Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Il-Knisja Parrokkjali

L-Istatwa tad-Duluri

Il-vara tad-Duluri tal-parroċċa tagħna hija statwa sabiħa mmens maħduma fil-kartapesta. Din l-ewwel vara titulari ta’ Birżebbuġa, ġiet irregalata qabel ma Birżebbuġa stess saret parroċċa mill-Kanonku Dun Achille Refalo. Il-vara tad-Duluri tirrapreżzenta lil Marija bil-wieqfa, poża sinonima mad-Duluri ta’ Settembru, bi stalett imdaħħal ġo qalbha. Peress li mat-twaqqif tal-parroċċa din il-vara kienet dik titulari, din hija wkoll indurata bid-deheb, ħaġa mhux daqshekk komuni fl-istatwi tad-Duluri. Sfortunatament ma nafux min ħadem din l-istatwa. Ħafna jsostnu li hija xogħol ta’ Karlu Dermanin. Il-pedestall tagħha nbidel kemm il-darba u sfortunatament dwar l-ewwel wieħed ma nafu xejn. It-tieni kien dak ta’ S.Marija tal-Gudja li llum qiegħed mal-Madonna tar-Rużarju. Il-pedestall tal-lum huwa tal-injam u nterzjat.

Il-Kurċifiss ta’ Ġużeppi Caruana Ta’ Marċjol 

Il-kurċifiss il-kbir huwa wkoll biċċa xogħol sabiħa fil-kartapesta. Dan ix-xogħol tassew sabiħ u interessanti ġie maħdum mill-iskultur bravu Bormliż Ġużeppi Caruana magħruf aħjar bħala ‘Ta’ Marċjol’. Dan kien skultur imfittex ħafna u fost ix-xogħlijiet li għamel insibu l-istatwa ta’ Malta gwerriera tas-Soċjeta’ Mużikali Maria Mater Gratiae ta’ Ħaż Żabbar. Dan il-kurċifiss għandu niċċa għalih fuq in-naħa tal-lemin tal-knisja eżatti malli tidħol mill-bieb tal-lemin tal-faċċata tal-knisja. In-niċċa ta’ dan il-kurċifiss hija waħda kbira u fl-isfond hemm imwaħħal damask aħmar sabiħ. Fil-ġranet tar-randan dan il-kurċifiss jinħareġ min-niċċa tiegħu u jitwaħħal fuq l-artal maġġur. Matul il-Ġimgħa Mqaddsa dan il-kurċifiss jitpoġġa mal-vara tad-Duluri fuq l-istess bradella. Dan il-kurċifiss qatt ma nħareġ barra proċessjonalment ħlief għal xi okkażjoni speċjali.

L-“Ecce Homo”

Fil-knisja parrokkjali nsibu wkoll bust sabiħ ta’ Ecce Homo. In-niċċa ta’ din l-istatwa tinsab fin-nava tal-lemin. Il-bust juri wiċċ Kristu, bil-kuruna tax-xewk, bil-bastun u bil-porpra ħamra. Dan il-bust huwa mqiegħed fuq pedestall kwadru magħmul mill-injam. Mal-faċċata ta’ dan il-pedestall hemm ukoll imwaħħla relikwija żgħira u awtentika mill-kurċifiss li fuqu ssallab Ġesu. Quddiem in-niċċa jitpoġġew diversi xemgħat li jixgħelu lejl u nhar. Fuq iż-żewġ naħat tan-niċċa jitwaħħlu wkoll żewġ lampieri żgħar. Bħala dekorazzjoni naraw li taħt dan l-istess bust hemm pezza drapp sabiħa tassew. Dan id-drapp kien jagħmel parti mill-kanipew li kien jintuża fuq it-tabernaklu tal-parroċċa l-qadima tad-Duluri. Din l-istatwa hija wkoll devota mal-parruċċani u ta’ sikwit isir talb quddiema. Dan il-bust sabiħ jinżamm biss fin-niċċa u ma jinħariġx barra.

Skultura fil-Kapitelli bis-simboli  tal-Passjoni ta’ Ġesu Kristu Sidna

Lejn tmiem is-seklu dsatax u l-bidu tal-millenju l-ġdid kien hemm ħsieb serju biex il-kapitelli tal-knisja parrokkjali jiġu skulturati u jikkumplimentaw ma’ l-istil tal-knisja li hija mibnija fuq stil sikulo-normann u stil romanesk. Għal din il-biċċa xogħol l-għażla tal-iskultur waqgħet fuq l-iskultur bravu Tarcisio Montebello. Il-proġett tal-kapitelli beda fid-9 ta’ Awissu 2000, ftit jiem wara li spiċċat il-festa titulari ta’ San Pietru. Sal-festa 2001 kienu diġa saru 5 kapitelli sħaħ u 4 nofsijiet. Fost dawn il-kapitelli sbieħ naraw waħda li fuq l-4 naħat tagħha hemm simboli relatati mal-passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu. Fuq naħa naraw is-sellum tas-salib, il-lanza u l-isponża bil-ħall. Fuq faċċata oħra naraw il-kuruna tax-xewk, il-frosta u s-salib. Insibu wkoll il-qalb imqaddsa ta’ Marija Addolorata bi stalett ġo fiha kif ukoll salib imdawwar b’serp.

Il-Via Sagra 

Il-Via Sagra tal-parroċċa tagħna hija wkoll biċċa xogħol sabiħa ta’ l-arti maħduma mid-ditta Stuflesser ta’ Bolzano l-Italja. Minn din id-ditta rinomata il-parroċċa tgawdi minn bosta opri oħra fosthom il-vara titulari ta’ San Pietru, il-vara ta’ San Ġużepp u l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju, kollha xogħol fl-injam. Il-Via Sagra ta’ Birżebbuġa ġiet ordnata fl-1957 fiż-żmien meta l-parroċċa kienet taħt it-tmexxija tal-kappillan Ġużeppi Minuti.

Il-Qanpiena “Maria Addolorata” 

Jekk hemm xi ħaġa li forsi l-Birżebbuġin huma tassew kburin biha din hija bla dubju ta’ xejn is-sett qniepen sbieħ li għandhom fil-kampnar tal-knisja tagħhom iddedikata lil San Pietru fil-Ktajjen. Dan is-sett huwa meqjus bħala wieħed mill-isbaħ f’dawn il-gżejjer, mhux fl-għamla tiegħu imma bħala akustika u ħoss. Huwa l-uniku sett qniepen ta’ ditta Olandiża bl-isem ‘Messrs Petit & Fritsen’ . Ma setgħax jonqos li waħda minn dawn il-qniepen tkun iddedikata lil Ommna Marija Addolorata. Filfatt il-qanpiena ‘Maria Addolorata’ hija t-tieni l-ikbar qanpiena minn dan is-sett wara dik bl-isem ‘San Pietru’ Il-qanpiena ‘M.Addolorata’ għandha ton ta E’ (mi), b’diametru ta’ 47 1/4″. Għandha għoli ta’ 56-5/6″ u toqol ta’ 2453 libbri. Il-qniepen waslu fuq il-vapur ”Mynias’ fis-16 ta’ Lulju 1969 minn Rotterdam, u tbierku fid-19 ta’ Lulju. Ittellgħu fil-kampnar bejn it-23 u l-24 ta’ Lulju u ndaqqu fis-26 ta’ Lulju 1969.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s