Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Id-Duluri

 

Id-Duluri

Fil-ġurnata tal-Ġimgħa, eżattament ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira, madwar il-gżejjer Maltin u Għawdxin tiġi ċċelebrata l-festa tad-Duluri. Dik tal-belt li toħroġ mill-knisja ta’ Ġieżu hija waħda mill-aktar devoti li nsibu f’pajjiżna imma kemm għall-parroċċa tagħna u kemm dik ta’ San Pawl il-Baħar, id-Duluri għandha sinjifikat kbir ħafna. Għall-Birżebbuġin id-Duluri għandha post speċjali ħafna għax hi kienet l-ewwel protettriċi ta’ dan ir-raħal, meta sar parroċċa fis-sena 1913 b’digriet maħrug mill-isqof Pietru Pace. Ta’ min jgħid imma li d-devozzjoni lejn id-Duluri fir-raħal tagħna tmur lura qabel ma Birżebbuġa sar Parroċċa. Filfatt fis-sena 1907 diġa nsibu kappella tad-Duluri, proprju fejn iżjed tard kellha tkun l-ewwel Knisja Parrokkjali.

Il-kappella tad-Duluri bħala l-ewwel Parroċċa

Il-Kappella tad-Duluri nfetħet nhar l-14 t’Awissu 1907 mill-Kan. Bormliż Mons. Spir Penza. Qabel dan il-post kien iservi ta’ remissa lill-familja Attard Montalto mill-Isla. Il-konvenju ta’ din ir-remissa sar fl-14 t’Ottubru 1907 min-nutar Francesco Camilleri u l-Kan. Spir Penza ntrabat li jħallas erba’ liri u nofs fis-sena. Fl-1 ta’ Settembru tal-1909 sar konvenju ieħor quddiem in-nutar Dr. Francesco G. Schembri biex jiġu okkupati żewġ remissi oħra maġenb l-ewwel remissa. Kellhom jgħaddu tliet snin oħra biex dawn it-tliet remissi jinxtraw kollha għas-somma ta’ 332 Lira b’kuntratt li sar fl-14 t’Ottubru 1912. Fl-10 t’Ottubru tal-1909 inbeda xogħol fuq il-faċċata fuq pjanta ta’ Salvu Sacco minn Bormla. Ix-xogħol tal-faċċata ntemm f’Jannar 1910. L-ewwel qanpiena tbierket u tpoġġiet f’postha f’Awissu tal-1910 u kienet rigal ta’ l-Imħallef Zaccaria Roncali. Il-kappella tbierket mill-Isqof Pietru Pace.

Il-kwadru Titulari tad-Duluri

Apparti l-bini tal-Knisja, saru wkoll xi arranġamenti u tiżjin ġewwa l-knisja stess. Fil-bidu kien kemm artal ta’ l-injam li wara nbidel u sar tal-irħam. Jingħad li fuq dan l-artal kien hemm żewġ statwi; waħda tad-Duluri u l-oħra ta’ San Ġwann, waqt li f’nofshom kien hemm kurċifiss kbir. Fuq l-artal kien hemm ukoll kwadru titulari li juri lil Marija Addolorata b’Ġesu mejjet fi ħdanha kkomfortata b’żewġ anġli. Interessanti imma li wieħed ikun jaf li dan l-inkwadru ġie rregalat lil Birżebbuġin fis-sena 1893 mill-Kanonku Spiru Penza, jiġifieri meta l-kappella tad-Duluri lanqas biss kienet għadha nbniet. Dan l-inkwadru għall-ewwel tpoġġa fil-kappella tas-Sagra Familja, imma meta Dun Spiru Penza bena l-knisja tad-Duluri qabad u ħa dan l-inkwadru fil-knisja tiegħu. Illum dan l-inkwadru jinsab fis-sagristija tal-parroċċa ta’ San Pietru. Sfortunatament ma nafux min pittru.

L-istatwa Titulari tad-Duluri

L-istatwa artistika tad-Duluri kienet l-ewwel statwa titulari ta’ Birżebbuġa. Din inġiebet f’Birżebbuga fis-17 t’Awissu tal-1910, qabel ma’ Birżebbuġa stess saret parroċċa bħala rigal mill-Kan. Dun Achille Refalo. Ma nafux min għamel din l-istatwa imma studjużi tal-arti jattribwuha lill-imgħallem Karlu Darmanin. Il-pedestall tagħha nbidel kemm il-darba. Dwar l-ewwel pedestall ma nafu xejn, la minn fejn ġie u lanqas fejn spiċċa. It-tieni pedestall kien dak tal-istatwa titulari ta’ Santa Marija tal-Gudja. Illum dan qed jintrama mal-Madonna tar-Rużarju. Il-pedestall li naraw illum huwa wieħed tal-injam u nterzjat. Kienu sarulu xi tibdiliet u restawr minn ċertu Ġorġ Cordina. Fuq inizzjattiva ta’ Rożanna Gauci minn ‘tad-Dubbu’ beda jsir ġbir ħalli din il-vara tiġi ndurata mill-ġdid. Ir-restawr u l-induratura saru mid-ditta Darmanin tal-Belt Valletta u x-xogħol tlesta fil-ħin għall-purċissjoni tad-Duluri tas-sena 1997.

Id-Duluri u l-familji magħrufa bħala Ta’ Farfar u Ta’ Għasafar

 

Qabel ma saret parroċċa, Birżebbuġa kien biss post ta’ villeġjatura li l-popolazzjoni tiegħu kienet tisplodi fl-istaġun tas-sajf. L-iżvilluppi ta’ Kalafrana beda joffri xogħol lil ħafna nies. Ħafna minnhom bdew joqogħdu hawn għal kollox. Fost il-familji ġodda, 2 minnhom kellhom imħabba speċjali lejn id-Duluri. ‘Ta’ Farfar’ kienet minn tal-Brolli filwaqt li dawk ‘Ta’ Għasafar’ kienu minn San Ġorġ. Dawk ‘Ta’ Farfar’ tant kemm kienu devoti tad-Duluri li fir-remissa tagħhom f’tal-Brolli għadek tara sal-lum niċċa qadima u sabiħa tad-Duluri li ġġib is-sena 1925. Meta l-Isqof Dom Mauro Caruana ħabbar li l-knisja l-ġdida kienet se tkun iddedikata lil San Pietru qamet polemika kbira u dakinhar li ġiet imqiegħda l-ewwel ġebla tal-knisja parrokkjali tal-lum dawk li riedu li tibqa’ d-Duluri, bħala protesta qagħdu jħarsu mill-bogħod minn fuq għolja li kien hemm wara l-knisja, fejn illum hemm il-kunvent tas-sorijiet.

Il-festa tad-Duluri

L-istatwa tad-Duluri saret qabel ma’ Birżebbuġa saret parroċċa imma nafu wkoll li kienet issir festa qabel ma waslet l-istatwa stess. Xi rċevuti tas-sena 1907, juru li ċertu Agostino Borġ prokuratur tal-festa ħallas lil Giuseppe Borġ 13-il xelin u 7 soldi ta’ għal xogħol ta’ pavaljun tad-drapp. Fit-18 ta’ Settembru 1911 Enrico Camilleri tħallas għal xi logħob tan-nar u sar ħlas ta’ sitt liri lil Michele Balzan għad-dawl. Fl-1911 il-Banda L’Unione ta’ Ħal Luqa tħallset 2 liri u 5 xelini ta’ żewġ programmi u 10 xelini lill-orkestra l-oħra ta’ Ħal Luqa l-orkestra Sant’Andrea. Id-Duluri baqgħet toħroġ mill-parroċċa l-qadima sas-sena 1936, għax it-titular inbidel għal San Pietru. Id-Duluri baqgħet toħroġ għal xi żmien mill-knisja l-ġdida fil-festa tal-15 ta’ Settembru. Illum id-Duluri toħroġ biss kull Ġimgħa qabel il-Ġimgħa Mqaddsa u meta l-parroċċa tagħlaq xi anniversarju kbir bħal fl-1988, fil-75 anniversarju.

Devozzjoni ħajja lejn id-Duluri

Wieħed ma jistax jonqos isemmi d-devoti kollha li sena wara sena jattendu għall-purċissjoni ta’ qabel il-Ġimgħa Mqaddsa. Din il-vara u din il-festa għad għandha tifsira kbira għan-nies ta’ Birżebbuġa u mhijiex purċissjoni kwalunkwe bħalma jsir fl-istess ħin mal-bqija tal-parroċċi madwar Malta. Id-devozzjoni lejn Marija Addolorata bħala l-ewwel patruna ta’ dan ir-raħal għadha tbaqbaq fil-vini tal-parruċċani kollha. Fil-25 ta’ Marzu 1988 fl-okkażjoni tal-75 sena parroċċa, il-vara tad-Duluri ħarġet mill-parroċċa l-qadima. Ħafna xjuħ li attendew għal dan l-avveniment uniku ġeddew il-memorji tagħhom lura fis-snin meta l-festa tad-Duluri kienet issir minn din il-knisja.

Niċċa sabiħa tad-Duluri fis-Sede tal-Filarmonika San Pietru AD 1990

Fil-bitħa tas-sede tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda San Pietru AD1990, insibu wkoll niċċa ħelwa tad-Duluri li ġiet inawgurata nhar it-22 ta’ Novembru tal-1995. Il-kumitat kien ilu jippjana li fil-bitħa jagħmel niċċa ta’ xi qaddis imma l-għażla waqgħet minnufih fuq id-Duluri, b’rispett u b’devozzjoni lejn l-ewwel titular ta’ Birżebbuġa. Għal din il-ġurnata l-kumitat ħejja programm sabiħ fejn l-ewwel attenda quddies il-knisja b’suffraġju għall-erwieħ mejtin tal-membri tas-Soċjeta’ u mbagħad wara fil-każin saret reċita tar-rużarju mil-Leġjun ta’ Marija. Wara r-rużarju l-bandisti tal-post immexxija mis-surmast direttur Mro. Michael Buġelli daqqew l-Ave Maria ta’ Gounod, filwaqt li d-direttur spiritwali Rev.Charles Carabott bierek in-niċċa tad-Duluri. L-istatwa tad-Duluri hija magħmula mill-irħam u x-xogħol fuq in-niċċa sar minn Frans Cassar u Mario Cauchi.

L-istandard tad-Duluri tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru AD. 1990

Fit-3 t’Awissu tal-2001, fl-aħħar jum tat-tridu tal-festa titulari ta’ San Pietru, waqt il-preżentazzjonijiet li jsiru fl-intervall tal-programm mużikali fuq il-planċier tas-Soċjeta’, Kyle Micallef f’isem in-nanniet tiegħu is-sinjura u s-sur Arthur Micallef ippreżenta lis-Soċjeta’ standard sabiħ ħafna tad-Duluri, biex ifakkar lill-membri tas-Soċjeta’ fid-devozzjoni u l-imħabba li għandu jkollu kull Birżebbuġi lejn l-ewwel titular ta’ Birżebbuġa. Dan l-istandard sabiħ ghandu sfond abjad b’burdura vjola mat-tarf u fin-nofs hemm impittra l-immaġini ta’ Marija Addolorata. Standard bħal dan mhux is-soltu tarah għand soċjetajiet mużikali oħra imma peress li f’Birżebbuġa d-devozzjoni lejn Marija Addolorata għadu wieħed kbir, standard bħal dan huwa apprezzat ħafna.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s