ta’ min isemmi wkoll li f’din is-sena rajna l-introduzzjoni tal-personaġġ ta’ Erodi, ix-xena meta Ġesu deher quddiem Erodi wara li -Sinedriju kien għadu kif interrogah. Din is-sena kellna parteċipazzjoni akbar ta’ atturi li kompla jkabbar din l-akbar attivita’ fis-Soċjeta’ wara l-Festa Titulari. F’din il-biċċa xogħol daqshekk enormi u ambizzjuża, kellu jiżdied il-vestwarju u apparat ieħor marbut ma’ din l-ikbar ġrajja fl-istorja reliġjuża tal-bniedem. Bħas-soltu l-konkorrenza kienet waħda numeruża li minn sena għal sena tkompli tagħmel kuraġġ lid-dilettanti ta’ din l-għaqda.
L-Imnikkta (2008)
Is-sena 2008, kienet tirrapreżenta l-5 edizzjoni ta’ din l-attivita’, li bdiet b’mod sempliċi bix-xena taċ-Ċenaklu u splodiet biex saret waħda mill-aktar okkażjonijiet mistennija minn ħafna nies minn Birżebbuġa li ta’ kull sena wara li jkunu għamlu l-viżti ta’ Ħamis ix-Xirka, jinżlu fis-Sede tas-Soċjeta’ biex jassistu għal din ir-Rappreżentazzjoni Drammatizzata Multiviżiva. Għal din il-5 edizzjoni, id-dilettanti ta’ din il-wirja ħasbu li kellhom jagħmlu xi ħaġa speċjali u l-ħsieb tagħhom malajr waqa’ fuq l-għażla ta’ Sidtna Ommna Marija. Ir-raġuni għal din l-għażla kienet waħda awtomatika, billi f’Birżebbuġa d-devozzjoni lejn Ommna Marija Addolorata hija waħda speċjali, u dan għaliex għal żmien twil kienet hi t-Titular ewlieni ta’ dan ir-raħal qabel ma l-Isqof Mauro Caruana wera x-xewqa li l-knisja l-ġdida ta’ Birżebbuġa tkun iddedikata lil San Pietru Appostlu fil-Ktajjen. It-titlu li ntagħżel għal din il-wirja kien l-Imnikkta, ovjament ir-referenza hija ċara u indikattiva ħafna, li tipponta lejn Marija Santissima. Dan id-dramm rajnih minn għajnejn il-Madonna u li fih kien hemm involuta wkoll il-Madalena. Għal dan id-dramm inġibdu xeni spettakolari tal-Aħħar Ċena, tas-Sinedriju u taċ-Ċaħda ta’ Pietru f’Manoel Island, dejjem grazzi għall-familja Cachia u d-ditta ‘Pinkishline Studios’ li dejjem offrew is-servizz tagħhom b’mod volontarju u b’mod Professjonali għall-aħħar. Tajjeb li ngħidu li bl-ammont ta’ kostumi sbieħ ta’ suldati Rumani li ntużaw u standardi leġjonari Rumani, il-kumitat direttiv ħaseb biex jesponi dawn il-kostumi u l-atturi rispettivi barra l-każin bejn rappreżentazzjoni u oħra.
Kuntrast (2009)
Is-sena 2009, rat dramm b’titlu interessanti, titlu li mhux is-soltu narawh applikat lil drammi ta’ din ix-xorta. It-titlu li ntagħżel għal dan id-dramm kien “Kuntrast” u bħala sotto titlu Qatt qabbilt lilek innifsek ma’ xi ħadd? Din is-sena sar kollox b’mod differenti. It-tema magħżula kienet waħda moderna, minn dawk it-tip ta’ scripts li jfakkruk f’letteratura moderna soċjo-psikoloġika u anke l-palk li ntrama, għad li l-kostumi u l-vestwajru baqa’ dak tradizzjonali, il-palk din id-darba kien wieħed modern u sempliċi għall-aħħar. L-istorja ta’ din is-sena kellha tiżvolġi bejn żewġ persuni differenti, li jikkuntrastaw appuntu! Iż-żewġ persuni nvoluti, kienu Ġesu u Ġuda, li għexu fl-istess żmien, mifrudin biss min-natura speċjali tagħhom: waħda divina u l-oħra umana, waħda qaddisa u l-oħra dagħjfa. Li tgħid li l-ħajja ta’ Ġuda u Ġuda nnifsu huma dagħjfin hija tajba imma mhux preċiża. Pietru wkoll kellu natura dagħjfa imma għaraf jitlob maħfra, mentri Ġuda mgħobbi b’toqol tant kbir, waqa’ f’dalma li ma setgħax jagħraf joħroġ minnha. Ġuda nesa jew forsi qatt ma ta każ dak li Ġesu kien ilu jippriedka quddiemu, li Alla huwa Mħabba u huwa wkoll Maħfra. Minkejja dan kollu, d-distinzjoni prinċipali f’dan id-dramm saret biss bejn il-personaġġi ta’ Ġesu u Ġuda. F’dan id-dramm assistejna għal mumenti saljenti mill-ħajja ta’ Ġesu, bħal ngħidu aħna l-mistoqsijiet li sarulu fuq il-midinba. Il-mixja lejn it-tmiem ta’ dan id-dramm teħodna lejn il-mewt taż-żewġ atturi prinċipali, Ġesu u Ġuda, wieħed fuq is-salib fuq naħa tal-Palk u l-ieħor mgħallaq mas-siġra fuq in-naħa l-oħra tal-Palk, xena li verament ħolqot kuntrast. Id-differenza kollha hija, kif wara kollox nafu anke mill-kitba eċċezzjonali ta’ dan l-iscript li fin-natura qaddisa tiegħu Ġesu jirxoxta, għax hekk kien miktub u għax il-mewt tiegħu kellha tifdi l-bnedmin kollha mentri l-mewt ta’ Ġuda kienet mewt ta’ bniedem rassenjat, tqil bil-ħafna ħsibijiet koroh li bdew jifnuh. Madankollu wieħed irid jifhem ukoll li Ġuda kien strumentali biex il-passjoni ta’ Ġesu Krista Sidna jkollha l-bidu tagħha. Għal darb’oħra erġajna assistejna għall-interpretazzjoni ta’ diversi atturi bravi. Ta’ min jgħid li l-parti prinċipali ta’ Ġesu ta’ din is-sena nħadmet b’tant preċiżjoni u reqqa minn Neville Farrugia Cann.
L-Aħħar Ikla (2010)
Is-sena 2010, kellha tkun sena speċjali ħafna għas-Soċjeta’ tagħna, għaliex fiha ġie ċċelebrat l-20 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda u tas-Soċjeta’. Ta’ min jgħid li l-Kumitat Eżekuttiv kellu l-ħsieb li biex jikkommemora dan l-anniversarju, il-Banda tagħmel it-tieni mawra tagħha fil-qalba tal-iktar post li għandu kult b’rabta ma’ San Pietru, jiġifieri ‘Ruma’. Il-mawra kellha sseħħ ftit jiem ‘il bogħod mill-Ġimgħa Mqaddsa, anzi biex inkunu aktar preċiżi, din kellha ssir l-għada tal-Għid il-Kbir, f’dik li Ruma jsejħulha Pasquetta. Dan ovjament iddetermina mhux ftit il-ħidma tad-dramm li kien hemm pjanat għal din is-sena. Minkejja kollox id-dramm sar u sar kif kellu jsir b’serjeta’ u b’kreattivita’ liema bħalha. Din id-darba filfatt bħal qisu erġajna morna lura għall-għeruq tal-bidu, meta d-dramm sar għall-ewwel darba. Hekk naraw li din id-darba reġgħet saret l-Aħħar Ċena, b’mod kreattiv ħafna li fiha ġie nvolut anke l-pubbliku. Hawnhekk erġajna rajna l-parteċipazzjoni tal-Madonna u diversi atturi oħra bravi ta’ din is-Soċjeta’.
Emmint?! (2011)
Is-sena 2011, bid-differenza tas-snin ta’ qabel se naraw dramm li se jeħodna lura għal dawk l-avvenimenti li seħħew sewwasew wara l-Qawmien ta’ Kristu. Hawnhekk jispikka l-element misterjuż tal-qawmien ta’ Ġesu, fatt li mhux kulħadd seta’ jemmen, kważi kważi lanqas l-appostli stess. Kemm kienet qawwija il-Fidi tagħhom? Kemm ftakru, xtarrew u ħasbu f’dak li Ġesu kien qalilhom fit-tliet snin li qattgħu miegħu? Kienu fehmu li Ġesu stess kellu jqum mill-imwiet wara tliet ijiem? Kienu fehmuh li l-qawwa tiegħu t’Alla kienet tissupera d-dlam u s-skiet li ġġib magħha l-mewt? Setgħu jifhmu li Ġesu kien Alla u la kien Alla, allura la kellu bidu u lanqas tmiem? L-Appostli intagħżlu għax Ġesu ried li jkollu xhieda, xhieda ta’ miraklu u t-tagħlim li kellu jxerred imma fuq kollox xhieda tal-mewt u l-qawmien tiegħu. Ġesu deher lill-appostli bosta drabi qabel it-tlugħ tiegħu fis-sema, u l-appostli setgħu biss jegħlbu l-biża’ tagħhom meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuqhom fil-forma ta’ lsien tan-nar. Qabel din il-ġurnata kif konna qed ngħidu, l-appostli kienu kollha beżgħana u dubjużi, b’Tumas l-ewwel fuq kulħadd. Ġesu bħal kieku jistaqsina Imma int emmint? Intom temmnu? Temmnu avolja ma tarawx? Henjin dawk li jemmnu u ma jarawx. Dan id-dramm ġie muri għall-ewwel darba nhar Ħadd il-Palm 17 t’April 2011 filgħodu fis-Sede tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa AD. 1990, il-Ġawhra San Pietru.