Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Il-Banda Birżebbuġa AD 1990 fil-Ġimgħa Mqaddsa

L-ewwel sehem tas-Soċjeta` Filarmonika San Pietru A.D. 1990 f’dawn il-festi qaddisa tal-Ġimgħa Mqaddsa, għamlitu sewwasew bis-saħħa tal-Banda Birżebbuġa. Kien it-12 t’April 1992, meta dakinhar għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, il-banda tas-Soċjeta` taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Michael Bugelli, eżegwiet programm ta’ marċi funebri f’Misraħ il-Knisja. Il-kumitat minn dejjem kellu xewqa li jżanżan l-ewwel librett tiegħu ta’ marċi funebri fuq togħma tajba (Marċi Funebri, 1992). Il-preparamenti għal dan is-sett bdew eżattament wara l-Laqgħa Ġenerali ta’ dik is-sena li saret il-Ħadd 12 ta’ Jannar 1992 fil-Lido Hall.

L-istess ħaġa saret fis-sena 1993 meta fl-4 t’April, f’Ħadd il-Palm il-Banda reġgħet tellgħet programm sabiħ ta’ marċi funebri f’Misraħ il-Knisja. Għal din l-okkażjoni ġew imżanżna wkoll sett ta’ ingravajjet suwed bl-emblema tas-Soċjeta` (Programm ta’ Marċi Funebri, 1993). Mhux komuni li tara soċjetajiet mużikali li jagħmlu settijiet ta’ ingravajjet suwed barra dawk bil-kulur proprju li tkun tħaddan dik is-Soċjeta`. Dan juri biċ-ċar kemm is-Soċjeta` tagħna minn dejjem uriet interess fis-sbuħija u fid-devozzjoni tal-misteru tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, devozzjoni sinonima ma’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Il-Banda Birżebbuġa, għamlet għadd ġmielu ta’ programmi mużikali funebri u ta’ mużika sagra fis-Sede l-ġdida, l-aktar meta l-bini ta’ dan kien kważi komplut minn kollox. Dawn il-programmi saru fis-snin 1996, 1997, 1998, u 1999. L-ewwel programm funebru fil-każin il-ġdid ‘Ġawhra San Pietru’ ittella’ nhar l-Erbgħa, 3 ta’ April 1996. Is-sena ta’ wara, nhar l-Erbgħa 26 ta’ Marzu 1997, il-Banda Birżebbuġa komposta minn ammont sabiħ ta’ bandisti tal-post u ftit barranin tellgħu serata mużiko-letterarja fejn inqraw bosta poeżiji relatati ma’ dawn iż-żminijiet. Il-programm kien ippreżentat minn Franz Brincat, ex-bandist. Dakinhar wara l-banda ntrama salib artistiku, xogħol Louis Marsh. Fis-sena 1998, reġa’ ttella’ programm mużiko-letterarju ieħor. Anke l-għażla tal-mużika kienet varjata u ma baqgħetx ibbażata fuq marċi funebri biss. Dakinhar indaqqu wkoll In a Monastery Garden ta’ Ketelby; Panis Angelicus ta’ Cesar Franck; u silta mehuda mill-Opera L’Arlesienne ta’ G.Bizet. Fis-sena 1999, għalkemm l-attenzjoni iktar kienet mitfugħa fuq l-Irxoxt u ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ l-Għid il-Kbir, xorta waħda reġa’ ttella’ l-programm mużiko-letterarju fis-sala prinċipali tal-Każin ‘Ġawhra San Pietru’.

Is-sena 1999 kienet sena partikolari għas-Soċjeta’ tagħna fejn jidħlu affarijiet relatati mal-Ġimgħa Mqaddsa. Kien hemm xewqa kbira u xewqa sinċiera li fir-raħal għażiż tagħna nkomplu nxerrdu d-devozzjoni u nżidu fil-qima tal-Ġimgħa Mqaddsa. Mis-sena ta’ qabel kienu diġa` tħejjew xi pjanijiet fosthom dak li jsir recording ta’ marċi funebri. Minnufih bdew jiġu nfurmati l-bandisti. Ir-recording sar nhar id-19 ta’ Jannar 1999, għand id-ditta Boffa Studios ta’ Raħal Ġdid u l-banda kienet taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Michael Bugelli. Ir-recording sar fuq cassette. Bħala kopertina ntgħażlet il-vara ta’ Marija Addolorata li hemm fil-parroċċa tagħna, statwa artistika u sabiħa, statwa devota u meqjuma b’għożża kbira minn ħafna nies f’Birżebbuġa. Dan ir-recording ġie apprezzat minn ħafna membri u kien ukoll l-ewwel mit-tip tiegħu f’Birżebbuġa. Fis-sena 2007, il-kumitat ħa ħsieb biex jaqleb dan ir-recording għal fuq CD.

Is-sena 1999 ser tibqa’ magħrufa wkoll għas-sena li fiha ġiet inawgurata l-vara ta’ Kristu Rxoxt. Barra l-Irxoxt, tajjeb infakkru li matul dik is-sena sar ukoll l-ewwel recording ta’ marċi funebri tas-Soċjeta`. Barra dawn saru wkoll il-programm mużiko-letterarju tas-soltu, u l-wirja sabiħa mmens ta’ l-Aħħar Ċena fuq stil Lhudi. L-irxoxt sar fuq idea ta’ xi membri tas-Soċjeta`, li kienu avviċinaw lill-Kumitat Eżekuttiv ta’ dak iż-żmien u dan kien laqa’ t-talba tagħhom. L-istatwa kellha tingħata lis-Soċjeta` mill-kolletturi tagħha dakinhar stess ta’ l-Għid il-Kbir, il-Ħadd 4 ta’ April 1999 filgħaxija. Ma setgħax jonqos is-sehem tal-Banda Birżebbuġa f’okkażjoni sabiħa bħal din. Dakinhar il-Banda skjerat ruħha quddiem il-każin fejn kien hemm preżenti folla enormi ta’ nies. Hekk kif il-kolletturi rregalaw il-vara lis-Soċjeta` u din inkixfet mil-liżar, il-Banda daqqet l-innijiet tagħha fost il-ferħ u l-emozzjoni kbira tan-nies ta’ Birżebbuġa. Wara l-inawgurazzjoni, il-Banda Birżebbuġa kompliet takkumpanja l-vara ta’ Kristu Rxoxt mat-toroq tal-parroċċa sakemm il-manifestazzjoni waslet fi tmiemha quddiem is-Sede prinċipali tas-Soċjeta`.

Il-Banda reġgħet ħadet sehem fis-sena 2004. F’din is-sena ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-każin ħadu xejra akbar minħabba l-introduzzjoni tar-rappreżentazzjoni drammatizzata. Dakinhar il-Banda ġiet mistiedna biex f’Ħadd il-Palm ta’ dik is-sena ttellgħa programm ta’ mużika sagra u marċi funebri f’Misraħ il-Knisja. Ma kinitx xi biċċa xogħol ħafifa u dan għaliex il-Banda u l-membri tagħha kienu għadhom biss ftit ġimgħat li ġew mill-ewwel mawra tagħhom fit-Tuneżija. Ir-rehearsels bdew minnufih mingħajr telf ta’ żmien. Kienet il-Banda Birżebbuġa li nhar Ħadd il-Palm 4 t’April 2004 fetħet uffiċjalment iċ-ċelebrazzjonijet b’daqq ta’ marċi funebri u mużika sagra taħt id-direzzjoni ta’ l-Assistent Surmast Mro. C. W. Suda peress li s-surmast direttur Mro. Michael Bugelli kien indispost. Dan il-programm baqa’ jsir anke fis-snin 2005 u 2006 u kien dejjem hu li fetaħ ir-Rappreżentazzjoni Drammatizzata. Fis-sena 2007, wara li kien sar xi xogħol ta’ estensjoni u rinnovament fil-bottegin tas-Sede, il-kumitat iddeċieda li dan il-programm kellu jsir hawnhekk u b’hekk tkun tista’ tikber aktar l-organizzazzjoni u s-serjeta` ta’ dan il-programm.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s