Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Birżebbuġa

Birżebbuġa u d-Duluri

Għalkemm f’Birżebbuġa ma nsibux purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ min jgħid iżda li n-nies ta’ Birżebbuġa jgħożżu f’qalbhom devozzjoni kbira u mhux ordinarja lejn Ommna Marija Addolorata. Wara dan kollu hemm raġuni valida, fejn l-istorja ta’ dan ir-raħal pittoresk u d-devozzjoni kbira lejn il-Madonna jintisġu flimkien.

Il-poplu ta’ Birżebbuġa għandu devozzjoni kbira lejn id-Duluri, devozzjoni u mħabba li għadhom ħajjin sal-ġurnata tal-lum. Anke l-purċissjoni tad-Duluri li ssir fl-ibliet u l-irħula kollha ta’ dawn il-gżejjer, għan-nies ta’ Birżebbuġa hija purċissjoni speċjali u li tqajjem memorji f’ħafna min-nies anzjani tar-raħal tagħna. Semmejna l-imħabba u d-devozzjoni speċjali li għandhom in-nies ta’ Birżebbuġa lejn id-Duluri u għadna m’għidniex għaliex. Għad li llum il-parroċċa tagħna hija ddedikata lill-Kbir Appostlu San Pietru, wieħed irid bilfors ifakkar li l-Parroċċa fil-bidu nett tagħha kienet iddedikata lil Marija Addolorata u mhux lil San Pietru. Kien l-isqof Mauro Caruana li mat-tlestija tal-knisja Parrokkjali l-ġdida ta’ Birżebbuġa, ried li l-parroċċa tiġi ddedikata lil San Pietru Appostlu għax fil-fehma tiegħu kienet ħaġa assurda kif fil-gżira ta’ Pawlu kien għad m’hawnx parroċċa ddedikata lil sieħbu San Pietru Appostlu, l-ewwel mexxej u l-ewwel kolonna tal-Knisja Kattolika.

Għalkemm illum il-poplu ta’ Birżebbuġa jħossu onorat ħafna li l-parroċċa tiegħu hija ddedikata lil San Pietru Appostlu, dan ma kienx l-istess sentiment li kien jirrenja dak iż-żmien meta l-Isqof Caruana ħabbar it-tibdil fit-titular tal-parroċċa tagħna. Ħafna min-nies oġġezzjonaw bil-qawwa meta l-aħbar ħarġet u nxterdet mar-raħal. Id-devozzjoni lejn Marija Addolorata kienet kbira u kienet daħlet fil-qlub tan-nies ta’ Birżebbuġa. Din il-bidla kienet qajmet ukoll xi ftit ta’ rabja anke fost l-akbar benefatturi li kellha l-parroċċa dak iż-żmien, żewġ familji bil-laqam ‘Ta’ Farfar’ u ‘Ta’ Għasafar’. Jingħad li dakinhar li l-Isqof Mauro Caruana ġie biex ipoġġi l-ewwel ġebla tal-Knisja l-ġdida ta’ Birżebbuġa, dawk li ma qablux mal-bidla tat-Titular, bħala protesta għażlu li ma jieħdux sehem fiċ-ċerimonja billi jsegwu kollox minn fuq għolja li kien hemm fil-qrib, eżattament fejn illum hemm il-Kunvent tas-Sorijiet wara l-Knisja.

Illum in-nies ta’ Birżebbuġa jħossuhom taħt il-mantell protettiv kemm ta’ San Pietru Appostlu u anke ta’ Sidtna Marija Addolarata. Din id-devozzjoni li llum aħna għandna lejn San Pietru xorta waħda ma tnessinhiex l-għeruq fondi li għandna marbuta mad-Duluri. Anzi, dan il-fatt lilna jimlina b’ferħ u b’sens ta’ kburija liema bħalha. Iż-żmien għadda imma l-imħabba lejn Marija Addolorata tibqa’ f’qalbna. Ix-xbieha ta’ Sidtna Marija Addolorata fil-Knisja Parrokkjali tfakkarna f’dawk iż-żminijiet meta’ missirijietna kienu jiċċelebraw il-festa tad-Duluri fil-parroċċa l-qadima, kemm fil-festa proprja tagħha nhar il-15 ta’ Settembru ta’ kull sena kif ukoll fil-ġimgħa ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira.

 

Il-Pajsaġġ ta’ Birżebbuġa

Ir-raħal tagħna ta’ Birżebbuġa jinsab fl-iktar parti estrema tan-nofs in-nhar ta’ Malta. Ir-raħal tagħna huwa wkoll fornitur ta’ ħafna mill-enerġija li hawn f’pajjiżna. Dan għaliex barra li Birżebbuġa jservi ta’ Port, ir-raħal tagħna huwa wkoll ċentru Industrijali kbir li jinkorpora ditti multinazzjonali.

Il-Pajsaġġ tar-raħal tagħna huwa wieħed sabiħ immens, u li kieku ma kienx għall-iżviluppi Industrijali kieku llum Birżebbuġa huwa wieħed mill-aktar lokalitajiet mfittxija għas-sbuħija naturali tiegħu, sbuħija li mingħajr tlaqliq ta’ xejn ngħidu li ġiet sfreġjata mill-awtoritajiet biex tiġi żviluppata konċentrazzjoni ta’ Industrija kbira.

Birżebbuġa jinkorpora fih, l-art minn fejn it-torri San Luċjan u jestendi ruħu sa Ħal Far. Insibu li jagħmlu parti mir-raħal ta’ Birżebbuġa, z-zoni tal-Qajjenza, Tal-Papa, Kalafrana, Bengħisa u Ħal Far. Il-forma strutturali tal-bini tar-raħal tagħna għandha forma tawwalija li ddur mal-kosta kollha mill-Qajjenza sa Kalafrana. Ir-raħal tagħna filfatt ma żvillupax madwar il-knisja parrokkjali iżda madwar il-kosta.

Mil-lat demografiku, nsibu li f’Birżebbuġa, skond l-aħħar ċensiment tal-2005, hawn popolazzjoni ta’ 8,668 ruħ, popolazzjoni li kull ma jgħaddi ż-żmien qegħda dejjem tikber. Ta’ min isemmi li l-popolazzjoni tikber iżjed fl-istaġun tas-sajf meta fir-raħal tagħna jiġu bosta villeġġanti biex iqattgħu l-btajjel tagħhom.

Madwar Birżebbuġa nsibu bosta widien sbieħ u fondi. Ħafna minn dawn il-V-valleys kif normalment insibuhom deskritti fil-kotba tal-ġeografija imorru lura miljuni ta’ snin meta ħafna minn dawn il-widien kienu xmajjar kbar li jarmu l-ilmijiet tagħhom fil-baħar. Wieħed minn dawn il-widien huwa Wied Dalam, li narawh aħna u neżlin għal Birżebbuġa min-naħa ta’ Bir id-Deheb. Ma’ dan il-wied hemm marbut ukoll ‘Għar Dalam’ , li mill-fdalijiet li nstabu fih mhux biss nikkonfermaw li dawn il-widien kienu xi darba xmajjar kbar iżda wkoll li darba Malta kienet magħquda ma’ artijiet oħra. Eżempji oħra ta’ dawn il-widien li nsibu fir-raħal tagħna huma Wied Żembaq, Wied Qoton, Wied Ħas-Saptan li jmiss ma’ Wied il-Kbir. Imbagħad aħna u neżlin Birżebbuġa min-naħa ta’ Ħal Far naraw Wied il-Buni li minnu ħadet isimha x-xtajta ta’ Birżebbuġa. Barra dawn it-tipi ta’ widien insibu widien oħra fl-irdumijiet li jibqgħu neżlin fil-baħar bħal Wied ix-Xoqqa f’Kalafrana, Wied il-Mixta f”Bengħisa u Wied Żnuber f’Ħal Far.

U min jaħseb li l-irdumijiet jinsabu biss Ħad Dingli sejjer żball għax f”Birżebbuġa nsibu minnhom ukoll. Dawn jibdew mill-ponta ta’ Kalafrana u jestendu ruħhom sa Ħal Far. Dawn l-irdumijiet huma l-kenn ta’ bosta mammiferi bħal friefet il-lejl kif ukoll tajr tal-baħar bħaċ-Ċief, il-gawwi u l-Merill li huwa l-Għasfur Nazzjonali.

F’Birżebbuġa nsibu wkoll żewġ bajjiet importanti dik ta’ San Ġorġ u dik magħrufa bħala ‘Pretty Bay’. Il-Bajja ta’ San Ġorġ hija aktar magħrufa mas-sajjieda peress li huwa minn hawn li ħafna mid-dilettanti tas-sajd jerħulha biex imorru jistadu. ‘Pretty Bay’ hija t-tieni u l-akbar bajja f’Birżebbuġa. Din hija hija attrazzjoni turistika għax hija mimlija ramel. Fis-sajf jiġu diversi turisti biex jgħumu.

 

L-istorja ta’ Birżebbuġa

Ir-raħal tagħna ta’ Birżebbuġa għandu storja kbira u mill-aktar interessanti. Mhux ta’ b’xejn li r-raħal tagħna huwa mfittex minn diversi turisti biex jaraw u jżuru diversi siti ta’ interess b’Għar Dalam bħala l-aktar post popolari. F’Birżebbuġa flimkien ma’ Għar Dalam insibu wkoll Borġ in-Nadur. Dawn it-tnejn huma fost is-siti mħarsa minn Heritage Malta. Hemm bosta siti oħra ta’ importanza kbira imma li sfortunatament dawn għadhom abbandunati u jinsabu fi stat ħażin ħafna. F’din is-sezzjoni se nipprova niffoka biss fuq l-istorja ġenerali tar-raħal.

Jekk immorru lura fiż-żmien naraw li Malta xi darba kienet magħquda mal-kontintent Ewropew fl-era msejjħa Pleistoċena. Jagħti xhieda ta’ dan il-monument storiku nazzjonali li għandna f’Birżebbuġa, Għar Dalam. F’dan l-għar instabu diversi fdalijiet ta’ annimali fossilizzati bħal ċriev, iljunfanti żgħar, u ippopotami. Fdalijiet bħal dawn li ovvjament imorru lura fiż-żmien qabel kull tempju megalitiku fi gżiritna ħallew impatt kbir fuq diversi studjużi li skavaw f’dan il-post fosthom fl-1865 il-Professur Arthur Issel li daħal daqs mitt pass ‘il ġewwa mill-bokka u għamel xi skavi. L-istess ħaġa għamel it-Tenent Dr. Leith-Adams fl-1870. Fl-1892, J.H. Cooke, ħaffer fih ukoll u kaxkar lejn Londra għadd ġmielu ta’ għadam fossilizzat. Fix-xitwa tal-1912-13, il-Prof. N. Tagliaferro flimkien ma’ Ġuże Despott, M.B.E., sabu fih bosta għadam ta’ ippopotami u fuħħar. Fis-sena 1914 għamlu xi skavi Dr. Thomas Ashby flimkien ma’ Despott u reġgħu sabu għadam u fuħħar. Jingħad li l-akbar kixfa kienu żewġ nejbiet li sab Despott fl-1917 li meta ġew eżaminati minn Sir Arthur Keith instabu li huma ta’ Homo Neanderthalensis (bniedem Neanderthal). Illum Għar Dalam hemm miegħu wkoll Mużew, liema mużew infetaħ fil-bidu tas-snin 1930. Il-parti l-antika tal-mużew tista’ tgħid li hija mużew minna nfisha, hekk kif wieħed jinnota li l-vetrini jmorru lura għall-Era Vittorjana ta’ l-Imperu Brittaniku. Il-Mużew ingħalaq fis-sena 1940 u reġa’ nfetaħ għall-pubbliku fis-sena 1947. Ta’ proporzjon inqas importanti kienu wkoll is-sejbiet f’Għar in-Ngħaġ f’Wied Mixta Bengħisa u Għar Friefet li jinsab ftit il-metri ‘l bogħod minn Għar Dalam.

Birżebbuġa hija wkoll mogħnija b’Tempji Megalitiċi. Instabu diversi Menħir u Dolmen, speċjalment lejn in-naħat ta’ Ħal-Far u Wied Żnuber. Pero’ l-aktar sejba interessanti hija dik ta’ Borġ in-Nadur, it-tempju li jmur lura sa Żmien il-Bronż. L-importanza kbira ta’ dan il-post fl-istorja ta’ pajjiżna tinftiehem biss billi wieħed jgħid li f’Malta nsibu 2 postijiet biss ta’ din l-epoka: Borġ in-Nadur u tempju ieħor fl-inħawi tal-Baħrija. Tajjeb li nżidu ngħidu iżda li x’aktarx Borġ in-Nadur kienu ilu jeżisti sa minn Żmien il-Ħaġar, u mbagħad ġie irranġat min-nies ta’ Żmien il-Bronż. L-istudjużi ma jeskludux lanqas il-fatt li dan it-tempju seta’ ġie wżat mill-Feniċi u l-Kartaġiniżi. L-iskavi f’Borġ in-Nadur bdew fl-1922 minn Dr. Margaret Murray. F’dawn l-inħawi fejn hemm Borġ in-Nadur, fil-Bajja ta’ San Ġorġ, instabu wkoll diversi cart-ruts. Jingħad li wħud minnhom jibqgħu neżlin fil-baħar.

Ta’ żmien il-Feniċi u Kartaġiniżi nsibu bosta fdalijiet f’Birżebbuġa. Ta’ min isemmi pereżempju d-diversi Oqbra Puniċi fl-inħawi ta’ Ħal-Far u Bengħisa. Jingħad li fis-sena 1761, instab qabar interessanti ħafna fl-għalqa tal-Familja Falzon fl-inħawi ta’ Bengħisa. F’dan il-qabar instabet skrittura mwaħħla mal-ħajt fejn kien jinsab l-iskeletru. Fl-aħħar vers ta’ din l-iskrittura kien hemm l-isem ta’ Hannibal bin Barmelek. Il-kitba ħawdet mhux ftit l-istudjużi ta’ dawk iż-żminijiet u kien hemm min qal li dan seta’ kien il-qabar tal-Kbir Ġeneral Kartaġiniż Hannibal.

Wara l-gwerer Puniċi, kienu r-Rumani li ħarġu rebbieħa fuq il-Kartaġiniżi. Malta wkoll giet maħkuma mir-Rumani. Fost il-fdalijiet tar-Rumani li nsibu f’Malta, f’Birżebbuġa għandna dik li nsejħulha Il-Villa Rumana. Din tinsab f’Wied Dalam, eżattament fuq in-naħa l-oħra tal-Wied fejn hemm Għar Dalam. L-inħawi huma magħrufa wkoll bħala Ta’ Kaċċatura. Mill-iskavi li saru fuq din il-Villa jidher biċ-ċar li qabel ma nbniet din il-Villa Rumana kien hemm xi forma ta’ bini Neolitiku u Puniku. Jingħad li l-iskavi fuq din il-Villa bdew għall-ħabta tal-1881, iżda m’hemm xejn fiċ-ċert fuq dan. Fl-1915, il-Villa reġgħet bdiet tiġi skavata, din id-darba minn Thomas Ashley u Sir Temi Żammit. Waqt l-iskavazzjonijiet instab forma ta’ taraġ, li x’aktarx wassal l-istudjużi biex jgħidu li din il-Villa kellha sular ieħor fuq. Instabu wkoll xi toqob imħaffrin fil-blat fejn kien jingħasar iż-żebbuġ għaż-żejt. Imma bla dubju ta’ xejn l-aktar ħaġa interessanti li nstabet kienet il-ġiebja Rumana li tinsab fejn il-Villa. Sfortunatament, barra li l-Villa minn dejjem kienet mitluqa, fit-Tieni Gwerra Dinjija soffriet direct-hit minn bomba bil-ħidma ta’ l-għadu. Għalkemm saru t-tiswijiet neċċessarji, tista’ tgħid li din il-Villa kienet u għadha abbandunata sal-ġurnata tal-lum.

Il-Kavallieri ta’ Malta wkoll ħallewlna għadd ġmiel ta’ wirt. Sfortunatament nofs il-fdalijiet u strutturi li ħallewlna l-Kavallieri nqerdu kompletament minħabba żviluppi industrijali, speċjalment fl-inħawi ta’ Ħal-Far, Kalafrana, kif ukoll mal-kosta ta’ Wied il-Buni. Birżebbuġa u l-inħawi tagħha minn dejjem kellhom post ċentrali fl-iżvilupp ta’ l-istorja ta’ Malta. Ħafna ċiviltajiet żbarkaw f’pajjiżna proprju mill-bajjiet li għandna f’Birżebbuġa. Hekk ġara dakinhar ta’ l-Assedju l-Kbir meta fl-20 ta’ Mejju 1565, il-qawwa Torka riedet taħbat għall-Malta u parti mill-armata niżlet proprju fil-bajjiet li għandna fir-raħal tagħna. Aktar tard insibu li t-Torok reġgħu ppruvaw jinżlu fil-bajjiet ta’ Birżebbuġa fis-sena 1614, imma sabu jistennihom il-Forti San Luċjan li l-Granmastru Alof de Wignacourt bena fl-1610. Ta’ żmien il-Kavallieri għadna naraw sal-lum il-Forti San Luċjan (1610); biċċa mis-swar li hemm f’Wied il-Buni (1761 circa) li kienu ppjantati mill-inġinier Bourlemaque fi żmien il-Granmastru Pinto; Batterija Ferretti fil-Qajjenza (1715); is-swar li jdawwru l-kappella ta’ San Ġorġ li xi darba kienu jiffurmaw ukoll Ridott San Ġorġ (1715) u parti mis-swar ta’ Batterija Gżira (1715), fejn illum hemm is-Shorties Bar. F’tarf ta’ Triq in-Noqra lejn l-inħawi ta’ San Ġorġ, eżattament fejn jibda Wied Żembaq wieħed għadu jista’ jara t-Torri ta’ Mari ta’ Qerqni (Cerni) li llum huwa biss sempliċi razzett. F’Wied Żembaq għad fadal ukoll l-aħħar fdalijiet ta’ Casa Ippolito, dar tal-kampanja mibnija mill-Kavallier Ippolito, liema dar tal-kampanja nbniet fis-seklu sbatax. Intilfu darba għal dejjem wieħed mit-tlettax-il torrijiet ta’ De Redin (1659) li kien jinsab f’Bengħisa u kien magħruf bħala t-Torri l-Aħmar. Dan twaqqa’ fl-1915. F’Bengħisa kienet teżisti wkoll Batterija Bengħisa (1715) magħrufa wkoll bħala ta’ Balbuni li nbniet fi żmien il-Granmastru Perellos u m’għandhiex titħallat ma’ Fort Bengħisa li naraw illum. Bejn Wied ix-Xoqqa, u Batterija Bengħisa kien hemm ukoll swar li nbena mill-Ordni fis-sena 1723 li baqa’ ma tlesthiex, tant li f’nota li kien hemm mehmuża ma’ mappa fil-Bibljoteka Nazzjonali (nru.197-B.1) kien hemm imniżżel biex dan jitkompla. Dan inqered minħabba l-iżvillup tal-Freeport. F’Kalafrana, eżattament fejn hemm il-Freeport illum, kien hemm Ridott Kalafrana (1715) li twaqqa` fuq ordni li l-Public Works tat lill-Awtoritajiet Militari Ingliżi fit-22 ta’ Frar 1897. Viċin Ridott Kalafrana kien hemm ukoll Batterija ta’ Mnieħ (1715) li kienet magħrufa wkoll bħala ta’ San Raimond. Tal-Kavallieri kellna wkoll ħajt fortifikat f’Wied Żnuber (1654) li m’għandux jitħallat ma’ dak li naraw illum li sar fi żmien l-Ingliżi. La semmejna Wied Żnuber irridu ngħidu wkoll li sas-sena 1934 kien għad hemm it-Torri ta’ Wied Żnuber li nbena fis-seklu 16 mill-Universita`. It-Torri u l-kappella ta’ Sant’Anġlu (1702), li kienu jinsabu fl-inħawi ta’ Ħal-Far ukoll sfaw meqruda meta fit-Tieni Gwerra Dinjija, bomba ta’ l-għadu laqtet l-istess bini. Il-gvern Ingliż, imbagħad ħa deċiżjoni li jkompli jwaqqa’ l-istess struttura biex ikun jista’ jkabbar l-ajrudrom ta’ Ħal-Far. F’nofs il-Bajja s-Sabiħa, eżattament fejn illum hemm ‘Villa Pisana’ jew aħjar ic-Cherries Bar, kien hemm Ridott Birżebbuġa (1715) li kien magħruf ukoll bl-isem ta’ Ridott Spinola. Fil-Qajjenza kien hemm ukoll xi forma ta’ trunċieri u swar, li x’aktarx inbnew ma’ l-istess swar li hemm f’Wied il-Buni fuq il-pjanta ta’ l-inġinier Bourlemaque. Dawn għebu għal kollox meta l-art fil-Qajjenza bdiet tiġi żvillupata f’bini. Dan kollu jurina kemm kien importanti għall-Kavallieri li jiddefendu dawn l-inħawi ta’ Birżebbuġa biex Malta tkun protetta minn kull ħbit ta’ l-għadu. Hija ħasra kbira li ħafna minn dawn il-fortifikazzjonijiet ġew meqruda.

Fl-1789 fi Franza faqqgħet ir-rivoluzzjoni kontra n-nobbli u l-monarkija. Dak iż-żmien Malta kienet għadha f’idejn il-Kavallieri, imma l-Ordni beda jmut u jiddgħajjef u mar-Rivoluzzjoni Franċiża, l-Ordni kompla jiftaqar. F’Mejju tal-1797 Napuljun ried jieħu lil Malta u fid-9 ta’ Ġunju 1798 deher fuq ix-xefaq ta’ Malta. Napuljun ordna biex dik il-lejla stess, parti mill-flotta tiżbarka x’imkien bejn il-Bajja ta’ San Tumas u Wied ix-Xoqqa (Wied-e-sciatt), Bengħisa. Filfatt riġiment ta’ 400 ruħ żbarka fl-inħawi ta’ Wied ix-Xoqqa ma’ l-ewwel raġġi ta’ l-għodwa ta’ l-10 ta’ Ġunju taħt il-kmand tal-Ġeneral Desaix bil-għajnuna ta’ xi tradituri li permezz ta’ lanterni wrewhom il-mogħdijiet li minnhom kellhom jgħaddu. Dawn mill-ewwel irħewlha biex jattakkaw it-Torri ta’ Bengħisa u t-trunċieri li baqgħu nofshom kompluti. Il-Franċiżi mbagħad bdew jattakkaw bosta fortizzi ta’ mal-kosta min-naħa ta’ wara. Dak il-ħin kienu qed iseħħu bosta invażjonijiet mill-Franċiżi madwar Malta kollha u mhux min-naħa ta’ Birżebbuġa biss, pero` jingħad li l-aktar fortizza li baqgħet tirreżisti lil Franċiżi kienet dik ta’ San Luċjan bejn Birżebbuġa u Marsaxlokk. Fl-aħħar mill-aħħar nafu li l-Granmastru Hompesch, li kien jaf sew f’liema stat ħażin kienet spiċċat is-saħħa ta’ l-Ordni, ċeda l-armi u ġie ordnat biex hu u l-bqija tal-Kavallieri jitilqu minn Malta. Fis-sentejn ta’ wara Malta kienet taħt il-gvern tal-qawwa Franċiża.

Wara sentejn inkwiet, il-Maltin bis-saħħa tal-qawwiet Ingliżi, il-Franċiżi tkeċċew minn Malta u pajjiżna wara ftit żmien ta’ disputa spiċċa taħt il-ħakma tal-kuruna Brittanika. Tul il-ħakma Ingliża, Birżebbuġa fjorixxiet u ma baqgħetx xtajta remota, imma saret lok ta’ residenza, għall-ewwel ta’ villeġjatura biss, imbagħad maż-żmien bħala residenza permanenti. Filfatt huwa f’dan il-perjodu li Birżebbuġa saret parroċċa (1913). Fuq dan se jkollna ċans nitkellmu f’sezzjoni separata. Il-ħakma Ingliża kellha influwenza kbira fuq ir-raħal tagħna ta’ Birżebbuġa. Xhieda ta’ dan huma l-għadd kbir ta’ strutturi fortifikati mferrxin ‘l hemm u ‘l hawn. Dan għaliex bħall-Kavallieri, l-Ingliżi wkoll indunaw li l-bajjiet ta’ Birżebbuġa setgħu kienu l-post ideali fejn l-għadu jkun jista’ jankra u jiżbarka l-armata tiegħu. Apparti dan kollu imma, Birżebbuġa ma kinitx destinata biss biex tkun ta’ ilqugħ għall-attakki minn fuq il-baħar biss. Hekk naraw li maż-żmien, l-Ingliżi bnew ajrudrom f’Ħal-Far. Pero’ biex nibdew l-istorja mill-bidu nett irridu ngħidu li matul is-seklu 19, l-Ingliżi injoraw kompletament iż-żona ta’ Birżebbuġa u kulma għamlu, irranġaw xi fortifikazzjonijiet tal-Kavallieri bħalma għamlu lill-Forti San Luċjan. Fil-bidu tas-seklu 20 l-affarijiet inbidlu u l-attenzjoni waqgħet fuq Birżebbuġa u l-madwar. Tant hu hekk li fis-sena 1900 tressqet l-ewwel talba biex tinxtara art u tibena fortizza f’Bengħisa. Madankollu wara diversi modifiki tal-pjanta, il-bini fuq din il-fortizza beda jsir fl-1910 u x’aktarx tlesta fl-1912. Din il-fortizza li kienet magħrufa wkoll bħala ‘Hassan Battery’, għad li llum tinsab fi stat li veru tagħmel għajb lill-poplu Malti kollu, għandha struttura arkitettonika unika. Filfatt Fort Bengħisa nbena meta l-Militar Ingliż kien qiegħed jagħmel xi modifiki fil-pjanti ta’ dawn it-tip ta’ Fortizzi. Jidher biċ-ċar li l-istruttura pentagonali li biha hija mibnija l-fortizza ta’ Bengħisa mhijiex daqshekk simili bħalma nsibu fil-fortizzi l-oħra bħal dik tar-Rinella u Delimara. Dan jirrifletti l-perjodu ta’ transizzjoni li minnha kienu għaddejin l-inġiniera Ingliżi li presumibilment riedu xi ftit jew wisq jabbandunaw id-disinn u l-istil pentagonali ta’ dawn it-tip ta’ fortizzi. Fort Bengħisa kien armat b’bosta kanuni. Skond dokumenti u mapep tal-qawwiet Taljani tat-Tieni Gwerra Dinjija jidher ċar li Fort Bengħisa kellu jkun fil-mira tat-Taljani u l-Ġermaniżi fl-Operazione C3, operazzjoni militari biex Malta tiġi invaduta u mirbuħa. Kien hemm ippjanat li Fort Bengħisa jiġi attakkat minn ‘gliders’ u wara jsir żbark f’żona bl-isem ‘Larnaca’, l-isem li bih it-Taljani riedu jirreferu għal Kalafrana. L-invażjoni fuq l-art kellha ssir mill-Battaglione San Marco: Regimento CC.NN. Madankollu din l-operazzjoni qatt ma seħħet. Barra Fort Bengħisa nsibu bosta aktar fortifikazzjonijiet Ingliżi, fosthom Stop-wall f’Wied Żnuber, kif ukoll l-ajrudrom ta’ Ħal-Far li l-Ingliżi bnew mat-tmien ta’ l-Ewwel Gwerra Dinjija, eżattament fis-16 ta’ Jannar 1923. Għalkemm dan kien l-ewwel ajruport fl-istorja ta’ pajjiżna, tajjeb iżda li ngħidu li fis-sena 1916 f’Kalafrana kienet diġa’ ġiet installata is-Seaplane-Base. Barra dan kollu, f’Survey Sheet mitbugħa fis-sena 1912 insibu mniżżel li f’Birżebbuġa diġa` kien hemm ukoll xi Gun-Placements, wieħed lejn l-inħawi ‘Ta’ Sansajna’ u ieħor qrib ‘Tal-Ġebel Road’ bin-numri 15 u 16 rispettivament. Imbagħad lejn is-sena 1938, hekk kif it-Tieni Gwerra Dinjija kienet imminenti, l-Ingliżi komplew isaħħu l-istrutturi militari tagħhom f’Birżebbuġa bil-bini ta’ għadd kbir ta’ ‘Pill-boxes’, ‘Depth-Posts’ u ‘Beach-Posts’. Dawn l-istrutturi għenu mhux ftit meta bejn l-1940 u l-1943, dawn l-inħawi kienu attakkati mill-ajru. Uħud minn dawn il-fortizzi żgħar għadek tarahom sal-lum, int u nieżel min-niżla ta’ Għar Dalam.

La semmejna l-Ingliżi u l-fortizzi tagħhom ma nistgħux inħallu barra it-Tieni Gwerra u l-ħerba li ħalliet fuq Birżebbuġa. Mussolini iddikkjara gwerra lill-Ingilterra nhar l-10 ta’ Ġunju 1940 u l-għada stess filgħodu kmieni, 11 ta’ Ġunju għaxar ajruplani Savoia Marchetti 79s qasmu Malta kollha biex jattakkaw l-ajrudrom ta’ Ħal-Far. Għaxar minuti wara, ħmistax oħra attakkaw is-Seaplane-Base ta’ Kalafrana. F’dan l-ewwel attakk ħalla ħajtu l-ewwel vittma tar-raħal tagħna, Anġlu Farrugia ta’ 21 sena minn Bengħisa. Matul is-sena 1940 saru bosta attakki mill-ajru fuq Ħal-Far u Kalafrana. Is-sena 1941 rat ħerba akbar fost it-toroq u l-bini ta’ Birżebbuġa. L-attakki fuq Malta ħraxu aktar. Biex jgħinu lit-Taljani, Il-Ġermaniżi bagħtu skwadra ajruplani tat-taqsima ta’ l-ajru bl-isem Fliegerskorps X fejn dawn installaw ruħhom fi Sqallija. Din il-mossa affetwat mhux ftit il-ħruxija ta’ l-attakki fuq Malta. Is-sena 1942 kienet l-agħar u l-eħrex sena, sena mmarkata b’ħafna mwiet kaġun l-attakki ta’ l-għadu. Kemm it-Taljani u l-Ġermaniżi indunaw li Malta kienet qiegħda tkun ta’ ħsara fl-iżviluppi tal-gwerra fil-kampanja ta’ l-Afrika ta’ fuq, fejn il-Ġermaniżi kienu mmexxija mill-famuż Ġeneral Rommel imlaqqam ‘il-volpi tad-deżert’. Il-qawwiet Taljani u Ġermaniżi ma setgħux jittolleraw aktar li Malta tagħmel bsaten fir-roti. Malta kienet qed tfixkel ir-rifornimenti bejn l-Italja u l-Afrika ta’ fuq. Għaldaqstant il-qawwiet Italo-Ġermaniżi ddeċidew li jibbumbardjaw kemm b’kellhom saħħa lil Malta. Tant hu hekk li matul is-sena 1942, diversi nies minn Birżebbuġa spiċċaw tilfu ħajjithom taħt il-frak ta’ shelters, kif ukoll kaġun splużjonijiet mill-qrib ta’ bombi. Anke x-xogħol fuq il-Knisja Parrokkjali l-ġdida kellu jieqaf u l-installazzjonijiet tad-ditta Shell soffrew xi ħruq ukoll. Matul din is-sena mietu John Callus (43 sena) li ntradam taħt shelter f’Ħal-Far; Manwela (8 snin), Carmel (4 snin), u Catherine (6 snin) aħwa Briffa li mietu f’razzett privat fl-inħawi tal-Ġurġier; Carmel Cutajar (31 sena) flimkien ma’ 5 oħra li mietu waqt attakk fuq Kalafrana; Veneranda Żammit (29 sena) li mietet meta ntlaqtet b’Shrapnel; Carmelo Pace (30 sena) li miet qrib il-Pumping Station f’Wied Dalam; Joseph Żammit, (77 sena) bidwi li miet taħt id-debris tar-razzett tiegħu meta dan intlaqat wara bumbardament; stakkament ta’ 7 suldati li jmutu hekk kif bomba tisplodi ħdejhom f’Wied il-Buni; u Carmela Ellul (30 sena) u Mary Farrugia (44 sena) li jmutu kaġun il-feriti kawżati minn Shrapnel. Mall-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija fil-15 t’Awissu 1942, l-affarijiet qalbu għall-aħjar. Din kienet disfatta kbira għat-Taljani u l-Ġermaniżi. Malta reġgħet ħadet il-ħajja u issa li setgħet tkompli bit-tfixkil tagħha, il-gwerra fl-Afrika ta’ Fuq dehret li se tkun ta’ falliment għat-Taljani u l-Ġermaniżi mingħajr il-proviżjonijiet neċċessarji. Fis-sena 1943, il-kundizzjonjiet mhux talli tjiebu imma talli din kellha tkun it-tmiem tal-gwerra f’Malta. Dan għaliex matul din is-sena il-Ġermaniżi u t-Taljani jitilfu l-gwerra fl-Afrika ta’ Fuq u l-Alleati jibdew l-Invażjoni ta’ l-Italja. Madankollu u bi sfortuna kbira, matul din is-sena kellna nirreġistraw il-ħsara kbira li ġarrbu l-Villa Rumana f’Ta’ Kaċċatura li ntlaqtet b’direct hit minn bomba ta’ l-għadu kif ukoll il-ħsara u d-demolizzjoni tal-kappella u t-torri ta’ Sant’Anġlu f’Ħal Far. Fuq nota aktar sabiħa, tajjeb li nsemmu wkoll li fl-20 ta’ Ġunju 1943 ir-Re Ġorġ VI niżel u għamel żjara lill-ajrudrom ta’ Ħal-Far u s-Seaplane Base ta’ Kalafrana f’Birżebbuġa.

Wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, waqt li l-Ewropa kienet qed tħabbat wiċċha mal-konsegwenzi tal-gwerra li kienet għadha kif għaddiet fosthom il-Gwerra Bierda, Malta ingħatat l-Indipendenza fil-21 ta’ Settembru 1964 u saret Repubblika fit-13 ta’ Diċembru 1974, filwaqt li fil-31 ta’ Marzu ta’ l-1979 it-truppi u l-armata Brittanika rtiraw darba għal dejjem minn pajjiżna. Is-sena 1989, tibqa’ mfakkra bħala sena speċjali għal Malta u aktar u aktar għall-Birżebbuġa. Dan għaliex lejn l-aħħar ta’ dik is-sena, iż-żewġ mexxejja tal-pajjiżi hekk imsejħa superpotenzi ta’ dak iż-żmien, George H.W. Bush ta’ l-Istati Uniti u Mickhail Gorbachev ta’ l-Unjoni Sovjetika, iltaqgħu f’Summit fil-Bajja ta’ Marsaxlokk f’Birżebbuġa bejn it-2 u t-3 ta’ Diċembru fuq il-Cruise-ship Sovjetika Maxim Gorky fost kundizzjonijiet klimatiċi mill-aktar ħżiena. Għalkemm f’dan is-Summit ma ġie iffirmat l-ebda patt xorta jibqa’ ta’ importanza storika mondjali. Dakinhar iż-żewġ mexxejja tkellmu dwar il-possibilta’ li jneħħu l-blokk li nħoloq bejn l-Ewropa Komunista tal-Lvant u dik Imperjalista-Kapitalista tal-Punent, blokk imsejjaħ ‘The iron curtain’. Monument ta’ dan is-Summit importanti, li baqa’ mfakkar minn bosta ġurnalisti bħala l-aktar wieħed importanti wara dak bejn Roosevelt, Churchill, u Stalin fl-1945, f’Yalta, jinsab f’Birżebbuġa eżattament quddiem l-installazzjoni u l-premises tad-ditta Shell. Dan is-Summit jibqa’ mfakkar bħala wieħed li ġab fi tmiemu l-Gwerra Bierda.

 

Birżebbuġa ssir Parroċċa

Qabel l-1913, Birżebbuġa kienet lokalita` magħrufa sewwa għall-villeġjatura, speċjalment fix-xhur sħan tas-sajf. Ħafna nies minn irħula qrib kienu jinżlu hawn u jistrieħu. Birżebbuġa dak iż-żmien kienet bħal ġenna ta’ l-art; b’widien sbieħ u fondi u bajjiet mill-iktar sbieħ, b’ilma ċar mimli ħut u frott tal-baħar. Kien bl-isforz li għamel Dun Spiridione Penza, qassis ħabrieki minn Bormla li bdew isiru l-ewwel movimenti biex f’din il-lokalita’ tinbena knisja żgħira u ssir parroċċa, ħolma li twettqet fid-9 ta’ Settembru 1913 meta l-Arċisqof Pietro Pace ħareġ digriet li bih għolla l-knisja tad-Duluri għal parroċċa, bid-drittijiet, bid-dmirijiet u bit-territorju tagħha, liema konfini kienu mħażża minn Antonio Emilio Calleja. Eżatt kif ħareġ id-digriet, l-Arċisqof Pace ħareġ ittra pastorali biex titqassam mal-parroċċi kollha Maltin ta’ dak iż-żmien biex fiha jinforma dwar it-twaqqif ta’ din il-parroċċa ġdida ta’ Birżebbuġa. Li Birżebbuġa titwaqqaf parroċċa ma kinitx daqshekk faċli u dan jixhdu n-numru ta’ talbiet li kienu saru xi snin qabel iżda li qatt ma ntlaqgħu. Mhux talli hekk imma konxji mill-problemi li setgħu jinbtu minn mument għall-ieħor, twaqqfu żewġ benefiċċji bħala għajnuna finanzjarja; wieħed bl-isem ‘Tal-Burix’ li kien jipproduċi s-somma ta’ £18-13s-8d fis-sena u ieħor ta’ 300 Lira Taljana, imposti mill-prebenda tad-dinjita` tal-Kantur tal-Katidral.

Imma ejjew nagħmlu pass lura fiż-żmien, u mmoru għal dak il-perjodu meta Dun Spir Penza kien qiegħed iħabrek biex Birżebbuġa ssir parroċċa. Dun Spir Penza kien irnexxielu jibni minn remissa tas-Sur Paolo Attard Montalto mill-Isla, knisja żgħira ddedikata lid-Duluri. Din infetħet fl-14 ta’ Awissu tal-1907. Il-Konvenju għal din ir-remissa sar fl-1 ta’ Ottubru 1907 min-nutar Francesco Camilleri, fejn Monsinjur Penza intrabat li jħallas £4-10s annuwi bħala kera. Billi ħdejn din ir-remissa kien hemm żewġ remissi oħra u l-popolazzjoni ta’ Birżebbuġa kienet dejjem tikber, sentejn wara fl-1 ta’ Settembru tal-1909, ġie deċiż li jinxtraw dawn ir-remissi, b’konvenju quddiem in-nutar Francesco Giorgio Schembri. Billi l-knisja kellha forma arkitettonika sempliċi ħafna, Dun Spir Penza għażel li jikkumissjona taħżiż ta’ pjanta ta’ faċċata ta’ knisja lill-Perit Salvatore Sacco minn Bormla. Ix-xogħol fuq din l-opra sabiħa li għadna narawha sal-lum beda fl-11 ta’ Ottubru 1909 u tlestiet f’Jannar tal-1910 minn żewġ bennejja Ħal-Luqin: Giuseppe Vassallo u Francesco Cassar. Għal din l-opra Dun Spir Penza kellu l-għajnuna finanzjarja tat-tabib Tommaso Demajo Pisani. Nafu wkoll li f’dan iż-żmien ġiet irregalata lill-knisja qanpiena miġbura mill-Imħallef Zaccaria Roncali. Fis-17 ta’ Awissu 1907 fuq għotja tal-Kanonku Achille Refalo, inġiebet ukoll il-vara tad-Duluri, l-istess vara sabiħa li għadna naraw illum u li ħafna nies jgħidu li hi xogħol l-iskultur famuż Karlu Dermanin. L-affarijiet ħadu xejra aktar serja meta b’kuntratt li sar fl-14 ta’ Ottubru 1912 it-tliet remissi li kien mogħtija b’ċens, issa nxtraw għall-prezz ta’ £332. Bla dubju ta’ xejn dan il-pass kien wieħed kruċjali biex sena wara l-Arċisqof Pace jipproklama lil din il-knisja bħala waħda parrokkjali, bl-ewwel kappillan tagħha il-Kanonku Bormliż Dun Karm Bugelli. Ta’ min jgħid li fis-sena 1910 diġa` nsibu lil Dun Karm Bugelli bħala ekonomu ta’ l-istess knisja tad-Duluri, għalhekk l-għażla ta’ Dun Bugelli bħala l-ewwel kappillan ma kinitx waħda azzardata u fortuwita. Bugelli ħa l-pussess ta’ din il-parroċċa fil-21 ta’ Settembru 1913. Dak iż-żmien il-festa tad-Duluri kienet tiġi ċċelebrata Ħadd fuq il-15 ta’ Settembru, li hija l-ġurnata li fiha tiġi ċċelebrata l-festa liturġika tad-Duluri.

Sadanittant il-popolazzjoni ta’ Birżebbuġa bdiet dejjem tikber u kibret b’ritmu aktar mgħaġġel meta fl-1914 faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinijia u l-militar Ingliż fetaħ Torpedo Depot f’Kalafrana. Fl-istess perjodu ta’ żmien kien qed jinbena l-ajrudrom ta’ Ħal-Far u l-kumpanija Shell kienet akkwistat biċċa art kbira mhux ħażin biex tkun tista’ taħżen iż-żjut tagħha. Dan il-progress beda jiġġenera bosta impjiegi u allura ħafna nies bdew jinżlu joqogħdu hawn b’mod permanenti. Imma, għalkemm il-popolazzjoni bdiet tiżdied, u l-knisja bdiet dejjem issir żgħira għall-kwantita` ta’ nies li kienu jattendu fiha, ġara li fl-1916 il-knisja waqgħet fi djun tant kbar li l-kappillan Bugelli talab lill-Kurja biex din tingħalaq u tingħata f’idejn il-kredituri. Minn dik it-talba ma nafux eżatt x’ġara, pero’ nafu fiċ-ċert li fl-10 ta’ Settembru 1917, il-kappillan Bugelli għamel rikors biex tinbena knisja ferm akbar u aktar arkitettonika. Ir-rikors ġie milqugħ tliet xhur wara fit-12 ta’ Diċembru 1917, mill-Isqof Dom Mauro Caruana. Il-kappillan ta bidu għall-ġbir sabiex tkun tista’ tinbena din il-knisja l-ġdida imma tant kemm dak iż-żmien kien hawn faqar u tant kemm il-popolazzjoni ta’ Birżebbuġa kienet għadha żgħira li l-ġbir kien ftit wisq tant li l-kappillan Dun Karm Bugelli kellu qalbu maqtugħha li xi darba dan il-proġett jirnexxi. Ġara li fit-18 ta’ Marzu tal-1921, il-kappillan Bugelli ressaq ir-riżenja tiegħu quddiem l-Isqof, sabiex ikun jista’ jidħol fix-xena politika ta’ dak iż-żmien. Filfatt insibu lil Dun Karm Bugelli jikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali mal-Partit ‘Unione Popolare Maltese’ tal-Monsinjur Panzavecchia. L-Isqof Dom Mauro Caruana kellu għalfejn iħabbel rasu bil-problema li kellu jsaqqaf wiċċu magħha. Peress li l-benefiċċju tal-knisja parrokkjali kien wieħed żgħir, l-ebda qassis u kappillan ma ried jidħol għat-tmexxija tal-parroċċa ta’ Birżebbuġa. Biex forsi xi qassis jitħajjar jieħu l-inkarigu ta’ kappillan intalab benefiċċju ieħor bl-isem ‘Tal-Ħanżira’, li kien jirrendi s-somma ta’ £26 fis-sena. Minkejja din iż-żieda, l-ebda qassis ma tħajjar jersaq għall-konkors ta’ kappillan ta’ Birżebbuġa. Għalhekk insibu li għal 3 snin sħaħ Birżebbuġa baqgħet mingħajr Kappillan sakemm fit-3 ta’ Frar 1924 ingħata l-mandat tat-tmexxija ċertu Dun Anġ Fenech minn Ħal-Lija. Ta’ min jgħid imma li matul dawn it-tliet snin mingħajr kappillan, Birżebbuġa ġiet fdata f’idejn Vigarju Kurat, li kien Dun Ġużepp Delia mis-Siġġiewi. Dun Anġ Fenech li laħaq bħala t-2 kappillan ta’ Birżebbuġa, kellu rieda u ħeġġa kbira biex tinbena l-knisja l-ġdida.

F’dan iż-żmien, l-Isqof Dom Mauro Caruana beda jinnota li f’Birżebbuġa kien qiegħed ikun hawn żvillup kbir. Għalhekk l-Isqof Caruana ried li din tkun knisja kbira. Il-kappillan Dun Anġ Fenech kien għamel ħafna tiftix fuq il-post fejn din il-knisja l-ġdida setgħet tinbena. Irriżulta li fin-naħat tal-Brolli kien hemm xi għelieqi mogħtija għall-bini u għalhekk din il-biċċa art intagħżlet bħala l-lok li fuqha kellha tinbena l-knisja l-ġdida. Tqabbad minnufih l-Inġinier Ċivili Godwin Herbert Galizia biex jistma biċċa art li kienet benefiċċju bl-isem ‘Sant Angelo di Ħal Far’ magħrufa bħala ‘Tad-Dukkiena’. Din l-art kienet tinsab eżattament wara fejn hemm il-Knisja Parrokkjali ‘llum u għalhekk fl-istess inħawi hemm triq bl-isem Triq Sant’ Anġlu. Ta’ min jgħid li din l-art kienet proprjeta` tal-knisja u kienet benefiċċju fejn il-qliegħ tagħha kien jagħmel tajjeb għall-kappella li kien hemm Ħal-Far iddedikata lil Sant’Anġlu Martri, li kienet tal-proprjetarju n-Nobbli Vincenzo Pace Testaferrata. Il-Perit Galizia għamel ukoll il-pjanta għall-istess knisja. Din għamilha fuq stil ‘Sikolu Normann’, stil li xi wħud isibuh ukoll bl-isem ‘Stil Romanesk’. Ta’ min jgħid li għal dak iż-żmien dan l-istil kien wieħed rari ħafna f’pajjiżna. Jingħad li meta l-Isqof Caruana kien ra l-pjanta tal-knisja l-ġdida, tant kemm għoġbitu li minn butu ta donazzjoni ta’ £30. Fl-14 ta’ Marzu tal-1926, xi nies akkumpanjati mill-kappillan Dun Anġ Fenech daħlu fl-għelieqi fejn kellha tinbena l-knisja u simbolikament poġġew salib fil-ħamrija biex juru lil kulħadd fejn kienet se tinbena l-knisja parrokkjali l-ġdida. Dakinhar ukoll, taħt is-superviżjoni tal-Perit Giuseppe Terreni beda t-tħaffir għall-pedamenti u b’hekk tista’ tgħid li ingħata bidu għall-ewwel fażi tal-kostruzzjoni tal-knisja.

L-akbar żvolta fl-istorja ta’ din il-parroċċa tagħna, ġrajja li ħafna jaħsbu li ġrat hawn isfel biss, kienet meta f’laqgħa ma’ l-isqof, il-kappillan sar jaf bix-xewqa tiegħu li din il-parroċċa tiġi ddedikata lil San Pietru Appostlu u mhux aktar lid-Duluri. L-Isqof Dom Mauro Caruana kien qal lill-kappillan Dun Anġ Fenech: “Kappillan, jien nixtieq li l-knisja l-ġdida tkun iddedikata lil San Pietru Appostlu, għax inħoss disunur għall-Gżira ta’ Pawlu li ma jkollhiex parroċċa ddedikata għal San Pietru li kien sieħbu l-Prinċep ta’ l-Appostli u l-Ewwel Kap viżibbli tal-Knisja.” Din il-bidla fit-titular kienet bħal sajjetta fil-bnazzi u kienet ta’ xokk kbir għal ħafna nies minn Birżebbuġa. B’dan it-titlu l-parroċċa tagħna kienet l-unika waħda ddedikata għal dan il-qaddis waħdu. Pero’ mhux kulħadd kien ta’ din il-fehma. Kien hemm bosta nies devoti tad-Duluri u ma setgħux jifhmu kif bidla bħal din setgħet isseħħ.

Iż-żmien għadda u tliet xhur wara li l-kappillan Fenech kien daħal f’dik l-għalqa biex ipoġġi s-salib, saret iċ-ċerimonja tat-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla tal-knisja. Filfatt insibu li fil-ġurnata tal-Ħadd 29 ta’ Awissu tal-1926, għall-ħabta tal-5:30pm ta’ filgħaxija, wasal f’Birżebbuġa l-Isqof Dom Mauro Caruana O.S.B akkumpanjat miċ-ċerimonier tiegħu Monsinjur Antonio Bonnici, Monsinjur Dekan Giuseppe De Piro u Monsinjur Ġann Battist Buhagiar. Dawn ġew milqugħa mill-kappillan Dun Anġ Fenech. Imma ħafna min-nies kienu għadhom maħsudin bid-deċiżjoni tal-bidla tat-titular għalhekk insibu li ħafna minnhom b’sinjal ta’ dispjaċir segwew kollox minn fuq għolja fil-bogħod fejn illum hemm il-kunvent tas-Sorijiet. Dakinhar l-Isqof libes il-paramenti Pontifikali u bierek il-pedamenti kollha tal-knisja. Sar talb skond ir-ritwal Ruman u tkantat il-Litanija tal-Qaddisin. Imbagħad, ftit qabel mal-Perit Terreni newwel lill-Isqof kazzola bit-tajn biex ikun jista’ jimmartella l-ġebla f’postha, tpoġġew pergamena bi skrizzjoni bil-Latin, medalji u xi flus fil-post fejn kella titqiegħed l-ewwel ġebla.

Fil-jiem ta’ wara ċ-ċerimonja bdiet minnufih l-operazzjoni tal-bini. L-ewwel kostruzzjoni kienet dik tal-kor, mhux daqshekk ‘il bogħod minn fejn tqiegħdet l-ewwel ġebla. Imbagħad għal xi żmien il-bennejja bdew jibnu l-ħitan kollha tad-dawra tal-knisja, li meta waslu bihom qisu sular u nofs għoli, waqfu u ħasbu li kien ikun aħjar jekk, minflok, ikomplu bil-bini tagħhom min-naħa ta’ wara tal-knisja għal quddiem tal-knisja lejn il-faċċata. Allura lestew id-dar parrokkjali li tinsab wara s-sagristija, tkompla l-bini tal-kor u ssaqfet l-arzella l-kbira u wara tkompla x-xogħol fuq il-kappelluni tal-ġnub.

Sakemm ix-xogħol kien għaddej, il-kappillan Dun Anġ Fenech kien ta’ kuljum jaħseb kif se jdabbar xi lira biex ikun jista’ jħallas lill-ħaddiema. Dun Anġ Fenech flimkien ma’ xi nies oħra li kienu jgħinuh kienu jagħmlu bosta ġabriet. Kien isir ġbir ta’ flus waqt il-quddies, speċjalment waqt quddies ta’ festi. Il-ġbir tas-sajf kien ikun aqwa minn dak ta’ matul ix-xitwa, għall-fatt ovvju li fis-sajf il-popolazzjoni kienet tikber minħabba l-villeġjanti, fenomenu li għadna narawh sal-ġurnata tal-lum f’raħalna. Kienu tpoġġew xi kaxxi f’xi ħwienet biex meta n-nies tmur tixtri tkun tista` tagħti dik ix-xi ħaġa żgħira lill-knisja. Tnejn minn dawn il-kaxxi kienu jinsabu: waħda fil-Lukanda ta’ Dowdall fil-Qajjenza u l-oħra fil-forn tal-ħobż fil-pjazzetta li hemm ftit ‘l isfel mill-knisja tad-Duluri, liema forn għadna naraw sal-lum. Dak iż-żmien il-forn kien tal-proprjeta` ta’ ċertu Carmelo Schembri. Kienu jingħataw ukoll donazzjonijiet minn bosta nies professjonisti li kienu jinżlu joqogħdu hawn għas-sajf. Il-kappillan kien jorganizza wkoll diversi lotteriji li kienu jsejħulhom ‘tas-sold xelin’. Ġieli l-kappillan Fenech kien itella’ xi fiera billi jissellef il-bitħa tal-familja Randon, l-istess bitħa li hemm fil-każin ta’ l-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen A.D. 1957. Biex jirringrazzja lil dawk il-benefatturi li kienu jagħtuh il-flus, il-kappillan kien iqaddes quddiesa għalihom darba f’xahar għall-bżonnijiet tagħhom.

F’din il-knisja ħadmu 4 periti differenti u 3 kuntratturi, filwaqt li nsibu bosta skulturi li bl-opri tagħhom komplew żejnu dan it-tempju. Bħala periti nsibu fuq quddiem nett l-Inġinier Ċivili Godwin Herbert Galizia li għamel il-pjanta tal-knisja u li għal dan ix-xogħol tħallas £30. Imbagħad il-kostruzzjoni tax-xogħol ġiet fdata f’idejn il-Perit Giuseppe Terreni li għax-xogħol tiegħu tħallas £100. Ix-xogħol tal-kolonni taż-Żonqor u l-arkati ġew mogħtija f’idejn il-Perit Ugo Mallia, xogħol li għalih tħallas is-somma ta’ £2-10s nhar il-5 ta’ Ottubru 1934. Il-ħidma fuq is-saqaf il-kbir tal-Kursija u x-xogħol tal-faċċata ġew fdati f’idejn il-Perit Profs. Giuseppe Colombo, li bħala ħlas ingħatatlu s-somma ta’ £60. Fejn jidħlu l-kuntratturi nafu li fil-bidu kien hemm 2 bennejja jaħdmu flimkien: Indri Vassallo minn Ħal-Luqa magħruf bħala ‘Taż-Żlejku’ u Ġużeppi Galea minn Bengħisa magħruf bil-laqam ‘Tas-Sanita`’. Ġara li maż-żmien dawn tlewmu mal-kappillan dwar l-istil tal-knisja u b’hekk iddeċidew li jieqfu mill-bini. Il-bqija tax-xogħol tkompla minn Karmenu Żerafa minn Birżebbuġa magħruf aħjar bħala ‘Ta’ Patalajtu’. Dan kompla tista’ tgħid il-knisja kollha minbarra l-parti ta’ fuq tal-kampnar li ġiet fdata f’idejn l-imgħallem Carmelo Sapiano. Interessanti wkoll il-lok mnejn ġiet maqtugħa l-ġebla għall-kostruzzjoni tal-knisja. Nafu li fil-bidu l-ġebla kienet tinqata’ minn maġenb il-knisja u mill-barrieri li hemm f’Birżebbuġa fl-inħawi ‘Tal-Papa’, iżda wara l-ġebel beda jinġieb mill-Imqabba minn barriera magħrufa bħala ‘Tad-Dawl’. F’knisja bħal din tagħna, li hija mibnija fuq stil fejn l-iskultura għandha post ċentrali, ninnutaw li għalkemm għad fadal ħafna x’isir, sal-ġurnata tal-lum ħadmu diversi skulturi fiha. L-iskultur Vincenzo Baldacchino kien ħadem fuq l-iskultura ta’ l-artal tar-Rużarju. Fuq l-artal tar-Rużarju u fuq dak tas-Salib ħadmu wkoll l-iskulturi Luigi Formosa u C.Curmi. L-iskultur Marco Montebello ħadem fuq ir-rużuni kollha tas-soqfa u fuq xi gwarniċuni. It-tliet kapitelli l-antiki, (li sa ftit snin ilu kienu l-uniċi kapitelli skulturati) ġew skulturati minn Giovanni Bonnici fis-sena 1935, għas-somma ta’ £16. Fis-snin 2000, fuq proġett li kien diġa` ħaseb dwaru l-kappillan Dun Ġużepp Maria Farrugia, saru l-iskulturi fuq il-kapitelli kollha tal-kolonni mill-imgħallem Tarcisio Montebello li jiġi t-tifel ta’ l-iskultur Marco Montebello. Skulturi oħra li ħadu sehem fid-dekorazzjoni tal-knisja kienu C. Cefai u A. Agius.

Sal-1937, kien hemm lest il-Kor, il-kappelluni, u l-presbiterju li hija dik il-parti bejn l-artal maġġur u l-arkata l-kbir tal-Kursija. Għalhekk intalab permess mill-Isqof, biex din il-ħnejja tingħalaq kollha bil-ġebel u bl-injam ħalli f’dik il-parti li kienet lesta tkun tista’ tiġi wżata għas-servizzi u ċerimonji reliġjużi. Minħabba f’hekk Mons. Emmanuele Galea bierek din l-ewwel biċċa tal-knisja nhar id-29 ta’ Mejju tal-1937. Huwa għamel dan billi dar dawra mal-knisja kemm ġewwa kif ukoll barra u berikha bil-ħaxixa ta’ l-isopo. Wara li sar it-tberik Monsinjur Galea flimkien maċ-ċerimonjier tiegħu Mons. Giuseppe Camilleri, qaddes l-ewwel quddiesa kantata fiha. Xahar wara t-tberik, nhar il-Ħamis 16 ta’ Ġunju 1937, fil-festa’ ta’ Corpus Domini, saret Translazzjoni bis-Sagrament Imqaddes mill-knisja Parrokkjali l-qadima tad-Duluri għall-knisja Parrokkjali l-ġdida ta’ San Pietru.

Sadanittant ix-xogħol baqa’ għaddej ġmielu. Hekk naraw li bejn l-1937 u l-1940 kien beda x-xogħol biex tissaqqaf il-korsija. B’din l-intenzjoni tlestew il-ħnejjiet tan-navi kollha, li llum narawhom iserħu fuq il-kolonni taż-żonqor, liema kolonni taż-żonqor inqatgħu minn xi barriera viċin il-Qala, Għawdex. Tlestew il-ħitan kollha tal-korsija u bdew jinħadmu wkoll it-travi għas-saqaf. Pero` nhar l-10 ta’ Ġunju 1940, Mussolini ddikjara gwerra kontra l-Alleati li l-Ingilterra kienet parti minnhom u la Malta kienet taħt il-kmand Brittaniku, aħna wkoll ġejna parti minndin it-taqbida. L-għada stess ta’ din l-aħbar tant kerha imma mistennija, ajruplani Taljani attakkaw bla ħniena postijiet strateġiċi fosthom Kalafrana u Ħal-Far f’Birżebbuġa.

It-Tieni Gwerra Dinjija kienet ta’ ħsara kbira għall-iżvilupp u l-kontinwazzjoni tal-bini ta’ din il-knisja. In-nies ta’ Birżebbuġa maħsuda u xxukkjati bl-attakk li ġarrbu kiesaħ u biered mir-Regia Aeronautica Taljana, kellhom jevakwaw malajr, ħaġa li fil-maġġor parti tan-nies għamlu minnufih. F’Birżebbuġa baqgħu joqogħdu biss ftit familji. Ix-xogħol bejn l-1941 u l-1944 kellu jieqaf kompletament u l-knisja tħalliet kif kienet. Matul il-bumbardamenti ħafna kienu d-djar li waqgħu imma l-knisja ma ntmessitx.

Mat-tmiem tal-gwerra, reġa’ beda x-xogħol. Il-ħnejja li darba kienet magħluqa bil-ġebel u l-injam, ġiet sbarazzata u miftuħa. Pero’ s-saqaf il-kbir kien għadu mhux lest u allura n-nies kienet tintasab bilqiegħda fuq it-travi li kien għad hemm ma’ l-art fil-korsija. It-travi ttellgħu f’Diċembru tas-sena 1945 u bdew il-preparativi biex jiġi msaqqaf is-saqaf il-kbir tal-Kursija. Il-perit inkarigat mis-saqaf kien il-Profs. Giuseppe Colombo, filwaqt li l-imgħallem kien Salvatore Falzon. Malli tlesta s-saqaf tal-korsija, tkompla x-xogħol fuq il-faċċata, l-aktar il-frontispizju u ż-żewġ torrijiet. Dan ix-xogħol tlesta fil-1948. Issa li tlestiet kważi l-knisja kollha kien għad fadal biss il-kampnar, li kienet meqjusa bħala biċċa xogħol ftit kbira minħabba l-għoli tiegħu. It-tlestija tal-kampnar fis-sena 1951 ġabet fi tmiemha l-kostruzzjoni tal-knisja, operazzjoni li ħadet 25 sena sħaħ.

F’din l-avventura, jekk wieħed jista’ jsejħilha hekk rat protagonista, fost il-ħafna ħaddiema u benefatturi, il-Kappillan Dun Anġ Fenech. Min jaf x’ħass dan il-qassis meta ra li l-proġett li tant ħadem għalih kien komplut u wieqaf quddiemu? Il-kappillan Dun Anġ Fenech, imdaħħal sew fiż-żmien, temm il-parrokat tiegħu sena wara li tlestiet il-knisja, nhar is-7 t’April 1952, parrokat li dam 28 sena. Kif spiċċa minn kappillan ta’ Birżebbuġa huwa nħatar Monsinjur tal-Katidral ta’ l-Imdina. Hemmhekk ukoll jinsabu midfuna l-fdalijiet tiegħu meta ħalla din id-dinja nhar it-13 ta’ Jannar 1964 fl-eta` ta’ 82 sena.

Ġrajja importanti li seħħet matul it-tmexxija tal-kappillan Fenech u meta x-xogħol fuq il-knisja kien għadu għaddej hija dik meta saret l-ewwel statwa titulari ta’ San Pietru. It-tibdila fit-titular seħħet b’mod uffiċjali fis-sena 1937 u l-festa kellha tiġi ċċelebrata fl-ewwel Ħadd t’Awissu. Dak iż-żmien l-unika parti mill-knisja li kienet tintuża kienet dik tal-presbiterju u tal-Kappelluni billi kif għidna qabel, il-korsija kienet imbarrata. L-ewwel festi ta’ San Pietru kienu ferm differenti milli naraw illum. Billi statwa ma kienx hemm, kien jintuża kwadru bix-xbieha ta’ San Pietru. In-nies minkejja li kienet konxja li l-bini tal-knisja kien priorita` xorta xtaqet li bħalma qabel kellhom l-istatwa tad-Duluri bħala titular, issa jkollhom statwa ta’ l-Appostlu San Pietru. Mela dak iż-żmien fil-parroċċa tagħna kien jiġi ta’ sikwit iżur lil ħutu, ċertu Karmenu Axiaq magħruf bħala ‘Ta’ Seqra’. Dan Karmenu kien tat-tajjeb. Kellu xi lukandi San Pawl il-Baħar u lukanda l-Qajjenza magħrufa bħala ‘Ta’ Dawdal’, iva f’dik l-istess lukanda fejn Dun Anġ Fenech, flimkien mal-forn tal-ħobż li hemm ftit ‘l isfel mill-Knisja tad-Duluri, kien poġġa xi kaxxi biex in-nies titfa d-donazzjonijiet tagħha. Dan kien ta’ spiss jisma’ bix-xewqa tal-Birżebbuġin li jkollhom statwa u dan Karmenu qatagħha li jagħmilhielhom. Mar jgħarraf lill-kappillan Dun Anġ Fenech u meta dan sar jaf ix-xewqa tiegħu ħajjru biex il-flus minflok imorru għat-tkomplija tal-knisja, iżda la x-xewqa kienet dik li ssir l-istatwa, sar il-ftehim mal-knisja u l-knisja mill-ewwel aċċettat. Sar l-abbozz u tpoġġha fuq mejda f’nofs il-knisja biex in-nies tkun tista’ tarah u tagħti l-opinjoni tagħha. L-istatwa ġiet ikkummissjonata lil ditta Taljana minn Ruma. Il-ġurnata tant mistennija kienet dik tad-29 ta’ Diċembru 1947. Dakinhar folla kbira laqgħet l-istatwa ta’ San Pietru, fil-Bajja ta’ San Ġorġ fejn inġarret proċessjonalment sal-knisja akkumpanjata mill-Banda Santa Katerina taż-Żurrieq. Jistennewha fejn il-Knisja kien hemm il-kappillan Dun Anġ Fenech u l-Isqof Emmanuel Galea, sabiex dan ta’ l-aħħar imbagħad iberikha.

Nagħtu issa ħarsa lejn l-iżvilupp tal-parroċċa fis-snin ta’ wara li tlestiet mill-bini l-knisja parrokkjali l-ġdida. Il-festa f’ġieħ San Pietru bdiet tieħu r-ruħ u mis-sena 1950 ‘l quddiem bdew jinġiebu b’mod regolari għall-festa bosta baned, ħafna minnhom mill-irħula qrib Birżebbuġa. Minkejja l-faqar u l-ftit flus fl-idejn, anke l-festi ta’ ġewwa bdew isiru kif jixirqu speċjalment taħt it-tmexxija tal-Kappillan Spiteri u l-Kappillan Ġużeppi Minuti. Dawn it-tnejn ta’ nies serji kif kienu magħrufa man-nies kienu jieħdu l-affarijiet liturġiċi kollha u ċ-ċerimonji tal-festa bl-ikbar serjeta` u kienu jaraw li l-affarijiet isiru kif suppost. F’dan iż-żmien beda jinġieb ukoll is-surmast Żejtuni Frankie Diacono biex iħabbat il-mużika sabiħa li ħallielna missieru Mro. Carlo Diacono. Għalkemm il-parrokat ta’ Dun Mikiel Spiteri kien qasir wisq (sentejn biss 1952-1954), dan irnexxielu jaħdem għal artal ġdid u rranġa u sebbaħ iz-zuntier tal-knisja.

Wara Dun Mikiel Spiteri laħaq kappillan, Dun Ġużepp Minuti. Dan ħadem kemm felaħ biex jirranġa l-knisja minn ġewwa u jgħammarha bl-isbaħ ornamenti, ornamenti li wara kollox tista’ tgħid kienu neċċessarji għal qadi ta’ dmirijietu. Fi żmien il-parrokat ta’ Dun Ġużepp Minuti , li dam 24 sena sħaħ (1954-1978) naraw li saru bosta proġetti. Wara ħafna snin ta’ tħabrik, , fis-sena 1955 ġie inawgurat l-artal il-ġdid u mill-isbaħ maħdum mid-ditta Taljana Armando Battelli fuq disinn tal-Kavallier Vincenzo Bonello. Dan l-artal il-ġdid ħa post dak qadim li kien tal-knisja l-antika tad-Duluri. Wara xi żmien, f’dan l-artal twaħħal tabernaklu ġdid u fin ħafna maħdum mid-ditta F.Cassar & Sons ta’ Bormla. Bla ftaħiri ta’ xejn Birżebbuġa tista’ tgħid li tipposjedi wieħed mill-isbaħ artali ġo pajjiżna. Fl-1957 il-kappillan Minuti ordna Via Sagra skolpita fl-injam mingħand id-ditta Taljana Ferdinand Stuflesser ta’ Bolzano. Mingħand l-istess ditta ġiet ordnata wkoll l-istatwa titulari l-ġdida ta’ San Pietru li waslet f’Birżebbuġa fl-1959. Ġew ordnati wkoll l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju (1960) u dik artistika ta’ San Ġużepp (1961). Fis-sena 1963 sar il-paviment, xogħol mill-isbaħ mid-ditta Sare`. Bejn is-snin 1960 u 1964 inxtara xi apparat mill-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ, tal-Victoria Għawdex meta din saret Bażilika, fosthom it-tużell li jintrama fil-festa. Fis-sena 1964 inxtraw il-gandlieri ta’ l-artal maġġur xogħol fil-bronż arġentat maħdumin għand id-ditta Naplitana Felli. Għand l-istess ditta kien inħadem ukoll, il-lampier tal-festa li nġieb f’Birżebbuġa fis-sena 1959 mogħti b’rigal mingħand Anthony Demajo Pisani. Fuq disinn ta’ Emilio Giusti, kienet saret ukoll it-terħa rrakmata ta’ l-artal maġġur. Fl-1964 ġie rregalat fonti tal-magħmudija mingħand id-ditta Shell. Imbagħad fl-1969, inġiebu f’Birżebbuġa sett qniepen il-ġmiel tagħhom minn ditta Olandiża bl-isem Petit & Fritzen.

Qabel ngħaddu għall-ħidma li għamlu l-kappillani ta’ wara, tajjeb li nagħtu ħarsa lejn il-vara titulari li nġiebet proprju fi żmien il-kappillan Minuti. Fis-sena 1958 bdiet tinħass il-ħtieġa li ssir vara titulari ġdida peress li dik li nġiebet fl-1947 kienet żgħira wisq. Għalhekk bil-kunsens u l-barka tal-kappillan Minuti, fis-sena 1958 Chev. Vincenzo Bonello permezz tad-ditta Pio Anastasi & Co, ordna statwa ta’ l-injam ta’ San Pietru għand l-iskultur Ferdinanad Stuflesser ta’ Bolzano. Wara ħafna taħbit, anke strajks, din l-istatwa waslet Malta fit-28 ta’ Lulju 1959 fuq il-vapur S.S. Lido u l-għada 29 ta’ Lulju 1959, ġiet trasportata lejn Birżebbuġa fejn tpoġġiet fil-kappella tas-Sagra Familja. Hija għamlet l-ewwel dħul tagħha fil-knisja parrokkjali nhar it-30 ta’ Lulju 1959 fejn tbierket mill-kappillan. L-ewwel purċissjoni b’din l-istatwa saret proprju jumejn wara, jiġifieri nhar il-Ħadd 2 ta’ Awissu 1959. Il-vara ġiet irranġata u ndurata fis-sena 1974. Il-Kavallier Ċensu Apap skolpixxa f’aktar dettal il-mantar filwaqt li l-induratura saret mid-ditta Pawlu Xuereb tal-Belt Valletta. Din l-istatwa barra li hija artistika hija wkoll devota. Dan narawh mill-għadd ta’ donazzjonjiet li ngħataw lil din l-istatwa. Carmelo Polidano irregala sandli tal-fidda fis-sena 1979 biex jitlibbes mas-sieq ta’ San Pietru. Ir-reffiegħa rregalaw par ċwievet tal-fidda, filwaqt li d-ditta ‘Shell’ irregalat katina bil-manetti magħmula mill-fidda biex jitlibbsu mas-sieq ta’ San Pietru. Il-gastri flimkien mal-fjuretti ta’ riġlejn l-istatwa ġew irregalati mill-Fratellanza tas-Sagrament. Fl-1984, fi żmien il-kappillan Dun Pawl Buttiġieġ, fuq disinn ta’ Frans Treeby iżżanżnet il-bradella flimkien mal-bankun tagħha, xogħol il-mastru Ġużeppi Galea minn Ħal-Luqa. L-iskultura ta’ dawn it-tnejn saret minn John Suda. Fis-sena 1987 fuq disinn u xogħol ta’ Mastru Ġużeppi Galea ta’ Ħal-Luqa, saret ukoll in-niċċa l-ġdida biex fiha titpoġġa l-vara ta’ San Pietru.

Qabel ma qbiżna nitkellmu fuq il-vara titulari l-ġdida konna qed nitkellmu fuq l-opri li żżanżnu matul il-parrokat ta’ Ġużeppi Minuti, parrokat li dam 24 sena u ġie fi tmiemu f’Awissu tal-1978. Wara Minuti, laħaq kappillan Dun Karm Frendo imwieled Ħal-Qormi. Dan il-kappillan kien maħbub ħafna u l-mewta tiegħu ħabta u sabta fl-eta` ta’ 38 sena, ħasdet lil kulħadd. Dan il-kappillan li dam biss sentejn (1978-1980) ta spinta kbira lill-festi esterni billi introduċa l-marċ ta’ filgħodu fis-sena 1979 u ħajjar lin-nies biex jibdew jarmaw aktar it-toroq tagħhom permezz ta’ pavaljuni. Kienet rieda tiegħu wkoll li fil-Marċ ta’ l-Aħħar Tridu, tiżżanżan statwa ta’ San Pietru fil-kartapesta u tinġieb minn fuq il-baħar, tradizzjoni unika u sinonima biss mal-festa tagħna ta’ Birżebbuġa.

Wara l-mewt ta’ Dun Frendo, intagħżel bħala suċċessur tiegħu, Dun Pawl Buttiġieġ, li fi żmien Dun Frendo kien diġa` qed iservi fil-kariga ta’ viċi-parroku. Dun Pawl Buttiġieġ qatta’ għaxar snin (1980-1990) li matulu sar ħafna xogħol importanti fosthom il-bini ta’ Ċentru Parrokkjali ġdid wara l-knisja; estensjoni tas-sagristija; sistema ġdida ta’ dawl fil-knisja u fi żmienu ġie inawgurat iċ-Ċentru ‘Ragħaj it-Tajjeb’ quddiem il-Housing Estate tal-Gvern. Fejn tidħol il-festa Titulari, taħt dan il-kappillan komplew jiżdiedu l-pavaljuni u l-bandalori fit-toroq, filwaqt li fil-knisja bil-ħeġġa u bil-ħidma kbira ta’ Francesco Schembri u Michael Schembri, iżżanżnu żewġt itrieħi tal-bellus aħmar għall-artali taż-żewġ fratellanzi: dik tas-sagrament li twaqqfet fis-sena 1913 u dik tar-Rużarju li twaqqfet sena wara, jiġifieri fl-1914. Dawn it-trieħi li ġew iddisinjati minn Dun Ġużepp Portelli, tħietu minn Freddie Roberts u r-rakkmu fuqhom sar minn Lucy Portelli. Imbagħad fis-sena 1989, l-ex-kappillan Dun Ġużepp Minuti rregala minn butu Ostensorju tal-fidda maħdum mid-ditta Tarcisio Caruana taż-Żejtun. Kif għidna aktar qabel, kien fiż-żmien dan il-kappillan Dun Pawl Buttiġieġ li saru l-bankun u n-niċċa għall-vara titulari u kien fi żmienu meta l-parroċċa ċċelebrat il-75 anniversarju tagħha.

Is-seba’ kappillan ta’ Birżebbuġa, Dun Ġużepp Maria Farrugia, ħa l-pussess tal-parroċċa fl-24 ta’ Ġunju 1990. Dan ukoll dam jokkupa l-kariga ta’ kappillan għal għaxar snin sħaħ (1990-2000) u taħt il-parrokat tiegħu nxtrat biċċa art fi Triq Santa Rita fejn imbagħad inbena maħżen u Ċentru Pastorali ġdid; sar l-armarju l-ġdid tas-sagristija; ġie restawrat is-saqaf tal-korsija; ġie varat il-proġett tal-kapitelli u sar id-damask.

Referenzi:

Balzia, M. (1993). Birżebbuġa – San Pietru. In M. J. Schiavone (ed.), Il-Knejjes Parrokkjali ta’ Malta u l-Festi Tagħhom Vol.1. Malta: PIN Productions.

D’Amato, C. (2001, Awissu). Bini tal-Knisja Parrokkjali l-Ġdida (1926-1951). Birżebbuġa, Leħen il-Parroċċa San Pietru Fil-Ktajjen. Festa ta’ San Pietru Appostlu, Programm 1997, Ħarġa Speċjali tal-Festa, 154, 17-18.

D’Amato, C. (2003, Awissu). Il-Kavallier Ċensu Apap u l-Vara Titulari ta’ San Pietru. Minn Qalb l-Iljuni, 14, 83-85.

Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa. (1997, Awissu). L-Ewwel Vara ta’ San Pietru Tagħlaq 50 sena. Birżebbuġa, Leħen il-Parroċċa San Pietru Fil-Ktajjen. Festa ta’ San Pietru Appostlu, Programm 1997, Ħarġa Speċjali, 17-18.

 

Personaġġi b’rabta ma’ Birżebbuġa

Ma’ Birżebbuġa nsibu bosta nies importanti. Uħud minnhom għenu biex il-parroċċa tagħna timxi ‘l quddiem u tistgħana. Insibu wkoll oħrajn ta’ prominenza nazzjonali. Għalkemm dawn mhumiex proprja mwelldin Birżebbuġa, dawn taw kontribut kbir lill-kommunita` ta’ Birżebbuġa. Fil-ġurnata tal-lum f’Birżebbuġa qed insibu bosta professjonisti u nies li qed ikompli jistudjaw fil-qasam tagħhom. Min jaf? Forsi għadha pitgħadha anke Birżebbuġa tkun tista’ tgħid li tat id-dawl lil xi persuna prominenti f’xi qasam partikolari!

Pietru Pawl Saydon twieled iż-Żurrieq nhar l-24 ta’ Lulju 1895 u miet fit-22 ta’ Marzu tal-1971 fid-dar tiegħu fiż-Żurrieq. Il-konnessjoni tiegħu ma’ Birżebbuġa tinsab fil-fatt li hu kien iqatta’ s-sitt xhur ta’ bejn Ġunju u Diċembru f’Bengħisa. Hemmhekk hu kien jaqdi l-bżonnijiet spiritwali tan-nies tal-lokal: kien iqarben, iqarar u jqaddes il-quddiesa ta’ l-4:30am fil-kappella ċkejkna tal-Kunċizzjoni ta’ Bengħisa. Saydon kellu mħabba kbira lejn Bengħisa, u Birżebbuġa u n-nies ta’ dawn l-inħawi. Kien jgħin u jaħdem ħafna mal-bdiewa. Meta kien ikun Bengħisa, kien joqgħod f’dar għall-kwiet f’triq li minn Kalafrana tagħti għall-Bengħisa u minn Bengħisa għaż-Żurrieq. F’din id-dar fil-qalba ta’ Bengħisa, bl-isem ‘Dar is-Sliem’, u li wieħed għadu jista’ jaraha sal-lum, Saydon għamel ħafna mit-traduzzjoni tal-Bibbja mil-lingwa oriġinali għal dik Maltija. Dan il-proġett li ħadlu madwar 30 sena jitqies bħala kapolavur u ta’ sinjifikat letterarju bla qies. Huwa impossibli li nsemmu l-opri kollha li Saydon irnexxielu jagħmel f’ħajtu, pero` barra t-traduzzjoni tal-Bibbja, Saydon tista’ tgħid li kien ukoll studjuż kbir tal-lingwa Maltija. Tant hu hekk li hu kien membru attiv u importanti fl-Akkademja tal-Malti. F’Bengħisa Saydon kienu jistieden għandu bosta seminaristi, żgħażagħ u ħbiebu kittieba Maltin. F’Bengħisa, Saydon kien iħossu ispirat mill-ambjent sabiħ ta’ din il-lokalita’ u filwaqt li kien jistqarr li din kienet tagħtih is-saħħa, f’Settembru tal-1934 lesta ktieb bit-titlu “L-aħħar jiem tas-sajf f’Bingħisa”. Il-Misraħ li jinsab quddiem il-kappella sabiħa tal-Kunċizzjoni f’Bengħisa ġie msemmi proprju għalih b’rikonoxximent tal-ħidma tiegħu f’dan il-lokal.

Il-Professur Anton Tabone, bħal Saydon kien ukoll reliġjuż, għaref u membru fl-Akkademja tal-Malti. Fl-opinjoni tiegħi, il-Kan. Profs. Anton Tabone għadu l-aktar persuna popolari qalb in-nies ta’ Birżebbuġa, persuna li għamlitilhom ġieħ. Il-Professur Anton Tabone twieled in-Nadur Għawdex nhar it-13 ta’ Settembru 1896. Meta kien għadu tifel daħal jistudja r-Rabat Għawdex u daħal novizz mal-patrjiet ta’ Ġieżu. Ġie ordnat saċerdot fl-1922 fil-Bażilika tal-Lateran ta’ Ruma u ħa l-isem ta’ Patri Pawl, l-isem li bih in-nies baqgħet tiftakru anke sa wara mewtu. Il-potenzjal tal-Kanonku Professur Anton Tabone, wieħed jista’ jarah fil-ħidma li għamel bejn l-1925 u l-1955. Fl-1925 ħa l-lawrja tad-dritt Kanoniku u t-Teoloġija Morali fl-Universita` Antoniana ta’ Ruma. Fl-1926 mar jgħallem f’Ġerusalemm u wara f’post viċin Firenze, fl-Italja. Meta ġie lura Malta għallem għal aktar minn 20 sena mal-Patrjiet Minuri. Bejn l-1943 u l-1949 kien eżaminatur tal-Kleru. Kien ukoll ċensur Teologu u eżaminatur prosinodali. Għal xi żmien huwa kien ukoll Kummissarju tat-Terra Santa. Ma ninsewx li l-qabar ta’ Kristu huwa fdat f’idejn l-Ordni li l-Professur Tabone kien jagħmel parti minnu. Okkażjoni importanti għal Patri Tabone kienet meta fl-1944 ġie maħtur bħala Professur tad-dritt Kanoniku fl-Universita` Rjali ta’ Malta. Il-Professur Anton Tabone ġie joqgħod f’Birżebbuġa lejn l-aħħar tas-snin erbgħin tas-seklu għoxrin (late 1940s), fuq rakkomandazzjoni ta’ xi tobba minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Fl-1952, Patri Tabone iddeċieda li jinża mil-libsa ta’ Patri Franġiskan u jsir qassis djoċesan. Id-Djoċesi ta’ Malta, imnebbħa mill-intelliġenza kbira ta’ dan il-bniedem, mill-ewwel sabitlu post ta’ responsabbilta` fi ħdan l-operat tagħha. Hekk naraw li l-Profs. Tabone inħatar difensur tar-rabta taż-żwieġ fil-Qorti ta’ l-Arċisqof għal disa’ snin sħaħ u fl-1955 inħatar Imħallef ta’ l-istess Qorti. Meta l-Professur Anton Tabone ġie joqgħod f’Birżebbuġa, saħħtu reġgħet bdiet ġejja għall-aħjar. Għalhekk iddeċieda li jerġa’ jibda jaqdi dmirijietu ta’ qassis fil-parroċċa tagħna. Huwa kien iqarar, iqaddes għat-tfal, u jqarben lill-morda. Ta’ ħabib kbir, il-Profs. Anton Tabone kien iqaddes f’Bengħisa meta minħabba raġunijiet ta’ saħħa Mons. Pietru Pawl Saydon ħalla l-inkarigu ta’ rettur tal-kappella tal-Kunċizzjoni. Il-Professur Tabone kien ukoll kittieb mill-aqwa u kien membru fl-Akkademja tal-Malti. Barra li kiteb bosta artikli f’rivisti u ġurnali, ippubblika bosta kotba, li fosthom insibu ‘Il-Liġi tas-Sawm u ta’ l-Astinenza’ (1930); ‘Ward u Xewk’ (1936), ‘Il-Via Sagra’ (1937), ‘Tberik fid-Djar fi Żmien l-Għid’ (1937), ‘L-Art Imqaddsa’ (1949) u ‘The Fundamental Rights of the Human Person’ (1952). Ħafna mill-manuskritti ta’ dawn il-kotba huma konservati b’għożża kbira fl-arkivji tal-Librerija ta’ l-Universita` ta’ Malta. Il-Professur Anton Tabone, miet fl-24 ta’ Ottubru ta’ l-1971, id-data li hemm miktuba fil-lapida mal-faċċata tad-dar fejn kien joqgħod il-Professur Tabone. Fl-1996, l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa waħlet girlanda tar-rand ma’ l-istess lapida biex tfakkar il-mitt sena mit-twelid ta’ din il-persuna li kienet u għadha maħbuba min-nies ta’ Birżebbuġa. Barra minn hekk issemmew għalih il-ġnien li hemm f’San Ġorġ; triq li qabel kien jisimha New Street u aktar riċentament (2002) l-Iskola Primarja ta’ Birżebbuġa.

Personaġġ ieħor b’rabta ma’ Birżebbuġa huwa l-filantropu u kittieb Alfons Maria Galea. Alfons Maria Galea twieled fit-23 ta’ April 1861 fil-Belt Valletta. Ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu fid-dar tal-ġenituri mingħand il-kittieb Malti magħruf Annibale Preca. Hu u ħuh għamlu xi żmien jistudjaw Għawdex, biex imbagħad marru jistudjaw fil-kulleġġ tal-Freres f’Marseilles. Ta’ dsatax-il sena ħa f’idejh in-negozju li kellu missieru. Iltaqa’ ma’ martu, Elizabeth Asphar waqt attivita` ta’ karita` max-xjuħ fl-Istitut ta’ Fra Diegu. Iżżewweġ fl-1893 u marru joqogħdu tas-Sliema. Jekk hu min-naħa tiegħu kien ġej minn familja sinjura, il-familja ta’ martu ma kienet xejn inqas. Is-Sur Alfons, iżda baqa’ mingħajr ulied u allura beda jqassam ħafna minn ġidu għall-karita`. Fi żmien qasir daħal b’ruħu u b’ġismu għal kontribuzjonijiet favur il-missjoni. Tant hu hekk li fl-1896 inħatar bħala Teżorier fil-Kumitat tal-missjoni. Iddeċieda li biex in-nies tinduna bil-faqar li jeżisti, jippubblika l-Annali tal-Propagazzjoni tal-Fidi, pubblikazzjoni li kienet toħroġ darba fix-xahar. Ta art minn tiegħu biex jiġi mwaqqaf l-Istitut tas-Sależjani ta’ Don Bosco f’tas-Sliema, liema istitut ġie inawgurat fl-1904. Fl-1908 fetaħ il-Juventutis Domus u l-Oratorju tas-subien għat-tagħlim tad-duttrina. Fis-sena 1915 kien laħaq ukoll Teżorier tal-Kurja ta’ l-Isqof. Qabel dan l-inkarigu fil-mensa ta’ l-Isqof, hu kien ukoll President ta’ l-Anglo-Maltese Bank. Dejjem bil-ħsieb li jeqred il-faqar, huwa kien issuġġerixxa lill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi biex jgħinu lill-bdiewa billi jagħtuhom l-art li huma jaħdmu u b’hekk ma jkunx hemm biża’ li huma jitilfuha. Insibu li fis-sena 1913 is-Sur Fons kien kiteb xi artiklu fil-ġurnal tal-politiku Manwel Dimech ‘Il-Bandiera tal-Maltin’, fejn eżalta lill-qarrejja biex jingħaqdu fix-Xirka ta’ l-Imdawwlin, liema xirka kienet immexxija mill-istess Dimech bl-intenzjoni li Malta tintrefa mill-ġuħ u l-faqar li kienet waqgħet fih. Interventi minn dan it-tip kienu l-ewwel sinjali ta’ bniedem li akkost li jeqred il-faqar, ried jaħdem anke fil-qasam politiku. Is-Sur Alfons seta’ ma daħalx fil-politika, imma ta’ bniedem kapaċi u intelliġenti ma riedx li jraqqa’ s-sitwazzjoni imma jipprova jbiddilha mill-għeruq. Għalhekk ingħaqad mal-Partit Laburista fejn bejn l-1921 u l-1927 żamm post ta’ Senatur. Fl-1939 fetaħ l-Istitut ta’ Santa Eliżabetta tas-Sorijiet Franġiskani f’tas-Sliema. Kien ta’ benefattur għall-isptar tal-Blue Sisters u għall-Kunvent tal-Bon Pastur f’Ħal Balzan. Bla dubju ta’ xejn imma lis-Sur Alfons Maria Galea nibqgħu niftakruh l-aħjar bħala kittieb. Filfatt l-akbar ħolma ta’ Alfons Maria Galea kienet li jirtira min-negozju tiegħu biex jiddedika ħinu għall-kitba li tkun tista’ tinftiehem anke min-nies ta’ bi ftit skola. Għalhekk medd għonqu għal opra letterarja li għadna nisimgħu biha sal-lum, bl-isem ‘Kotba tal-Mogħdija taż-Żmien’, sensiela ta’ ħarġiet li dam jippubblikahom sas-sena 1915, b’150 edizzjoni. Bejn l-1926 u l-1932 kien kiteb biografiji dwar nies qaddisa u flimkien ma’ Dun P.P. Magri u Mons. Pietru Pawl Saydon għamel xi traduzzjonijiet tal-Bibbja mil-Latin għall-Malti. Il-konnessjoni ta’ Alfons Maria Galea ma’ Birżebbuġa mhijiex xi waħda kbira pero’ xorta sinjifikattiva. Filfatt Alfons Maria Galea kien iġib ħafna mit-tfal orfni d-dar tiegħu fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa biex iqattgħu ħinhom jgħumu u jieħdu pjaċir fir-residenza li kellu fejn il-kappella ta’ San Ġorġ, residenza li għadek taraha sal-lum. It-triq li tinsab fiha din id-dar ġiet imsemmiha għal dan il-filantropu kbir. Jingħad ukoll li wara mewtu huwa ħalla xi flus għall-bżonnijiet tal-knisja parrokkjali tagħna ta’ San Pietru ta’ Birżebbuġa. Tant hu hekk li nsibu li fit-13 ta’ Awissu 1941 saret quddiesa kantata bl-akkolti u ministri għal ruħ dan il-filantropu li kif għidna kien benefattur tal-knisja parrokkjali tagħna li kienet għadha qed tinbena.

Persunaġġ li fil-fehma tiegħi ħaqqu jkun aktar rikonoxxut f’Birżebbuġa huwa bla dubju ta’ xejn il-Kanonku Monsinjur Spiridione Penza. Kważi minsi minn kulħadd, forsi għax qatt ma kien fil-vesti ta’ kappillan ta’ Birżebbuġa, kien hu l-ewwel bniedem li rsista kemm felaħ biex Birżebbuġa ssir parroċċa awtonoma. Dun Spir Penza twieled Bormla fit-18 ta’ Novembru 1860 u miet fil-15 ta’ April 1924 f’Bormla stess. Ġie ordnat qassis fis-17 ta’ Novembru 1881. Kien il-fundatur tad-Domus ‘Sagra Familia’ ta’ Bormla, liema Domus twaqqaf kanonikament fis-sena 1914 u mbierek mill-Isqof Portelli. Dan id-Domus kien bħal manna nieżla mis-sema, jekk tqis li f’dak iż-żmien Bormla kellha popolazzjoni ta’ madwar 20,000 ruħ u għalhekk kienet tinħass sew il-ħtieġa ta’ post xieraq fejn tkun tista’ titwettaq ħidma fost il-poplu. Madwar is-sena 1929 Dun Spir Penza xtaq li d-Domus ta’ Bormla jiġi fdat f’idejn is-Sależjani, imma għal xi raġuni dan ma seħħx. Matul il-gwerra mbagħad, dan intlaqat mill-bombi u reġa’ ġie rranġat. Barra l-fundatur tad-Domus ta’ Bormla, Dun Spir Penza kien ukoll Prokuratur tal-Cassa SS. Viatico, b’kontribut kbir bis-saħħa ta’ ħafna opri artistiċi fil-Kolleġjata ta’ Bormla. Kellu wkoll għal qalbu ħafna l-knisja ta’ San Pawl ta’ Bormla, fejn hemmhekk waqqaf il-kongregazzjoni tal-‘Figlie di Maria’. Fl-istess knisja hu kien jorganizza bl-ikbar serjeta` il-funzjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, sa anke jarma sepulkru wkoll. Fil-15 ta’ Ottubru 1915, meta kien diġa` Kanonku u Birżebbuġa kienet diġa` ilha sentejn parroċċa bis-saħħa ta’ ħidmietu, fuq rakkomandazzjoni ta’ l-Isqof Portelli, sar ‘Monsinjur Kamrier Sigriet tal-Papa’. Imma issa ejjew naraw x’konnessjoni eżatta kellu Dun Spiridione Penza ma’ Birżebbuġa. Milli jidher dan il-qassis kien jiġi villeġjatura f’Birżebbuġa lejn tmiem is-seklu dsatax. Nafu bl-eżatt li fil-25 ta’ Marzu 1893, il-Kanonku Penza waqt li kien qiegħed f’ċelebrazzjoni ta’ talb hekk imsejjħa ‘Via Matris’ fil-kappella tas-Sagra Famiglia, irregala nkwadru kbir tad-Duluri lill-kommunita` ta’ Birżebbuġa ta’ dak iż-żmien. L-ewwel tentattiv min-naħa ta’ Penza biex Birżebbuġa jkollha l-knisja tagħha u tkun tista’ ssir parroċċa kien meta fit-13 ta’ Lulju 1907, ressaq talba lill-Isqof Pietru Pace biex jagħtih il-kunsens biex jibni kappella fuq biċċa art tal-Baruni Montaldo, f’Żurrieq Road, eżattament faċċata tal-kappella tas-Sagra Famiglia. Hekk kif sar jaf li t-talba ma ġietx aċċettata, Dun Spir Penza reġa’ talab lill-Isqof biex jibni kappella proviżorja ddedikata lid-Duluri, liema talba milli jidher li ntlaqgħet għax din infetħet fl-14 ta’ Awissu tal-1907. Dan ma kienx biżżejjed għax fis-7 ta’ Novembru tal-1907, Monsinjur Penza talab lill-Isqof biex il-kappella tad-Duluri ssir parroċċa. Ftit jiem wara, nhar is-16 ta’ Novembru 1907 l-istess talba tressqet minn Dun Alwiġ Albanese, rettur tal-kappella tas-Sagra Famiglia. L-Isqof ma laqgħax dawn iż-2 talbiet. Monsinjur Penza ma qatgħax qalbu. Fl-1 ta’ Ottubru 1907 sar konvenju quddiem in-nutar Francesco Camilleri, fejn Monsinjur Penza ntrabat li jħallas £4 u 10 soldi fis-sena bħala ċens għall-użu tar-remissa li kienet qed isservi bħala l-Knisja tad-Duluri. Konvenju ieħor sar fl-1 ta’ Settembru 1909, quddiem in-nutar Francesco Giorgio Schembri sabiex jiġu okkupati żewġ remissi oħra maġenb il-kappella. Monsinjur Penza ma kienx kuntent u allura ried li din il-knisja tingħata dehra aħjar b’faċċata maestuża, liema faċċata ġiet fdata f’idejn il-perit Salvo Sacco ta’ Bormla. Din il-faċċatta bdiet tinbena fil-11 t’Ottubru tal-1909 u tlestiet f’Jannar tas-sena ta’ wara minn żewġ bennejja minn Ħal Luqa. Intant f’Awissu tal-1909, fil-knisja waslet ukoll l-ewwel qanpiena u fis-17 t’Awissu tal-1910 inġiebet il-vara tad-Duluri. Fl-14 ta’ Ottubru tal-1912 sar kuntratt fejn it-tliet remissi li kienu qed jiffurmaw il-knisja u li ġew mogħtija b’ċens, inxtraw għas-somma ta’ £332. Ix-xewqa ta’ bosta nies minn Birżebbuġa u speċjalment dik ta’ Monsinjur Spiridione Penza nqatgħet meta b’permezz ta’ digriet maħruġ fid-9 ta’ Settembru 1913, l-Isqof ta’ Malta Pietru Pace għolla l-knisja tad-Duluri għad-dinjita’ ta’ waħda parrokkjali, u għamilha waħda awtonoma mill-parroċċi l-oħra tal-madwar. Għal Monsinjur Kanonku Spiridione Penza għandna triq imsemmija għalih fl-inħawi tal-Papa.

Monsinjur Dun Ġużepp Minuti, jibqa’ mfakkar għan-numru kbir ta’ opri artistiċi li bih żejjen il-Knisja Parrokkjali l-ġdida ta’ Birżebbuġa, fosthom l-istatwa titulari preżenti ta’ San Pietru, xogħol mill-isbaħ fl-injam. Qabel ma nagħtu ħarsa lejn l-opri li għamel fil-knisja tagħna, tajjeb li naraw ftit il-ħidma ta’ dan il-qassis matul iż-żminijiet. Dun Ġużepp Minuti twieled f’Bormla fil-11 ta’ Mejju 1916 u tgħammed fil-Kolleġġjata ta’ Bormla fl-14 ta’ Mejju 1916. Ħa l-quddiesa fit-2 ta’ Ġunju 1940 f’mument storiku meta f’Bormla kienet qiegħda ssir il-festa ta’ l-Inkurunazzjoni tal-Kwadru Titulari. Fil-gwerra hu u l-familja tiegħu ħallew Bormla biex imorru joqogħdu fiż-Żejtun. Hemmhekk il-qassis żagħżugħ Minuti kien iqaddes f’diversi kappelli u fil-ġranet qliel tal-gwerra kien jakkumpanja lil Fr. Ferriggi, Patri Fizzjal tal-R.M.A f’diversi fortizzi tal-gwerra biex iqaddes il-quddies u jamministra l-Griżma tal-morda lil diversi suldati feruti u anke suldati mejtin. Bejn l-1941 u l-1949, intalab biex ikun il-kappillan personali ta’ l-Isqof Emmanuel Galea. Bejn l-1942 u l-1944 daħal jgħallem fis-Seminarju li dak iż-żmien kien il-Ħamrun, meta mbagħad l-Isqof Galea mpjegah fil-Kurja ta’ l-Isqof bħala kopista. Wara sentejn f’din il-kariga, l-Arċisqof Gonzi għażlu biex ikun Pro-Segretarju tiegħu, kariga li dam iżomm sal-1949. Bejn l-1944 u l-1948, barra l-kariga li kellu fil-Kurja, ġieli kien mitlub biex imur u jqaddes f’parroċċi fejn il-kappillan kien ikun marid u jkun hemm nuqqas ta’ qassisin. Fl-1949, l-Arċisqof ħajjru biex jersaq għall-eżami ta’ kanonku Penitenzier f’Bormla, fejn għadda biex imbagħad fil-15 ta’ April 1949 irċieva n-nomina ta’ Kanonku Penitenzier mid-Doteria Apostolica tal-Vatikan u l-pussess ta’ l-istess kariga f’Mejju ta’ wara. F’Bormla dam sa Diċembru ta’ dik is-sena, meta Minuti ddeċieda li jagħti l-eżami għall-parrokat ta’ Ħal Balzan. Minuti għadda mill-eżami u f’Jannar tal-1950 ħa l-pussess ta’ l-istess parroċċa, kariga li dam iżomm sal-1954. Dakinhar kien għadu kif ivvaka l-post ta’ kappillan ta’ Birżebbuġa, hekk kif Dun Mikiel Spiteri ntagħżel biex ikun l-Arċipriet il-ġdid taż-Żejtun. Minuti għamel l-eżami u għadda minnu biex imbagħad fit-2 t’Ottubru tal-1954 ġie nnominat kappillan ta’ Birżebbuġa, kariga li dam jokkupa sal-1978. Fis-7 ta’ Novembru 1973 inħatar Kanonku Onorarju tal-Kolleġġjata ta’ Bormla. Fit-28 ta’ Awissu 1978 ġie nnominat bħala Kanonku Kordinatur ta’ Mons. Antonio Cilia mill-Arċisqof Mercieca. Minħabba f’hekk kellu jirrinunzja mill-kariga ta’ kappillan ta’ Birżebbuġa u jibda jaqdi dmirijietu bħala Monsinjur tal-Kattidral. Sakemm ġie maħtur il-kappillan Frendo, Monsinjur Minuti ġie appuntat bħala Vigarju Ekomeniku ta’ Birżebbuġa. Mal-mewt ta’ Mons. Antonio Cilia, l-Isqof Mercieca ħatru Kanonku Effettiv tal-Katidral f’Awissu tal-1979. F’dan iż-żmien beda jaħdem bħala Church Property Manager, kariga li dam iżomm sal-1983. Daħal fil-Kunsill ta’ l-Amministrazzjoni tal-Katidral bħala membru sakemm miet l-Amministratur Dun Pawl Said. Fl-1985, b’digriet mill-Arċisqof Mercieca ġie magħżul biex ikun Segretarju Amministrattiv u Amministratur tal-Beni tal-Kattidral, kariga li żamm sal-1993 meta sfortunatament indarab f’inċident ikrah tat-traffiku li fih kienet involuta saħansitra karozza tal-linja. Sal-1996, Monsinjur Minuti kellu jsofri bosta operazzjonijiet sakemm saħħtu bdiet ġejja għall-aħjar. Hawnhekk hu ddeċieda li jkompli jagħti l-għajnuna tiegħu lill-parroċċa ta’ Birżebbuġa billi ta’ kuljum iqaddes il-quddiesa fil-kunvent tas-Sorijiet tal-Karita` ta’ Birżebbuġa. Monsinjur Minuti miet fl-10 ta’ Settembru 2003. Ngħaddu issa biex naraw liema kienu l-opri li saru taħt il-parrokat ta’ Monsinjur Minuti li dam 24 sena sħaħ. Nibdew biex insemmu s-sett ta’ qniepen li biha hija mogħnija l-knisja ta’ Birżebbuġa, sett ta’ qniepen li huwa magħruf ma’ Malta kollha għas-sbuħija akustika tiegħu. Is-sett tal-qniepen huma ta’ oriġini Olandiża, mid-ditta rinomata Petit & Fritzen u żżanżnu fis-sena 1969. Sal-ġurnata tal-lum dan is-sett qniepen mill-isbaħ għadu l-uniku sett ta’ oriġini Olandiża f’Malta. Sar ukoll paviment mill-isbaħ ta’ l-irħam mid-ditta Sare` fl-1963. Fl-1964 id-ditta Shell li għandha installazzjonijiet f’Birżebbuġa rregalat lill-parroċċa fonti tal-magħmudija, fonti li veru jikkumplimenta mal-knisja. Fost il-kapolavuri li nsibu fil-knisja tagħna f’Birżebbuġa, insibu l-artal maġġur, wieħed mill-isbaħ artali f’pajjiżna. Dan ġie ordnat mingħand id-ditta Armando Battelli fuq disinn tal-Kav. Vincenzo Bonello. Imbagħad fl-1962, ġie wkoll inawgurat tabernaklu mill-isbaħ xogħol id-ditta F.Cassar & Sons ta’ Bormla. Ma’ l-artal insibu wkoll xi apparat li jintuża fil-ġranet tal-festa. Filfatt bil-ħeġġa ta’ Monsinjur Minuti saru l-gandlieri tal-bronż arġentat ta’ l-artal maġġur magħmula mid-ditta Naplitana Felli fl-1964; il-lampier il-kbir magħmul 5 snin qabel (1959) għand l-istess ditta Taljana li ġie rregalat minn Anthony Demajo Pisani; terħa ħamra ta’ l-artal tal-bellus fuq disinn ta’ Emilio Giusti u kif ukoll xiri ta’ tużell sabiħ mill-Knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ Martri tar-Rabat Għawdex fl-1960. Mingħand l-istess parroċċa, Monsinjur Ġużepp Minuti xtara wkoll is-sett ta’ l-appostli li jintramaw fuq l-artal fil-festa titulari ta’ San Pietru; il-ġirandola fuq disinn ta’ Abram Gatt li tintrama fil-festa ta’ Corpus , fil-kwaranturi u fil-Qalb ta’ Ġesu; ġirandola oħra li tintrama fil-festa tal-Madonna tar-Rużarju fl-ewwel ġimgħa t’Ottubru; sett ta’ gandlieri li jintramaw fuq l-artal tal-Madonna tar-Rużarju u kif ukoll tużell ieħor biex jintuża għal kuljum, tużell li għadu qatt ma żżanżan. La qed insemmu l-apparat ta’ l-artal ma nistgħux ma nsemmux l-ostensorju li fih insibu r-relikwija ta’ San Pietru, ostensorju li ġie rregalat minn Monsinjur Minuti stess fis-sena 1989. Aktar riċenti fis-sena 2006, tliet snin wara l-mewt tiegħu, il-familja Minuti rregalat il-bażi għall-istess ostensorju, opra mill-isbaħ maħduma fil-fidda. Kienet ix-xewqa ta’ Monsinjur Minuti li xi darba jirregala anke l-bażi ta’ l-ostensorju, ħolma li l-familja Minuti b’tant imħabba lejn din il-parroċċa wettqet anke wara l-mewt ta’ l-għażiż tagħhom. Ma nistgħux intemmu din il-kitba fuq Monsinjur Minuti jekk ma nsemmux l-4 kapulavuri l-oħra li saru taħt żmienu, fosthom l-istatwa devota u artistika ta’ San Pietru li naraw illum, kapulavur ta’ l-artist Taljan Ferdinand Stuflesser, statwa li tista’ tgħid hija s-simbolu u l-mimmi ta’ l-għajnejn tan-nies ta’ Birżebbuġa. Filfatt insibu li taħt it-tmexxija ta’ dan il-kappillan ġew ikkummissjonati għand id-ditta Ferdinand Suflesser ta’ Bolzano: il-Via Sagra tal-Parroċċa (1957); il-Vara tal-Madonna tar-Rużarju (1960); Vara mill-aqwa u mill-isbaħ ta’ San Ġużepp (1961) u fl-aħħar iżda mhux l-inqas l-istatwa titulari ta’ San Pietru (1959). Dawn l-erba’ opri mill-iktar fini u sbieħ huma kollha skolpiti fl-injam. Għad li ma semmejniex kollox, jidher ċar li x-xogħol li wettaq il-kappillan Minuti fil-knisja parrokkjali kien wieħed vitali għall-aħħar biex il-knisja ma tkunx nieqsa mill-għodda li bihom jitwettqu d-dmirijiet saċerdotali.

 

Tmexxija u Għaqdiet

Fit-30 ta’ Ġunju 1993, (Local Governments, n.d.) il-Parlament Malti għadda u approva liġi li biha kellhom jitwaqqfu ‘Kunsilli Lokali’ (Act No. XV of 1993). B’din il-liġi li ġiet emendata fis-sena 1999 u inkorporata fil-Kostituzzjoni Maltija fis-sena 2001, tat l-opportunita` lin-nies tal-bliet u l-irħula kollha ta’ Malta u Għawdex jiffurmaw tip ta’ gvern lokali li jkollu f’idejh drittijjet u dmirijiet fuq il-belt u r-raħal tiegħu. Birżebbuġa issa wkoll kien se jkollha l-ewwel Kunsill Lokali tagħha. Ir-raħal tagħna ngħata kunsill ta’ 7 membri u l-ewwel elezzjoni saret fid-19 ta’ Frar 1994. Iċ-Ċentru Ċiviku, il-post fejn jiltaqa’ l-Kunsill u jsiru t-taħditiet dwar il-lokalita`, mhux dejjem kien jinsab fejn narawh illum, jiġifieri fil-Bajja ta’ San Ġorġ, imma għal xi żmien konna nsibuh maġenb l-għassa tal-Pulizija fi ‘Pretty Bay’.

Qabel it-twaqqif tal-Kunsill Lokali, f’Birżebbuġa kienu jeżistu diġa` xi forma ta’ Federazzjonijiet u Kumitati bħala rappreżentanti ta’ l-Għaqdiet ta’ Birżebbuġa. Diġa` nafu li fis-sena 1965, meta Gino Muscat Azzopardi ddisinja l-arma ta’ Birżebbuġa, mhux dik li naraw illum imma dik li hemm fuq l-istandard tas-Soċjeta` Filarmonika San Pietru A.D. 1990, din kienet ġiet approvata mill-għaqdiet kollha ta’ Birżebbuġa (Guillaumier, as cited in, Balzia, 2006).

Dan il-qbil unanimu bejn l-għaqdiet kollha ta’ Birżebbuġa wera kemm filfatt l-Għaqdiet kellhom ix-xewqa li jikkolaboraw flimkien u nistgħu ngħidu li kienet din ir-rieda li wasslet biex fis-sena ta’ wara jiġi ffurmat l-ewwel Kunsill Ċiviku ta’ Birżebbuġa. Jingħad li bejn is-sittinijiet u sebgħinijiet kienu ġew iffurmati 2 Kunsilli Ċiviċi (Balzia, 2006). L-ewwel kunsill ċiviku ta’ Birżebbuġa twaqqaf meta fil-gazzetta l-‘Berqa’ tal-Ħamis 19 ta’ Mejju, 1966, il-Każin ‘San Pietru’ talab lill-Għaqdiet interessati ta’ Birżebbuġa sabiex jibagħtu bil-miktub l-ismijiet ta’ 2 membri delegati flimkien ma’ l-indirizz tagħhom (Balzia, 2006). Dan il-Kunsill milli jidher kien għadu qed jiffunzjona sas-sena 1968, peress li ftit jiem qabel it-18 ta’ Marzu ta’ dik is-sena, inqara rapport ta’ ħidma għas-snin 1966/67. F’dan ir-rapport kien hemm imniżżel li bħala fundatur u l-ewwel president ta’ dan il-Kunsill kien ġie maħtur is-Sur Anthony C. Naizer, filwaqt li għall-post ta’ segretarju ntgħażel is-Sur N. Vella u għal dak ta’ kaxxier is-Sur E. Galea. F’rapport ta’ ħidma li deher fuq il-ġurnal ‘The Times’ ta’ l-1 ta’ Lulju 1969, naraw li għas-sena 1969-1970, il-kumitat kien kompost minn A.C. Naizer bħala President, Miss C. Micallef bħala segretarja u s-Sur E. Galea fil-kariga ta’ kaxxier. Din kienet ukoll l-aħħar darba li dan il-Kunsill issamma’ fuq ġurnal lokali (Balzia, 2006).

It-tieni kunsill ċiviku ta’ Birżebbuġa twaqqaf fl-24 ta’ Ottubru 1971, matul Laqgħa Ġenerali li saret fis-Seabreeze Restaurant, bl-isem Kumitat Birżebbuġa Magħquda (Balzia, 2006). F’din il-laqgħa naraw li s-Sur Joe Cutajar inħatar bħala president, filwaqt li Joe Debattista u Alfred McIntyre inħatru bħala segretarju u kaxxier rispettivament. Dan il-Kunsill kien wieħed attiv ħafna, tant li nsibuh jorganizza diversi attivitajiet fosthom serati fis-sala ta’ l-iskola ta’ Birżebbuġa, karrijiet tal-Karnival, tifkiriet ta’ nies prominenti b’rabta ma’ Birżebbuġa u attivitajiet oħra marbutin mal-Milied. Dan il-kunsill dam jiffunzjona sas-sena 1976.

Fis-sena 1997, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li s-Soċjeta` Filarmonika San Pietru A.D. 1990 organizzat bejn id-9 u s-16 ta’ Settembru meta saret proprjetarja assoluta tas-Sede tagħha, kien hemm dak ta’ Forum għall-Għaqdiet ta’ Birżebbuġa, li matulu twaqqfet il-Federazzjoni Għaqdiet ta’ Birżebbuġa (Festa tas-16 ta’ Settembru 1997, 1998). Din il-Federazzjoni ma baqgħetx tiffunzjona.

Dan kollu jwassalna biex issa nagħtu ħarsa qasira lejn l-għaqdiet li nsibu fir-raħal tagħna. F’Birżebbuġa nsibu numbru kbir mhux ħażin ta’ għaqdiet. Insemmu pereżempju l-bosta għaqdiet sportivi li għandna f’Birżebbuġa, fosthom dawk tal-futbol. Birżebbuġa St. Peter’s FC huma affiljati mal-MFA u tista’ tgħid li huwa l-klabb uffiċċjali tal-futbol ta’ Birżebbuġa. Għalkemm l-ewwel traċċi ta’ tim tal-futbol f’Birżebbuġa jmorru lura għas-sena 1934 b’tim li kien iġib l-isem ta’ Birżebbuġa Hunters, kien fis-sena 1946 meta ġie ffurmat it-tim li nafu bih illum. Birżebbuġa Windmill FC huwa klabb ieħor li jieħu ħsieb it-tagħlim tal-futbol fost it-tfal, tant li huma affiljati mal-Youth Football Association. Dan il-klabb twaqqaf fis-sena 1972. Il-Birżebbuġa Tigers FC huwa klabb ta’ tim tal-futbol fuq livell amatorjali. Dawn twaqqfu fis-sena 1989 u huma msieħba mal-Malta Amatuer Football Association.

Barra dawk tal-futbol insibu wkoll dak tal-Boċċi. Il-Boċċi Club Birżebbuġa twaqqaf fis-sena 1983. Għalkemm m’għandix informazzjoni preċiża jidhirli li f’Birżebbuġa kien hawn 2 klabbs tal-boċċi, wieħed f’Wied il-Buni u l-ieħor fl-inħawi tal-Brolli. Dawn ta’ l-aħħar ingħaqdu mal-klabb ta’ Wied il-Buni lejn is-sena 1994 u ċ-Ċentru tal-Brolli ingħata lis-St. John Ambulance.

Barra l-klabb tal-Boċċi nsibu dak ta’ l-isparar jew aħjar lil Birżebbuġa Shooting Club. Dan il-club huwa affiljat mal-Malta Shooting Sport Federation u tista’ tgħid li huwa s-shooting club prinċipali fin-nofs in-nhar ta’ Malta. Tant hu hekk li l-premises ta’ dan il-klabb jinsabu f’Ħal-Far, viċin Bengħisa.

Ngħaddu issa biex nitkellmu dwar klabbs sportivi relatati mal-baħar. Birżebbuġa Aquatic Sports Club twaqqaf lejn is-sena 1955. Il-premises ta’ dan il-klabb magħruf aħjar bħala l-pitch tal-waterpolo jinsab fit-tarf ta’ ‘Pretty Bay’. Klabb ieħor relatat mal-baħar huwa dak tar-Regatta. Il-Klabb Regatta Birżebbuġa jmur lura sas-sena 1972. Dan il-klabb baqa’ jiffunzjona sas-sena 1976. F’Novembru tal-2004, il-klabb reġa’ twaqqaf mill-ġdid u beda jieħu sehem fil-kompetizzjoni tar-Regatta. Klabb ieħor marbut mal-baħar huwa dak ta’ Birżebbuġa Sailing Club, li twaqqaf bejn is-sena 1969 u 1970 minn George Busuttil, imwieled Raħal Ġdid (Bonnici, n.d). Birżebbuġa Sailing Club huwa wieħed mill-ewwel sailing clubs f’pajjiżna, tant li matul l-istess żmien kienet twaqqfet il-Malta Yachting Federation. Il-premises ta’ dan il-klabb jinsab fit-tarf ta’ Wied il-Buni, u qiegħed imiss eżattament mal-Malta Freeport. F’dawn il-premises kellhom jitwieldu wkoll bosta sailing clubs oħra Maltin.

Ejjew issa nitkellmu dwar għaqdiet ta’ formazzjoni reliġjuża, billi nibdew mis-Soċjeta` tad-Duttrina tal-M.U.S.E.U.M li fetħet il-qasam tagħha f’Birżebbuġa fl-1936 f’dar fi Triq San Pawl (Camilleri, 2007). Fl-1949 dawn marru fil-Knisja tad-Duluri. L-istess Soċjeta` għandha dar ġdida fl-inħawi ta’ wara l-knisja. L-ewwel ġebla tal-mużew il-ġdid tqiegħdet nhar l-20 ta’ Mejju 2007. Is-Soċjeta` tal-M.U.S.E.U.M għandha wkoll fergħa tan-nisa fi Triq is-Sajjied maġenb il-Knisja Parrokkjali. Għaqda oħra li taħdem fil-parroċċa tagħna fuq formazzjoni reliġjuża hija dik tal-Legion of Mary. Din l-għaqda oriġinat f’Dublin l-Irlanda fis-sena 1921 u twaqqfet f’Malta fl-1940. Din is-Soċjeta` bdiet topera f’Birżebbuġa f’April 1964 (Schembri, 1995). Ħafna mil-laqgħat ta’ formazzjoni kienu jsiru fil-kappella tas-Sagra Famiglia f’Żurrieq Road. Il-membri ta’ din l-għaqda jieħdu ħsieb ukoll id-duttrina ta’ dawk it-tfal li joqogħdu fl-inħawi mbiegħda tal-Housing Estate u fl-inħawi tal-Papa fiċ-Ċentru tar-Ragħaj it-Tajjeb. F’Birżebbuġa nsibu wkoll iċ-Ċentru Żgħażagħ Azzjoni Kattolika, ŻAK. Illum dan il-moviment huwa wieħed fuq skala nazzjonali, pero` fir-raħal tagħna din il-forma ta’ għaqda taż-żgħażagħ ilha teżisti ftit mhux ħażin, għalkemm f’forma differenti milli kif inhi ‘llum . Dari din l-Għaqda kienet tkun parteċipa ħafna fil-festa parrokkjali ta’ San Pietru, u kien ikollha sehem ċentrali ħafna fl-organizzazzjoni tal-festi esterni. Kienet ukoll ittellgħa diversi pageants fosthom dwar il-ħajja ta’ San Pietru u dak tal-Ġimgħa Mqaddsa, b’dan ta’ l-aħħar li fortunatament għadu jsir sal-ġurnata tal-lum.

Għaqda oħra li għandha għeruq fondi mhux ħażin fir-raħal tagħna hija dik ta’ l-Iscouts. Il-Birżebbuġa Scouts Group twaqqaf għall-ewwel darba bejn is-snin 1943 u 1944 minn ċertu Oscar Borġ (The Opening, n.d). Dan l-ewwel grupp kellu l-kwartieri tiegħu f’Żebra Street fejn qabel kien hemm l-iskola l-antika u fejn illum insibu s-Seabreeze Hotel. Il-grupp reġa’ ngħaqad f’Diċembru tas-sena 1983 u beda jopera b’mod uffiċjali f’Mejju 1984 (The Re-Opening, n.d). Bħala kwartieri kellhom post fi Triq id-Duluri, biex fit-28 ta’ Mejju 2006 ġew inawgurati kwartieri ġodda fit-triq ta’ Ħal-Far, qrib ħafna l-Freeport. Din id-dar li issa ngħatat f’iden il-Birżebbuġa Scout Group hija storikament magħrufa man-nies lokali bħala l-Gunner’s House li kienet tintuża mill-Militar Ingliż meta dawn kienu jokkupaw lil Malta.

Ngħaddu issa biex nitkellmu dwar l-Għaqda Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti Birżebbuġa. Din l-Għaqda twaqqfet fl-1988 bħala sezzjoni ta’ l-għaqda ċentrali. L-għanijiet ta’ din l-Għaqda huma l-ħarsien tad-drittijiet tan-nassaba u kaċċaturi, kif ukoll il-ħarsien ta’ l-ambjent mill-inkwinament li jista’ jbiegħed jew joħloq ostakli għall-għixien ta’ annimali u tajr tal-kaċċa. Is-sezzjoni ta’ Birżebbuġa kienet tiltaqa’ fil-JO-JO’s Bar fi triq iż-Żebra, meta din twaqqfet fl-1988. Wara xi żmien dawn imxew fil-Pop’s Bar fi Pretty Bay sakemm imbagħad l-għaqda akkwistat post f’Numru 1, Triq il-Musbieħ, Birżebbuġa (Għaqda Kaċċaturi, Awissu 1997).

Minn hawn ngħaddu issa biex nitkellmu dwar Għaqdiet li jippromwovu l-kultura lokali ta’ Birżebbuġa. Fost dawn l-għaqdiet insibu ż-żewġ baned lokali. Pero` qabel ma ngħaddu għall-Baned ta’ Birżebbuġa, tajjeb li nsemmu żewġ għaqdiet kulturali oħra, li minkejja m’għandhomx sede fejn jiltaqgħu, huma ffurmati min-nies li għandhom għal qalbhom il-qasam li jaħdmu fih. L-ewwel Għaqda li se nsemmi hija l-Għaqda Teatrali Blanzuni. Din twaqqfet biex ittellgħa produzzjonijiet teatrali f’Birżebbuġa, biex id-dħul finanzjarju jmur kollu għall-missjoni li qed tagħmel Miriam Buġeja fil-Pakistan. Dan ifisser li l-Għaqda Teatrali Blanzuni barra li hija Għaqda Teatrali hija wkoll Għaqda Filantropika. Sas-sena 1994, il-grupp teatrali kien diġa` tella’ 9 produzzjonijiet li minnhom għamel offerta ta’ Lm1050 lil Miriam Bugeja fil-missjoni tagħha fil-Pakistan (Cutajar, 1994). Din l-Għaqda m’għandhiex sede, pero` tagħmel użu estensiv mis-sala ta’ l-iskola Primarja ta’ Birżebbuġa, l-istess sala fejn jiġu ppreżentati l-produzzjonijiet tagħha lill-pubbliku.

Għaqda oħra li taħdem favur it-tixrid u l-għarfien kulturali ta’ Birżebbuġa hija l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa. Din l-Għaqda minkejja li m’għandhiex sede, hija ffurmata min-nies ta’ esperjenza u żgħażagħ li jixtiequ jaraw lil Birżebbuġa aktar indukrata mil-lat kulturali u storiku tagħha. Din twaqqfet fis-sena 1993 u tħaddan żewġ għanijiet; l-ewwel għan huwa dak li tgħallem u teduka lit-tfal, iż-żgħażagħ u lin-nies lokali dwar l-istorja ta’ dan il-lokal (Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa, 1997). Ħafna jaħsbu li Birżebbuġa huwa xi post modern, mentri fil-fatt mhuwiex. Tant hu hekk li l-eqdem monument storiku ta’ pajjiżna jinsab f’Birżebbuġa, biex inkunu tajna eżempju wieħed. It-tieni għan huwa dak li bil-limitazzjonijiet tagħha, tagħmel pressjoni u taħdem biex il-wirt artistiku, kulturali, monumentali u folkloristiku-tradizzjonali jibqa’ ppreservat. Qed ngħid hekk għax din l-għaqda ma tħarisx biss lejn il-wirt storiku ta’ bini, iżda wkoll ta’ tradizzjoniiet bħalma hija l-purċissjoni fil-forma ta’ pageant li ssir f’Ħadd il-Palm wara li jsir it-tberik tal-palm u taż-żebbuġ, mill-Parroċċa l-Qadima tad-Duluri sal-Knisja l-Parrokkjali attwali, fejn tfal minn Birżebbuġa mlibbsin ta’ Lhud jakkumpanjaw lit-tnax Appostli ma’ Ġesu riekeb fuq ħmara. Sas-sena 1997, l-Għaqda bil-limitazzjoniijiet tagħha kienet diġa` ħadet diversi inizjattivi fosthom it-tifkira tal-25 sena mill-miġja tas-sett qniepen Olandiżi għall-Knisja Parrokkjali; armat presepju kbir fil-Pjazza tal-Knisja u fakkret il-mitt sena mit-twelid tal-Pofs. Pietru Pawl Saydon u tal-Profs. Dun Anton Tabone li huma 2 persunaġġi b’rabta kbira ma’ Birżebbuġa. B’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa kixfet irħama li kkommemorat il-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija f’Birżebbuġa u inawgurat irħama ta’ Mabbli Vella, il-fundatur ta’ l-Għaqda tar-Regatta ta’ Birżebbuġa meta l-istess għaqda kienet għadha ma reġgħetx iffurmat mill-ġdid. Fis-sena 1997 l-istess Għaqda biex tfakkar il-50 sena mill-miġja ta’ l-ewwel statwa ta’ San Pietru, b’ħidma u b’kollaborazzjoni kbira mal-kappillan Farrugia, nhar it-Tnejn 28 ta’ Lulju 1997, ħarġet fuq iz-zuntier l-ewwel statwa titulari fl-okkażjoni tal-Ħruġ min-niċċa tal-festa ta’ dik is-sena. L-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa għadha tagħti kontribuzzjonjiet kbar bis-saħħa ta’ artikli validi ħafna fuq diversi rivisti ta’ Għaqdiet oħra ta’ Birżebbuġa.

Ngħaddu issa biex nitkellmu dwar iż-żewġ għaqdiet mużikali ta’ Birżebbuġa li barra li huma kontributuri fil-kultura mużikali, jagħtu kontribut siewi ieħor f’oqsma kulturali differenti. L-Għaqda Mużikali Banda San Pietru fil-Ktajjen A.D. 1957 għamlet l-ewwel debutt tagħha f’Birżebbuġa, fil-25 ta’ Awissu 1957. Għal 11-il sena l-Għaqda kienet topera mill-istess każin ta’ Birżebbuġa St. Peter’s. Bejn l-1968 u l-1970, minħabba problemi ta’ natura finanzjarja, l-Għaqda waqfet milli tiffunzjona. Fil-21 ta’ Marzu 1971, saret laqgħa ġenerali fl-Azzjoni Kattolika u ġie maħtur kumitat amministrattiv. Fit-8 ta’ Lulju 1972, l-għaqda kellha sede ġdida f’garaxx li kien jinsab fi Triq San Edwardu. Imbagħad, 4 snin wara, f’laqgħa ġenerali straordinarja, ġie deċiż unanimament li l-għaqda takkwista l-post Ye Olde Beams, post li n-nies kienet ukoll tafu bl-isem The Red Lion Bar. L-Għaqda għadha topera minn dan l-istess post sal-ġurnata tal-lum. Il-Banda ħadet sehem f’diversi okkażjonijiet ta’ pussess ta’ kappillani; pima messa ta’ qassisin, kif ukoll fil-festa titulari (Sultana, 1997).

Fl-14 ta’ Jannar 1990, f’Birżebbuġa twaqqfet dik li hija s-Soċjeta` Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990. Fl-ewwel Laqgħa Ġenerali ta’ l-14 ta’ Jannar 1990, li saret fil-Lido Hall fi Triq San Edwardu, is-Soċjeta` twaqqfet bl-isem Għaqda Mużikali Birżebbuġa bil-għan li tkabbar il-festa titulari ta’ San Pietru u tnissel aktar interess fil-kultura mużikali bandistika f’Birżebbuġa (Azzopardi, 1997). Matul l-istess jiem li kien qed jiġri dan kollu l-Għaqda Mużikali l-oħra ta’ Birżebbuġa kienet qed tagħmel xi tibdil fl-isem tagħha, u allura nqalgħu xi problemi biex jinħarġu l-permessi meħtieġa mill-Gvern. Għalhekk l-isem kellu jiġi mibdul għal Soċjeta` Filarmonika Birżebbuġa A.D. 1990 f’Laqgħa Ġenerali Straordinarja nhar id-29 ta’ April 1990. Fl-14 ta’ Jannar tas-sena 1996, għeluq is-sitt sena mit-twaqqif tas-Soċjeta`, fil-Laqgħa Ġenerali Annwali ġie deċiż li l-isem jinbidel għal dak li nafuh illum .(Azzopardi, 1997) Din is-Soċjeta` mill-ewwel ġibdet lejha numru kbir ta’ nies u partitarji. Dan stajna narawh mill-ewwel żewġ festi li fiha pparteċipat is-Soċjeta`, fejn tat kontribut kbir fil-qasam tal-banda u tan-nar. Wara l-festa tal-1991, is-Soċjeta` bdiet taħseb bl-akbar serjeta` biex issib post ġdid u aktar kbir u ċentrali f’Birżebbuġa (Azzopardi, 1997). Tajjeb li ngħidu li l-ewwel sede tas-Soċjeta` minn mindu din twaqqfet kienet tinsab fil-Bajja ta’ San Ġorġ, fi Triq Birżebbuġa, numru 77, post li kien magħruf ukoll bl-isem ‘Morning Star’. Is-Soċjeta` tefgħet għajnejha fuq post numru 11/12 fi Triq Birżebbuġa, l-istess triq li minn Pretty Bay twasslek direttament fil-Pjazza tal-Knisja. F’Laqgħa Ġenerali Straordinarja nhar il-Ħadd 24 ta’ Mejju 1992, il-membri approvaw b’mod unanimu x-xiri tal-post. Il-Kuntratt ġie ffirmat it-Tlieta 15 ta’ Settembru 1992. Max-xiri tal-post is-Soċjeta` ħasbet biex tibda xogħol ta’ alterazzjonijiet u l-post jieħu sura aħjar ta’ każin. Imma fuq pariri siewja ta’ Sunny Bonnici u Peter Camilleri, il-Kumitat iddeċiedu li jidħol għal biċċa piż ikbar, dak li jħott il-bini u jerġa` jibda jibni mill-pedamenti sede li tixraq lil Soċjeta` mużikali. Bis-saħħa ta’ ħidma kbira u volontarja minn bosta bennejja, benefatturi kbar u nies intiżi fl-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-bini, is-sede maestuża laħqet inbniet f’temp ta’ bejn erba’ u ħames snin, tant li s-Soċjeta’ bdiet tiffunzjona b’mod uffiċjali fil-Ġawhra San Pietru, l-isem tas-Sede l-ġdida, fis-17 t’April 1996. Dakinhar il-Banda Birżebbuġa tellgħet programm fil-Bajja ta’ San Ġorġ b’tislima lill-ewwel Sede tas-Soċjeta`. Matul dawn iż-żminijiet, minkejja d-diffikultajiet kollha marbuta ma’ l-iffinanzjar tal-proġett tal-każin il-ġdid, is-Soċjeta` dejjem onorat is-sehem tagħha fil-festa titulari. Il-pagamenti mal-bank tħallsu kollha f’Settembru tas-sena 1997 fejn dakinhar saru festi kbar. Il-Banda tas-Soċjeta` bdiet tiġi mistiedna biex iddoqq barra r-raħal sa mis-sena 1992, meta nhar it-8 ta’ Frar ta’ dik is-sena fuq stedina ta’ l-Għaqda tal-Pawlini tal-Belt Valletta, il-Banda għamlet marċ brijuż kbir ħafna. Dakinhar folla kbira ta’ partitarji tas-Soċjeta` tagħna stess akkumpanjaw lill-banda fit-toroq tal-Belt Kapitali fost briju u ferħ kbir. Minn dakinhar ‘l hawn l-istediniet għall-Banda tagħna ma waqfu qatt aktar. Il-banda tas-Soċjeta` fl-istorja qasira tagħha għandha paġni sbieħ ta’ suċċessi fosthom il-programm kbir li l-Banda tellgħet fit-Teatru ta’ l-Universita` taħt id-direzzjoni tal-bravu surmast Mro. Michael Bugelli nhar id-19 ta’ Frar 2000. Dakinhar iżżanżan għall-ewwel darba l-Innu l-Kbir ‘Tu Es Petrus’ komposizzjoni tas-surmast bravu Raymond Sciberras, innu li issa daħal fil-qlub tal-partitarji u ammiraturi tal-banda tagħna. F’Marzu 2004, il-banda tagħna ġiet mistiedna għal mawra fit-Tuneżija fejn hemmhekk daqqet fil-Karnival ta’ Port El Kantaoui, spalla ma’ spalla ma’ baned oħra mill-Ewropa, fosthom baned Ġermaniżi. Is-Soċjeta` minn dejjem impenjat ruħha biex tkabbar is-Sede tagħha. Naraw li fit-22 ta’ Novembru 1994, minkejja li dak iż-żmien kien għadu għaddej il-proġett tal-bini tal-każin il-ġdid, is-Soċjeta` ffirmat kuntratt li bih xtrat remissa li tinsab biswit il-każin (Azzopardi, 1997). Bejn is-snin 2005 u 2006, is-Soċjeta` daħlet għal biċċa piż kbir, dak tax-xiri ta’ l-ispiżerija maġenb il-każin u l-permess tagħha (Ix-Xiri ta’ l-Ispiżerija, 2005). Dan il-proġett kien wieħed diffiċli mmens imma l-uffiċjali tal-kumitat ċentrali laqgħu din l-isfida b’sagrifiċċju kbir (Vella, 2006). Illum il-ġurnata, is-Soċjeta` Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990 barra li tgħallem il-mużika u tieħu sehem fil-festa ta’ San Pietru qiegħda tagħti sehemha tista’ tgħid f’kull okkażjoni ta’ matul is-sena; fosthom fil-Milied, fil-Karnival u fl-Għid il-Kbir.

Referenzi:

Azzopardi, A. (1997) Soċjeta` Filarmonika San Pietru – Banda Birżebbuġa A.D. 1990. In M. J. Schiavone (ed.), L-Istorja tal-Każini tal-Baned f’Malta u Għawdex. Malta: PIN Publications.

Camilleri, S. (2007, Awissu). San Ġorġ Preca: 100 sena ta’ tagħlim. Minn Qalb L-Iljuni, 18, 96-97.

Cutajar, L. (1994, Awissu). Blanzuni. Minn Qalb L-Iljuni, 5, 43.

Balzia, M. (2006, Awissu). L-Arma ta’ Birżebbuġa u Gino Muscat Azzopardi. Minn Qalb L-Iljuni, 14, 122-123.

Bonnici, G. (n.d). From Latini to Lasers. Retrieved January 19, 2008, from http://www.birzebbugasailing.com/Default.htm#Outline%20History%20of%20BSC

Festa tas-16 ta’ Settembru 1997 – “Il-Każin isir Proprjeta` tagħna”. (1998, Awissu). Minn Qalb L-Iljuni, 9, 48-51.

Ix-Xiri ta’ l-Ispiżerija. (2005, Awissu). Minn Qalb L-Iljuni, 16, 45-47.

Għaqda Kaċċaturi u Nassaba Konservazzjonisti – Birżebbuġa. (1997, Awissu). Minn Qalb L-Iljuni, 8, 101.

Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa. (1997, Awissu). Minn Qalb L-Iljuni, 8, 101.

Local Governments (n.d). Ministry For Justice and Home Affairs. Retrieved January 8, 2008, from http://www.justice.gov.mt/ministry/localgovt.html

Schembri, M. (1995, Awissu). Leġjun ta’ Marija. Minn Qalb L-Iljuni, 6, 49.

Sultana, F. (1997) Għaqda Mużikali San Pietru Fil-Ktajjen – Birżebbuġa. In M. J. Schiavone (ed.), L-Istorja tal-Każini tal-Baned f’Malta u Għawdex. Malta: PIN Publications.

The Opening of the group. (n.d.) Birżebbuġa Scout Group. Retrieved February 2, 2008, from http://www.bugascouts.org/Group/index.htm

The Re-Opening of the group. (n.d.) Birżebbuġa Scout Group. Retrieved February 2, 2008, from http://www.bugascouts.org/Group/index.htm

Vella, J. (2006, Awissu). Ix-xiri ta’ l-Ispiżerija. Minn Qalb L-Iljuni, 17, 49.

L-Identita’

Bħal kull raħal ieħor, ir-raħal tagħna ta’ Birżebbuġa, minkejja li m’ilux ħafna jeżisti bħala parroċċa, għandu territorju mimli storja. Barra minn hekk il-Kommunita` ta’ Birżebbuġa splodiet f’dik li hija popolazzjoni. Dan ġab miegħu żvilupp u żieda f’għaqdiet sportivi, kulturali u soċjali. L-Identita` ta’ Birżebbuġa, barra l-wirt arkeoloġiku tiegħu, barra t-tradizzjonijiet folkloristiċi lokali jagħraf lilu wkoll fil-pajsaġġ sabiħ li hu mżejjen bih il-lokal, li sfortunatament bħall-elementi li semmejt qabel, dan ukoll qiegħed ikun traskurat u mpoġġi fil-ġenb. Aktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qiegħda tinħass il-ħtieġa li dan il-poplu jkun jaf japprezza aktar dak li għandu u jieħu aktar interess f’dak li nsibu fir-raħal tagħna ħalli ma ssirx aktar ħsara lid-drawwiet u lill-ambjent tagħna, minn individwi u entitajiet partikolari.

L-identita` ta’ kull post tingħaraf l-ewwel mill-emblema tiegħu. Interessanti ngħidu li l-emblema ta’ Birżebbuġa għandha storja kbira warajha. Irridu ngħidu wkoll li Birżebbuġa għandha aktar minn emblema waħda. L-emblema li naraw illum, l-istess emblema li jħaddan il-Kunsill Lokali hija x’aktarx l-aktar waħda antika. Din ġiet addotata minn affresk li jinsab fis-Sagristija tal-Parroċċa Matriċi tal-Gudja, l-istess parroċċa li minnha ħarġet Birżebbuġa. Jekk wieħed iżur din is-sagristija, għandu jsib affreski ta’ l-emblemi kollha tal-parroċċi li ħarġu mill-Gudja jew minn Bir Miftuħ biex inkunu aktar preċiżi. Fost dawn l-armi nsibu dik ta’ Birżebbuġa. L-emblema qiegħda fil-forma ta’ skud. Fuq sfond abjad insibu 2 strixxi magħqudin fil-forma ta’ V lewn kaħlani li jissimbolizza l-baħar u fuq l-istess strixxa nsibu fergħa ta’ żebbuġa, siġra li għandha rabta mar-raħal tagħna. Għall-ewwel il-Kunsill kien ingħata emblema differenti. Filfatt ħafna huma dawk li jiftakru l-emblema bl-imfietaħ u bil-katina lewn id-deheb fuq sfond iswed, emblema li kienet taghmel referenza għat-titular li għandna f’Birżebbuġa, iddedikat lil San Pietru fil-Ktajjen. L-istess emblema wieħed għadu jista’ jaraha taħt it-taraġ taz-zuntier. Kien il-Kunsill flimkien ma’ xi storiċi lokali li kienu talbu biex l-emblema tinbidel għal dik tal-lum. Pero’ sa ftit żmien ilu, sal-bidu tad-desgħinijiet l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ emblemi ma kienu jintużaw. L-emblema ta’ Muscat Azzopardi, iddisinjata f’Mejju tal-1965 kienet l-aktar waħda popolari u sa ċertu punt għadha popolari sal-ġurnata tal-lum. L-arma li kien iddisinja Muscat Azzopardi għadha tinsab inkorporata f’diversi emblemi ta’ Għaqdiet f’Birżebbuġa, fosthom dawk tas-Soċjeta` Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990; Klabb Regatta Birżebbuġa u anke l-emblema ta’ l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa. Qabel ma saru xi xogħolijiet ta’ rinnovazzjoni konna nsibuha wkoll imdendla fuq il-Palk tas-Sala ta’ l-iskola Primarja ta’ Birżebbuġa. Jingħad ukoll li barra dawn it-tlieta teżisti emblema oħra li hija dik iddisinjata minn ċertu Lorenzo Żammit Haber minn Għawdex madwar is-sena 1928. L-istess iben ta’ Lorenzo, ikkonferma dan kollu ma’ l-awtur Charles Fiott li kiteb il-ktieb ‘Towns and villages in Malta and Gozo, Part 2, The South’. Din l-arma kienet tikkonsisti f’żewġ partijiet: fin-naħa t’isfel hemm il-baħar filwaqt li fil-biċċa ta’ fuq hemm ġewnaħ b’kewkba ta’ sitt ponot bir-raġġi, bħal dik tal-Milied (Balzia, 2006). Balzia jkompli jgħid li meta twaqqaf it-tieni kunsill ċiviku ta’ Birżebbuġa, dak li twaqqaf fl-24 ta’ Ottubru 1971, għażel li jkollu emblema differenti minn dik ta’ Azzopardi u kien qabbad lil Wiġi Busuttil biex jiddisinjalhom emblema ġdida. Filfatt din l-emblema li kellha wkoll motto differenti minn dik ta’ Azzopardi, wara ġiet ippreżentata lill-ministru ta’ dak iż-żmien l-Onor. Agatha Barbara.

Wara li tkellimna fuq l-emblemi differenti li Birżebbuġa kellha matul is-snin differenti, tajjeb issa li nitkellmu ftit fuq l-ilwien uffiċjali tar-raħal tagħna. Din tfakkarna ħafna fl-ilwien differenti li kien ikollhom il-karozzi tal-linja ta’ l-irħula u l-bliet differenti ta’ Malta. Il-lewn tal-karozza ta’ Birżebbuġa kien fost wieħed mill-isbaħ fost il-karozzi kollha. Filfatt l-ilwien ta’ Birżebbuġa huma l-ikħal, l-abjad u l-aħmar, kuluri li jinsabu f’żewġ standardi separati li għandhom iż-żewġ baned mużikali lokali. L-istess kuluri jinsabu fil-maktur ta’ l-iscouts ta’ Birżebbuġa. Anke t-tim ta’ Birżebbuġa St. Peter’s FC addotta l-istess kuluri għall-plejers tiegħu. Ħafna jistaqsu mnejn ġew dawn il-kuluri. Peress li Birżebbuġa fjorixxa l-aktar fi żmien l-Ingliżi, ħafna jsostnu li l-kuluri ikħal, abjad u aħmar huma dawk li konna naraw fil-balla ta’ l-‘Air Force’ Ingliża li kellha l-ewwel ajruport tagħha proprju hawn f’Ħal-Far u fis-Sea-Plane Base ta’ Kalafrana, Birżebbuġa (Balzia, 2006).

Peress li Birżebbuġa ddur max-xatt tagħha stess u testendi ruħha anke f’żoni rurali u periferiċi, dan ir-raħal jinqasam f’diversi zoni urbani. F’din is-sezzjoni ser nitkellmu dwar dawn iz-zoni prinċipali: Ħal-Far, Bengħisa, Kalafrana, il-Qajjenza u l-inħawi magħrufa bħala Tal-Papa.

Iz-zona ta’ Ħal-Far hija waħda mill-aktar inħawi antiki tar-raħal tagħna. Tort ta’ l-iżvillup estensiv li sar f’dawn l-inħawi ħafna nies iċċaqalqu u marru joqogħdu f’postijiet oħra. Eżempju ċar ta’ kif dan kollu seħħ hija l-kappella sabiħa ta’ Sant’Anġlu li kien hemm f’dawn l-inħawi. Din il-kappella antika flimkien ma’ l-abbazzija li kien hemm magħha ġew meqruda għal kollox biex jiġu żvillupati proġetti oħra industrijali. Illum f’Ħal Far insibu ftit residenti. F’Ħal Far insibu zona industrijali ta’ fabbriki u nsibu wkoll l-ETC (Employment Training Centre).

Bengħisa huwa raħal ċkejken ħafna abitat minn xi familji. Il-post jinsab matul it-triq li minn Birżebbuġa tieħdok lejn Għar Ħasan. Bengħisa, bħal Ħal Far hija zona antika ħafna. Barra bini antik u ta’ valur storiku, insibu kommunita` ta’ nies u ħafna rziezet sbieħ u antiki. Għal qalb ħafna n-nies ta’ dawn l-inħawi hija l-kappella ddedikata lil Marija Immakulata li ta’ kull sena nhar it-8 ta’ Diċembru ssirilha festa sabiħa u devota min-nies ta’ Bengħisa u ta’ Birżebbuġa flimkien.

Kalafrana, il-post fejn qabel kienu jgħixu bosta Ingliżi, illum huwa kollu kemm hu diżabitat ħlief forsi għal xi ftit familji. Fiż-żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, f’dan il-post kien hemm it-Torpedot depot u kien ukoll iservi bħala Sea Plane Base. Għal din ir-raġuni f’dawn l-inħawi kienu joqogħdu bosta residenti Inglizi, sakemm imbagħad il-pajjiż tagħna sar Repubblika, Ħieles u Indipendenti mill-kuruna Ingliża. Illum post id-djar li kellhom l-Ingliżi f’dawn l-inħawi ħadu l-proġett tal-Malta Freeport. Illum f’Kalafrana kulma nsibu hija t-triq li minn Birżebbuġa tieħdok lejn Wied ix-Xoqqa. Il-Bajjiet sbieħ li kien hawn f’dawn linħawi, inqerdu kompletament bħal bosta affarjiet oħra fir-raħal tagħna għad-detriment tal-poplu ta’ Birżebbuġa.

Iz-zona residenzjali tal-Qajjenza, hija waħda miz-zoni residenzjali importanti f’Birżebbuġa. Din iz-zona saret imfittxija l-aktar bħala residenza permanenti fis-sebgħijnjiet, tmeninjiet u disgħijnijiet. Il-Qajjenza hija zona li tmiss eżattament mal-baħar u għalhekk ħafna jfittxuha għall-għawm matul is-sajf. Fil-Qajjenza wkoll insibu xi infrastrutturi industrijali fosthom il-kumpanija tal-gas li tipprovdi din l-enerġija lil Malta u Għawdex kollu. Huwa proprju minn hawn li ċ-ċilindri tal-gas jimtlew u jitqassmu mal-gżira kollha.

Tal-Papa hija l-isem ta’ zona residenzjali moderna, pero’ li tmur lura fiż-żmien sew. Ġan Franġisk Abela kien kiteb dwar dawn l-inħawi fl-1647 u kien kiteb hekk: ‘Due chiuse nomate tal Papa’. Dawn l-inħawi żviluppaw kif narawhom illum lejn in-nofs tas-snin tmenin meta l-gvern kien ħareġ xi plots bħala parti mill-iskema tal-Home Ownership. Dawn l-ewwel inbnew fiz-zona magħrufa bħala tal-Girgħien. Il-bini tant kemm kiber u espanda li l-plots baqgħu telgħin fl-inħawi antiki tal-Papa. Huwa għalhekk li dawn l-inħawi imbagħad ħadu dan l-istess isem tal-Papa.

Referenzi:

Balzia, M. (2006, Awissu). L-Arma ta’ Birżebbuġa u Gino Muscat Azzopardi. Minn Qalb L-Iljuni, 14, 122-123.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s