Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Archive for April, 2012

Ir-Rabta l-Ġdida u l-Qawmien ta’ Ġesu

[Mt:12:40] Għax kif Ġona għamel tlitt ijiem u tlitt iljieli f’żaqq il-ħuta, hekk ukoll Bin il-bniedem għad jagħmel tlitt ijiem u tlitt iljieli fil-qalba ta’ l-art.

[Mt:28:1] Meta għadda s-Sibt, maż-żerniq ta’ l-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar. [Mt:28:2] U ara, nħasset theżhiża kbira għax niżel anġlu tal-Mulej mis-sema, u resaq igerbeb il-ġebla u qagħad bilqiegħda fuqha. [Mt:28:3] Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; lbiesu abjad bħas-silġ. [Mt:28:4] Bil-biża’ tiegħu l-għassiesa qabdithom rogħda u saru qishom mejtin. [Mt:28:5] Iżda l-anġlu qabad u qal lin-nisa: “Tibżgħu xejn intom għax jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab. [Mt:28:6] M’huwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed. [Mt:28:7] U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li hu qam mill-imwiet. U araw, huwa sejjer il-Galilija qabilkom: tarawh hemmhekk. Araw, għedtulkom.” [Mt:28:8] Dawk telqu malajr minn ħdejn il-qabar, kollhom biża’ u ferħ kbir, u marru jiġru jagħtu l-aħbar lid-dixxipli tiegħu. [Mt:28:9] U ara, ltaqa’ magħhom Ġesù u qalilhom: “Is-sliem għalikom.” Huma resqu lejh, qabdulu riġlejh u nxteħtu quddiemu.[Mt:28:10] Mbagħad Ġesù qalilhom: “Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk.” [Mt:28:11] Huma u sejrin, xi wħud mill-għases marru l-belt għand il-qassisin il-kbar u tawhom l-aħbar ta’ kull ma kien ġara.[Mt:28:12] Dawn inġabru flimkien max-xjuħ, ftiehmu bejniethom, u taw lis-suldati kemxa flus ġmielha [Mt:28:13] u qalulhom: “Għidu hekk, ‘Ġew id-dixxipli tiegħu billejl u serquh waqt li konna reqdin.’ [Mt:28:14] U jekk il-gvernatur jisma’ b’dan, aħna nġagħluh jemmen, u lilkom neħilsukom minn kull inkwiet.” [Mt:28:15] Dawk ħadu l-flus u għamlu kif qalulhom. U din il-biċċa xterdet hekk fost il-Lhud sal-ġurnata ta’ llum. [Mt:28:16] Il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. [Mt:28:17] Kif rawh, nxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. [Mt:28:18] Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. [Mt:28:19] Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu, [Mt:28:20] u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.”

[Lq:24:26] U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”

[Atti:2:24] imma Alla qajjmu mill-imwiet billi ħall l-irbit tal-mewt, għaliex ma setax ikun li l-mewt iżżommu taħt is-setgħa tagħha. [Atti:2:25] Għax David jgħid fuqu, [Atti:2:26] Għalhekk ferħet qalbi [Atti:2:27] għax inti ma titlaqx fl-imwiet lil ruħi, [Atti:2:28] Inti għarraftni t-triq tal-ħajja, [Atti:2:29] “Ħuti, ħalluni ngħidhielkom kif inħossha fuq il-patrijarka David; hu miet u kien midfun u l-qabar tiegħu għadu magħna sa llum stess. [Atti:2:30] Issa hu kien profeta, u kien jaf li Alla ħaliflu b’ġurament li kellu jqiegħed fuq it-tron tiegħu bniedem ġej minn nislu. [Atti:2:31] David ra minn qabel u ħabbar il-qawmien tal-Messija, u qal, [Atti:2:32] Lil dan Ġesù, Alla qajjmu mill-imwiet, u ta’ dan aħna lkoll xhieda.

[Atti:13:32] U għalhekk aħna qegħdin hawn, biex nagħtukom l-aħbar, li l-wegħda, li Alla kien għamel lil missirijietna, [Atti:13:33] temmha għalina, li aħna wliedhom, billi qajjem lil Ġesù mill-imwiet, kif hemm miktub fit-tieni salm, [Atti:13:34] U dwar li hu qajjmu mill-imwiet, biex qatt aktar ma jerġa’ jġarrab it-taħsir, huwa qal hekk, [Atti:13:35] Għalhekk jgħid ukoll band’oħra , [Atti:13:36] David, wara li fi żmienu għamel ir-rieda ta’ Alla, miet u nġabar ma’ missirijietu; u huwa ġarrab it-taħsir. [Atti:13:37] Imma dak li Alla qajjmu mill-imwiet ma ġarrabx it-taħsir.


Profeziji tal-Qawmien ta’ Ġesu fl-Antik Testment

L-Irxoxt - Statwa rapprezentattiva u devota tas-Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

L-Irxoxt - Statwa rapprezentattiva u devota ta' Kristu Rebbieħ fuq il-Mewt tas-Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

(Genesi:22:4) Fit-tielet jum Abraham rafa’ ghajnejh, u lemah il-post mill-boghod.

(Isaia:53:9) U tawh qabar mal-ħżiena, u ma’ l-għonja difnuh, għalkemm ma għamel ebda deni, u minn fommu ma ħareġ ebda qerq. (Is:53:10) Iżda l-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard. Talli joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni, huwa għad jara nisel u jtawwal jiemu; u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih.

(Salmi:2:7) Irrid inxandar id-digriet tal-Mulej; hu qalli: “Ibni int, jien illum nissiltek.

(Salmi:16:8) Nżomm il-Mulej dejjem quddiemi, għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek.
(Salmi:16:9) Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.
(Salmi:16:10) Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.
(Salmi:16:11) Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek.

[Hosea:6:2] Wara jumejn jerġa’ jagħtina l-ħajja, mbagħad fit-tielet jum jerġa’ jqajjimna, sabiex quddiemu ngħixu.

[Ġona:1:7] Mbagħad bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Ejjew nitfgħu x-xorti, ħa nkunu nafu ta’ min hi l-ħtija li waqa’ fuqna dan l-għawġ kollu.” Tefgħu x-xorti, u x-xorti waqgħet fuq Ġona.


Il-Qawmien Mill-Mewt ta’ Ġesu fl-4 Evanġeli

MILL-EVANĠELU TA’ SAN LUQA
24. Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet

[Lq:24:1] Kmieni mas-sebħ ta’ l-ewwel jum tal-ġimgħa marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew. [Lq:24:2] Huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar, [Lq:24:3] imma meta daħlu fih, il-katavru tal-Mulej Ġesù ma sabuhx hemm. [Lq:24:4] U kif kienu mħassbin fuq dan, f’daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi. [Lq:24:5] In-nisa, mimlijin bil-biża’ , baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? [Lq:24:6] M’huwiex hawn, imma qam. Ftakru x’kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija, [Lq:24:7] meta qal li jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f’idejn il-midinbin, ikun mislub, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet.” [Lq:24:8] U huma ftakru kliemu. [Lq:24:9] Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta’ dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha. [Lq:24:10] Kienu Marija ta’ Magdala u Ġwanna u Marija ta’ Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b’dan lill-appostli. [Lq:24:11] Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajjluh thewdin, u ma emmnuhomx.[Lq:24:12] Madankollu Pietru qam u mar b’ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u raġa’ lura d-dar mgħaġġeb b’li kien ġara.

MILL-EVANĠELU TA’ SAN MARK
16. Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet

[Mk:16:1] Meta għadda s-Sibt, Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salomi xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilkuh bihom. [Mk:16:2] U kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar. [Mk:16:3] U bdew jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?”[Mk:16:4] Iżda meta ħarsu, raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet ġebla kbira ħafna. [Mk:16:5] Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda; u nħasdu. [Mk:16:6] Imma hu qalilhom: “Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, m’huwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh. [Mk:16:7] Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom.” [Mk:16:8] U huma ħarġu ‘l barra u tbiegħdu b’ġirja waħda mill-qabar, għax kellhom rogħda fuqhom u baqgħu mbellhin bil-biża’. U ma qalu xejn lil ħadd, għax beżgħu.

MILL-EVANĠELU TA’ SAN MATTEW
28. Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet

[Mt:28:1] Meta għadda s-Sibt, maż-żerniq ta’ l-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar. [Mt:28:2] U ara, nħasset theżhiża kbira għax niżel anġlu tal-Mulej mis-sema, u resaq igerbeb il-ġebla u qagħad bilqiegħda fuqha. [Mt:28:3] Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; lbiesu abjad bħas-silġ.[Mt:28:4] Bil-biża’ tiegħu l-għassiesa qabdithom rogħda u saru qishom mejtin. [Mt:28:5] Iżda l-anġlu qabad u qal lin-nisa: “Tibżgħu xejn intom għax jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab. [Mt:28:6] M’huwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed. [Mt:28:7] U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li hu qam mill-imwiet. U araw, huwa sejjer il-Galilija qabilkom: tarawh hemmhekk. Araw, għedtulkom.” [Mt:28:8] Dawk telqu malajr minn ħdejn il-qabar, kollhom biża’ u ferħ kbir, u marru jiġru jagħtu l-aħbar lid-dixxipli tiegħu. [Mt:28:9] U ara, ltaqa’ magħhom Ġesù u qalilhom: “Is-sliem għalikom.” Huma resqu lejh, qabdulu riġlejh u nxteħtu quddiemu. [Mt:28:10] Mbagħad Ġesù qalilhom: “Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk.”

MILL-EVANĠELU TA’ SAN ĠWANN
20. Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet

[Ġw:20:1] Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. [Ġw:20:2] Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh?” [Ġw:20:3] Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. [Ġw:20:4] It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar.[Ġw:20:5] Tbaxxa, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. [Ġw:20:6] Mbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, [Ġw:20:7] u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih.[Ġw:20:8] Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen. [Ġw:20:9] Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet. [Ġw:20:10] Mbagħad id-dixxipli reġgħu lura lejn sħabhom.


LUMEN CHRISTI – Id-Dawl ta’ Kristu

 

IS-SIBT 7 TA’ APRIL

IS-SIBT TAL-ĠIMGĦA MQADDSA

Is-Sibt tal-Ġimgħa Mqaddsa l-Knisja tgħaddih bi ħsiebha biss fit-tbatija u l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu. Hija tibqa’ tishar mal-qabar tiegħu flimkien ma’ Marija, tneżża’ l-altar u tiċċaħħad mis-sagrifiċċju tal-Quddiesa, sakemm imbagħad, wara l-Vġili solenni fl-istennija tal-Qawmien tal-Mulej, hija tinfexx fil-ferħ ta’ l-Għid li jibqa’ jfawwarha bl-hena għal ħamsin jum sħiħ. Xieraq li dan is-sens ta’ sahra l-ġemgħa Kristjana żżommu bis-sawm.

IL-VĠILI SOLENNI TAL-QAWMIEN TAL-MULEJ MILL-IMWIET

Bi drawwa l-iktar qadima fil-liturġija tagħha l-Knisja tiċċelebra dan il-lejl bħala l-aktar għażiż u qaddis fost iċ-ċelebrazzjonijiet kollha tagħha. Il-fidili jżommu l-imsiebaħ tagħhom mixgħula u jkunu bħal qaddejja jistennew ’il Sidhom lura, biex malli jiġi jsibhom jishru u jqegħidhom fuq il-mejda miegħu. Il-Vġili ta’ dan il-lejl, li fih kollox hu ġdid, jitqassam hekk: ir-rit tat-Tberik tan-Nar u tal Mixegħla tad-Dawl tal-Blandun, it-Tħabbira solenni tal-Qawmien tal-Mulej, il-Liturġija tal-Kelma li tiġbor fiha l-wegħdiet kollha tas-salvazzjoni, ir-rit tat-Tberik ta’ l-Ilma u tal-Magħmudija li hi s-sagrament propju ta’ dan il-lejl qaddis, u ċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija.

8.00pm: Liturġija solenni tal-Lejl Qaddis ta’ l-Għid tal-Qawmien tal-Mulej.


Il-Passjoni ta’ Ġesu mħabbra fit-Testment l-Antik

(Is:50:6) Tajt dahri lil dawk li kienu jsawwtuni, ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti; ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq

[Żak:12:10] “U fuq id-dar ta’ David u fuq dawk li jgħammru f’Ġerusalemm insawwab spirtu ta’ ħniena u talb. U huma jħarsu lejn dak li jkunu nifdu, u jibkuh bħal wieħed li jibki lil ibnu l-waħdieni, u jokorbu għalih bħal min jokrob għal ibnu l-kbir.

(Salmi:22:17) Qabda klieb daru għalija; ġemgħa nies ħżiena rassewni. Taqqbuli idejja u riġlejja.

(Is:53:9) U tawh qabar mal-ħżiena, u ma’ l-għonja difnuh, għalkemm ma għamel ebda deni, u minn fommu ma ħareġ ebda qerq.  (Is:53:10) Iżda l-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard. Talli joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni, huwa għad jara nisel u jtawwal jiemu; u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih.  (Is:53:11) Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl, jixba’ bit-tagħrif tiegħu. Il-Ġust jiġġustifika lill-qaddej tiegħu quddiem il-kotra, u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu.  (Is:53:12) Għalhekk nagħtih il-kotra b’sehmu, u jkollu sehem fil-priża mal-qalbenin, għaliex hu offra ruħu għall-mewt, u kien magħdud mal-midinbin. Hu li neħħa l-ħtijiet tal-kotra, u ndaħal għall-midinbin.

(Salmi:22:2) Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? Bqajt ‘il bogħod u ma salvajtnix, ma tajtx widen għall-għajat tiegħi!

(Salmi:31:6) F’idejk jien nerħi ruħi; int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

(Is:53:5) Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.  (Is:53:6) Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa, kull wieħed minna qabad triq għal rasu. U l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll.  (Is:53:7) Ħaqruh, u hu qagħad għalihom bla biss ma fetaħ fommu; bħal ħaruf meħud għall-qatla, u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, ma fetaħx fommu.

(Is:53:12) Għalhekk nagħtih il-kotra b’sehmu, u jkollu sehem fil-priża mal-qalbenin, għaliex hu offra ruħu għall-mewt, u kien magħdud mal-midinbin. Hu li neħħa l-ħtijiet tal-kotra, u ndaħal għall-midinbin.

(Salmi:22:19) Ħwejġi jaqsmu bejniethom; jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.

(Is:53:9) U tawh qabar mal-ħżiena, u ma’ l-għonja difnuh, għalkemm ma għamel ebda deni, u minn fommu ma ħareġ ebda qerq.


Sibt il-Għid 2012

L-emfasi tal-festa tal-lum għandu jkun fuq il-qawmien tal-Mulej mill-imwiet u l-ħelsien li huwa ġabilna. Il-ferħ ta’ l-Għid huwa ferħ li għandu jkun fil-qalb ta’ kull Nisrani li jemmen li hu magħqud ma’ Kristu fil-magħmudija.

Illum jintuża l-kulur abjad

Iċ-Ċelebrazzjoni

Skont drawwa mill-iżjed qadima, dan il-lejl hu lejl ta’ sahra f’ġieħ il-Mulej (Eż 12, 42). Kif iwissina l-Evanġelju (Lq 12, 35-37), il-fidili jżommu l-imsiebaħ tagħhom mixgħula, u jkunu bħal nies jistennew ‘il sidhom lura, biex, malli jiġi, isibhom jishru u jqegħidhom fuq il-mejda tiegħu.

Il-Vġili ta’ l-Għid għandu jibda mill-inqas wara nżul ix-xemx tas-Sibt fi dħul il-lejl. Il-Liturġija tal-Vġili ta’ l-Għid hija mimlija simboli li għandhom jitfissru b’mod ċar. Importanti wkoll li tinħoloq l-atmosfera neċessarja biex dawn is-simboli joħorġu iżjed ċari u jilħqu l-iskop veru u tassew tagħhom. Il-Magħmudija għandha tkun element qawwi u ċentrali. Magħha għandu jintrabat ukoll it-tiġdid tal-wegħdiet tal-Magħmudija li kull Nisrani li jattendi għaċ-Ċelebrazzjoni tal-Vġili, għamel fil-Magħmudija tiegħu. Hemm erba’ taqsimiet:

1. Tberik tan-Nar, mixgħela tal-Blandun u Tħabbira ta’ l-Għid;

2. Liturġija tal-Kelma;

3. Liturġija tal-Magħmudija;

4. Liturġija ta’ l-Ewkaristija.

Bħala tħejjija, ħdejn il-bieb tal-Knisja jitlestew kenur bin-nar jaqbad sewwa (tkun idea tajba li dan in-nar ikun tqabbad f’ċelebrazzjoni barranija aktar kmieni fil-ġurnata mid-dawl tax-xemx, biex ikun nar tassew meħud mill-qawwa tan-natura u hekk jinftihem aħjar is-simboliżmu tan-nar li jagħti l-ħajja) u l-ġamar (tajjeb li jkun hemm fih faħam biex jintuża fiċ-ċensier), kandiletta, kandiletti biex l-abbatini jgħaddu n-nar lill-kongregazzjoni, għodda biex jinqabad il-ġamar, microphone, Missal, inċiżur biex jitnaqqxu s-salib, id-data u l-alfa u l-omega.

Fuq il-Presbiterju, f’xi mkien qrib l-artal għandha titħejja bażi għall-blandun u fiha jitpoġġa l-blandun mitfi, reċipjent bl-ilma, dak kollu li hu neċessarju għall-Magħmudija (żejt tal-Griżma, tajjar, baċir, eċċ), dawl ċkejken qrib l-ambone u qrib is-sedja, il-ktieb fl-Exultet fuq l-ambone, il-meħtieġ għaċ-Ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija u bwieqi biżżejjed biex minnhom isir it-Tqarbin biż-żewġ speċi.

Fil-Knejjes Parrokkjali huwa rakkomandat ħafna li l-Magħmudija ssir fil-Battisteru tal-Knisja. Jekk dan ikun ħdejn il-bieb tal-Knisja, wisq aħjar biex tidher f’għajnejn kulħadd id-daħla fit-Tempju tal-Mulej u fil-Familja ta’ Alla bil-mixja minn ħdejn il-bieb sal-artal wara l-Blandun mixgħul.

Fis-Sagristija jitħejjew l-akkolti, iċ-ċensier bojt, navettta bl-inċens. Wara l-Artal Maġġur titħejja mejda żgħira bi tvalja u żewġ xemgħat, xi purifikaturi u ilma biex issir il-purifikazzjoni wara t-Tqarbin.

Kummentarju

Qabel iċ-Ċelebrazzjoni

B’ferħ kbir iltqajna illejla biex niċċelebraw dan il-vġili ta’ l-Għid. Minn hawn u ftit ieħor se nagħtu bidu għal din iċ-Ċelebrazzjoni ta’ darba fis-sena biex niftakru fl-istorja ta’ mħabba li Alla jgħix mal-bniedem u fil-qofol ta’ din l-imħabba: Alla li permezz tal-Qawmien mill-mewt t’ Ibnu seħibna miegħu fil-ħajja ta’ dejjem. Iċ-Ċelebrazzjoni tal-lum tissejjaħ Vġili għax hija l-lejla ta’ qabel il-festa, illejla li fiha nishru mal-Mulej biex nirriflettu dwar il-qawmien tiegħu u dak li jfisser għalina. Dak li se nagħmlu llejla huwa mimli Sinjali li nispjegaw aħna u għaddejjin.

Illejla se ngħixu erba’ mumenti importanti. L-ewwel isir it-tberik tan-Nar u aħna nieħdu sehem minnu, wara nisimgħu lil Alla jkellimna mill-Kotba Mqaddsa, imbagħad ngħaddu għal-Liturġija tal-Magħmudija u fl-aħħar nagħlqu bl-Ewkaristija, il-preżenza ta’ kristu ħaj f’nofsna.

Dan il-Vġili jibda billi issa ċ-Ċelebrant jinżel flimkien mas-Saċerdoti u l-abbattini ħdejn il-bieb tal-Knisja fejn hemm in-nar imqabbad. Magħhom iniżżlu l-Blandun mitfi. Hemmhekk ibierek in-Nar Ġdid u minnu jixgħel il-Blandun li huwa simbolu ta’ Kristu d-Dawl veru tagħna. Fuqu jonqox salib, l-ittri Alfa u Omega, l-ewwel u l-aħħar ittra ta’ l-alfabett Grieg u l-annu li nkunu qegħdin fih. Imbagħad jitilgħu f’purċissjoni wara l-Blandun lejn l-Artal biex minn fuq l-Ambone jitħabbrilna l-ferħ ta’ Għid.. (Inqumu bilwieqfa).

Wara t-tieni tħabbira

Issa nixgħelu x-xemgħat tagħna lkoll biex nuru li aħna wkoll ħadna sehem mid-dawl ta’ Kristu. Id-Dawl nixgħeluh mill-Blandun, simbolu ta’ kristu, iżda ngħadduh lil xulxin. Kristu jasal għandna mingħand oħrajn u aħna ngħadduh lill-ħaddieħor.

Qabel l-Exultet

Waqt li nibqgħu bilwieqfa, issa se jitħabbrilna l-ferħ kbir ta’ l-Għid li jixxerred ma’ kullimkien fid-dinja. L-Exultet tfisser ifirħu, se titkanta. Ta’ min li nagħtu ftit aktar każ tal-kliem sabiħ u mimli tifsir li biha hija miktuba din il-għanja, li fiha nfaħħru lil Alla ta’ dak li għamel magħna permezz tal-Qawmien tal-Mulej.

Qabel il-Qari

Issa se nisimgħu seba’ siltiet mill-Kotba Mqaddsa, kollha mit-Testment il-Qadim. Dawk li kitbu dawn is-siltiet kellhom f’moħħhom l-imħabba kbira li Alla għandu għall-poplu tiegħu u kif din l-imħabba Alla qassamha matul iż-żmien. Wara kull silta jkun hemm salm li bl-għajnuna tal-Kantur nistgħu nkantaw it-tweġiba għalih.

Wara s-seba’ salm

Issa jinxtgħelu d-dwal ta’ l-artal u ċ-Ċelebrant jintona l-Glorja, l-Innu ta’ tifħir lil Alla. Issa wkoll jindaqqu l-qniepen b’sinjal tal-ferħ li tħoss il-knisja għat-tħabbira ta’ l-Għid. (Inqumu bilwieqfa).

Wara l-Epistola

Wara li smajna lill-Appostlu Pawlu jfakkarna li bħalma mitna ma’ Kristu, hekk ukoll ngħixu miegħu, nisimgħu liċ-Ċelebrant jintona l-Alleluja u aħna mistiedna flimkien mal-kor nieħdu sehem f’dan il-kant ta’ tifħir lil Alla, qabel nisimgħu l-Evanġelju u t-tifsira tiegħu. (Inqumu bilwieqfa).

Wara l-Omelija

Issa jissejħu dawk li se jressqu lil uliedhom biex jirċievu l-Magħmudija. Dawn it-trabi diġa ġew midluka biż-żejt tal-katekumeni, jiġifieri l-Knisja diġa laqgħethom bħala kandidati biex jirċievu dan is-Sagrament li jagħmilhom ulied il-Missier u aħwa f’din il-familja li hi l-Knisja. Filwaqt li nilqgħu fostna lil dawn it-trabi inkantaw il-Litanija tal-Qaddisin.

Wara l-Litanija

Issa ċ-Ċelebrant ibierek l-ilma li bih dawn it-trabi se jitgħammdu u li s-Saċerdoti se jroxxu fi djarna matul żmien il-Għid, billi jdaħħal il-Blandun fl-ilma tliet darbiet. Imbagħad wara li jistaqsi lill-ġenituri x’ismijiet iridu jagħtu lit-trabi tagħhom, huwa jistaqsihom biex iwieġbu f’isem uliedhom dwar dak li jixtiequ għalihom u wara li jgħammidhom, jidlikom biż-żejt tal-Griżma u jagħtihom il-libsa bajda, b’sinjal tal-ħajjja ġdida li huma qed jieħdu fi Kristu.  Illum il-Magħmudija ta’ dawn it-trabi se ssir fil-battisteru, ħdejn il-bieb tal-Knisja. Il-Battisteru huwa l-post proprju fil-Knisja fejn għandha ssir il-Magħmudija’ ħdejn il-Bieb il-Kbir li jfakkarna f’Ġesύ li huwa l-bieb li kulħadd jidħol minnu. Fih jinżamm l-ilma mbierek f’dan il-Vġili u li minnu kull Nisrani jieħu l-ħajja; fi kliem San Pawl, il-bniedem li jindifen ma’ Kristu fl-ilma biex minnu jsir bniedem ġdid.

Wara l-Magħmudija

Nilqgħu fostna lil dawn it-trabi li llum saru Wlied Alla u parti mill-familja Parrokkjali tagħna u fil-familja kbira tagħna li hi l-Knisja kollha mxerrda fid-dinja huma u miexja wara l-Blandun Mixgħul li hu d-dawl ta’ Kristu. Inqumu bilwieqfa.

Wara li l-ġenituri jaslu f’posthom

Issa nerġgħu nixgħelu x-xemgħat mill-ġdid mill-Blandun u nagħmlu l-istqarrija tal-fidi tagħna billi nġeddu l-wegħdiet li għamilna fil-Magħmudija tagħna.

Wara t-Talbiet tal-Ġemgħa

Ngħaddu għall-aħħar parti ta’ din iċ-Ċelebrazzjoni li hija l-Ewkaristija. Kristu huwa ħaj u qed jgħix magħna u minn hawn u ftit ieħor se jkun magħna wkoll fl-Ewkaristija biex imbagħad nieħdu sehem mill-ikla tiegħu. Nibqgħu bilwieqfa sakemm jittellgħu l-offerti.

Qabel it-Tqarbin

Illum it-Tqarbin jista’ jsir kemm bil-ħobż ikkonsagrat, kif ukoll bl-inbid ikkonsagrat.

Referenzi

Tagħrif mehud mill-website tal-Parroċċa ta’ Ħal Tarxien, http://www.tarxienparish.org/Website%201/vgili_ghid.htm, illum 23 ta’ April 2011.

Il-Programm tal-lum fil-Parroċċa ta’ Birżebbuġa

Fit-8:00pm bidu taċ-Ċerimonja Solenni tal-Vġili tal-Għid u Magħmudija bis-sehem tal-Kor.


Il-Ġimgħa l-Kbira 2012

Il-Ġimgħa 6 ta’ April 2012

Fit-8.00 a.m. Kant u Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum mal-Kleru u l-Kor.

Fit-8.30 a.m. Tqarbin tal-morda.

Fid-9.00 a.m., jkomplu l-Visti mill-membri tal-Mużew.

Fis-2.30 p.m. Via Sagra

Fit-3.00 p.m. Tifkira tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesu’.