Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Archive for March, 2014

Ġurnata ta’ Mużika f’Birżebbuġa, il-Ħadd 6 t’April

Il-Ħadd 6 t’April 2014 se jkun hemm 2 programmi mużikali wieħed filgħodu u l-ieħor filgħaxija ta’ siegħa kull wieħed.  L-ewwel wieħed se jkun bejn l-10am u l-11am fi Triq San Tumas li tiġi eżatt wara l-knisja.  Dan il-programm qed isir biex tiġi inawgurata l-wirja sabiħa ta’ Ludwig Desira bl-isem ‘Passio Coelorum Rex’.

Filgħaxija bejn il-5pm u s-6pm se jkun hemm it-tieni programm mużikali li se jsir fi Triq San Mikiel, it-triq tan-naħa ta’ wara tal-iskola.  Wara dan il-programm tinfetaħ il-wirja ta’ Jurgen Camilleri bl-isem ‘Ecce Homo’.

Dawn il-programmi issa daħlu fil-kalendarju ta’ ċelebrazzjonijet tal-Ġimgħa Mqaddsa f’Birżebbuġa.  Kien fis-sena 2012 meta s-Sur Ludwig Desira fetaħ il-Wirja tiegħu bi kwintett ta’ strumenti fuq l-injam.  Fl-2013 imbagħad is-Sur Ludwig Desira għażel li jagħmel banda kompleta bi programm mużikali mżewwaq.  L-istess ħaġa għamel is-Sur Jurgen Camilleri fil-ftuħ tal-wirja tiegħu fid-19 ta’ Marzu 2013, fejn kien hemm banda ffurmata minn bandisti ħafna minnhom minn Birżebbuġa stess.

Dan juri l-ħeġġa, l-imħabba u l-interess li jeżisti hawn isfel.  Għalkemm id-diffikultajiet ma jonqsu qatt jidher li d-determinazzjoni u l-ħeġġa qegħdin hemm u qegħdin dejjem jikbru.  Wieħed jinnota wkoll l-għaqda li qiegħda ġġib din il-festa fost il-poplu ta’ Birżebbuġa.  Din qiegħda tkun festa li qed tqarreb ħafna nies flimkien.

Inħeġġu lin-nies jattendu.  Se jkun hemm siġġiet għal kulħadd.  Tħallux għall-aħħar.  Ejjew u ġibu lil ħbiebkom u lit-tfal tagħkom ħalli b’hekk inkomplu nkabbru dak li għandna f’Birżebbuġa.

Line_Endline


It-Tielet Ħadd tar-Randan (Sena A) 2014

Għajn ta’ ilma li jnixxi sal-ħajja ta’ dejjem.

L-Ewwel Qari

Agħtina ilma x’nixorbu.

Qari mill-Ktieb ta’ l-Eżodu

F’dak iż-żmien, il-poplu qabdu l-għatx, u gemgem kontra Mosè u qal: «Għalfejn tellajtna hawn mill-Eġittu biex toqtol lilna, lil uliedna u lill-bhejjem tagħna bil għatx?» Mosè għajjat quddiem il-Mulej u qal: «X’se nagħmel lil dan il-poplu? Ftit ieħor u jħaġġruni.» Il-Mulej qal lil Mosè: «Għaddi minn quddiem il-poplu, u ħu miegħek xi wħud mix-xjuħ ta’ Iżrael. Ħu f’idejk il-ħatar li bih kont drabt ix-xmara tan-Nil, u mur. Arani, jien noqgħod hemm quddiemek, fuq il-blat f’Ħoreb; u int aħbat il-blat u toħroġ minnu l-ilma, u jixrob il-poplu.» U Mosè għamel hekk quddiem ix-xjuħ ta’ Iżrael. U l-post semmewh Massa u Meriba, għax hemm tlewmu wlied Iżrael u ġarrbu lill-Mulej meta qalu: «Il-Mulej fostna jew le?»

Salm Responsorjali

Rl. : Illum jekk tisimgħu leħen il-Mulej, la twebbsux qalbkom

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena lill-Mulej, ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna! Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr, ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

Rl.

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu, għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna! Għaliex hu Alla tagħna, u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

Rl.

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu! «La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba, bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert, meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom, għalkemm raw dak li jien għamilt.»

Rl.

It-Tieni Qari

L-Imħabba ssawbet fina permezz ta’ l-Ispirtu mogħti lilna.

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, issa li aħna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu; permezz tiegħu għandna d-dħul bil-fidi għal din il-grazzja li fiha qegħdin. Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla. U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna. Mela, meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iż-żmien, miet għall-ħżiena. Bilkemm wieħed imut għal wieħed tajjeb, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed ġeneruż.  Iżda Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin.

Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Mulej, inti tassew is-Salvatur tad-dinja: agħtini l-ilma tal-ħajja, biex ma jaqbadnix l-għatx.

Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Evanġelju

Għajn ta’ ilma li jnixxi sal-ħajja ta’ dejjem.

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù ġie f’belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir. U ġiet mara mis-Samarija timla l-ilma. Ġesù qalilha:«Agħtini nixrob.» Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x’jieklu. Il-mara mis-Samarija qaltlu: «Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?» Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani.

Ġesù weġibha: «Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek: “Agħtini nixrob,” kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj.» Qaltlu l-mara: «Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?»

Weġibha Ġesù: «Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn ta’ l-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.» Qaltlu l-mara: «Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma.» Qalilha Ġesù: «Mur sejjaħ lil żewġek u erġa’ ejja hawn.» Weġbitu l-mara: «Ma għandix żewġi.» Qalilha Ġesù: «Sewwa għedt: “Ma għandix żewġi.” Inti żżewwiġt ħames darbiet, u r-raġel li għandek miegħek bħalissa m’huwiex żewġek. Sewwa weġibt!» Qaltlu l-mara: «Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm.» Qalilha Ġesù: «Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud. Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u fil-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u fil-verità.» Qaltlu l-mara: «Jiena naf li ġej il-Messija – dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna.» Qalilha Ġesù: «Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek.»

Fil-ħin ġew id-dixxipli tiegħu, u stagħġbu jarawh jitkellem ma’ mara; iżda ħadd minnhom ma staqsieh: «Xi trid?» jew: «Għax qiegħed titkellem magħha?» Il-mara ħalliet il-ġarra hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u qalet lin-nies: «Ejjew araw bniedem li qalli kull ma għamilt. Tgħid, dan il-Messija?» U n-nies ħarġu mill-belt u ġew ħdejh.

Sadattant id-dixxipli bdew jitolbuh u jgħidulu: «Rabbi, kul!» Iżda hu qalilhom: «Jien għandi ikel x’niekol li intom ma tafux bih.» Id-dixxipli għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin: «Jaqaw ġie xi ħadd u ġieblu x’jiekol?» Qalilhom Ġesù: «L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu. Intom ma tgħidux li baqa’ erba’ xhur oħra għall-ħsad? Imma araw x’ngħidilkom jien: erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad! Ġa l-ħassad qiegħed jieħu ħlasu u jiġbor il-frott għall-ħajja ta’ dejjem, biex min jiżra’ jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad. F’dan taraw kemm sewwa jingħad li wieħed jiżra’ u l-ieħor jaħsad. Jiena bgħattkom taħsdu dak li ma tħabattux għalih intom; kienu oħrajn li tħabtu, u intom dħaltu flokhom biex tgawdu l-frott tat-taħbit tagħhom.»

Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara meta qaltilhom: «Qalli kull ma għamilt,» tant, li meta s-Samaritani ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm jumejn. Imbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, u lill-mara qalulha: «Issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja.»

__________

Riflessjoni fuq it-Tielet Ħadd tar-Randan

Line_Endline


Ġita f’Għawdex f’Ħadd il-Palm 2014

Il-Kummissjoni 25 Sena Anniversarju 1990 – 2015 fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990 qed torganizza ġita interessanti ħafna għal dawk li jridu jiskopru kif tkun il-Ġimgħa Mqaddsa fil-gżira t’Għawdex.  F’Għawdex insibu diversi tradizzjonijiet marbutin mal-Ġimgħa Mqaddsa.

Il-private titlaq minn Birżebbuġa fis-7am.  Mal-wasla f’Għawdex il-kontinġent iżur il-vari tax-Xagħra, tax-Xewkija u tal-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex.  Fis-1pm il-grupp jinżel fil-Bajja sabiħa tax-Xlendi u hemmhekk ikollu ikla kompluta fir-restaurant rinomat Seashell.  Wara l-ikla se jkun hemm ħin biex il-kontinġent iżur postijiet pittoreski f’Għawdex.  Imbagħad aktar tard wara nofsinhar il-kontinġent jerġa’ jitla’ r-Rabat Għawdex fejn hemmhekk ikun jista’ jisma’ quddiesa fil-Bażilika ta’ San Ġorġ.  Wara l-quddies, il-kontinġent se jkollu siġġijiet riservati bil-lest biex jara l-purċissjoni li toħroġ mill-knisja l-oħra jiġifieri mill-Katidral ta’ Santa Marija.  Fit-8:30pm isir it-tluq lura lejn Malta bil-Gozo Ghannel.

Il-prezz huwa ta €20 biss u jinkludi t-trasport kollu fuq l-art kemm f’Malta u Għawdex; l-ikla għand is-Seashell restaurant u s-siġġijiet li se jkunu riservati għall-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.  Il-prezz ma jinkludix il-vapur.  Mhux hekk biss.  Imma se jittellgħu diversi premijiet għal min jattendi.  Kif qed taraw, din hija opportunità unika li mhux ta’ min wieħed jitlifha.  Mhux soltu li jiġu organizzati ġiti bħal dawn f’Jum Ħadd il-Palm f’Għawdex.  Għalhekk aħtfu din l-opportunità u ċemplu fuq dawn in-numri biex tibbukkjaw malajr 79062788 / 79239071 / 79459378.

Line_Endline


5 Wirjiet Tal-Ġimgħa L-Kbira f’Birżebbuġa (2014)

Għal din is-sena qed jerġgħu jarmaw il-Wirjiet tagħhom 5 min-nies dilettanti ferm tal-Ġimgħa l-Kbira.  F’dan is-sit qed nipprovdu mappa biex dawk li jkunu jridu jiġu jaraw il-wirja jkunu jafu bejn wieħed u ieħor minn fejn għandhom jgħaddu.

Il-wirjiet qed ikunu ta’ livell għoli ħafna u minn sena għal sena l-istess individwi qegħdin jorqmu dak li għandhom biex il-wirja tkompli titla’ fil-livell.  M’għandniex xi ngħidu, dawn l-esebizzjonijiet qegħdin jinżlu għasel man-nies ta’ Birżebbuġa.  Huwa ta’ sodisfazzjoni li tara li f’Birżebbuġa d-devozzjoni lejn il-Ġimgħa Mqaddsa baqgħet tixgħel u tnemnem fil-qlub ta’ ħafna devoti u entużjasti.  Huwa importanti li nużaw kull mezz biex inżommu ħajjin dawn it-tradizzjonijet u nippruvaw ngħadduhom lil ta’ warajna.  Fost dawn li qed jarmaw il-Wirja tagħhom insibu lil Joseph Mercieca li jarma fl-inħawi tal-Qajjenza, viċin Għar Dalam; Ludwig Desira li għandu l-Wirja wara l-knisja Parrokkjali ta’ San Pietru, Chris Camilleri li jtella’ wirja fejn il-ġnien ta’ wara l-knisja f’Misraħ Indipendenza,  Joe Abdilla (it-Tè) li jarma fit-telgħa ta’ Triq San Ġwann kważi kantuniera ma’ Triq Santa Katerina kif ukoll Jurgen Camilleri li jarma fi Triq San Mikiel viċin l-iskola Primarja ta’ Birżebbuġa.  Dawn il-5 min-nies qegħdin kull sena jissuperaw lilhom infushom b’wirjiet spettakulari.

Line_Endline


Eżerċizzi għal Kulħadd f’Birżebbuġa (2014)

Line_Endline


It-Tieni Ħadd tar-Randan (Sena A) 2014

It-Tieni Ħadd tar-Randan (Sena A)
Wiċċu sar jiddi bħax-xemx.

L-Ewwel Qari

Is-sejħa ta’ Abram, missier il-poplu ta’ Alla.

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, 1il-Mulej qal lil Abram:  «Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek,  u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik.  U jien nagħmlek ġens kbir, inbierkek u nkabbarlek ismek, u int tkun barka.  Jien inbierek lil min ibierkek, u nisħet lil min jisħtek.  U jitbierku bik it-tribujiet kollha ta’ l-art.»  U telaq Abram kif kien qallu l-Mulej.

Salm Responsorjali

Rl. : Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna

Sewwa hi l-kelma tal-Mulej, kollox bil-fedeltà huwa għamel.  Hu jħobb id-dritt u s-sewwa; bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.

Rl.

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu, fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu, biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom, u jaħjihom fi żmien il-ġuħ.

Rl.

Ruħna tixxennaq għall-Mulej, hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.  Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna, kif fik hi t-tama tagħna.

Rl.

It-Tieni Qari

Alla jsejħilna u jdawwalna.

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż, aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju, u afda fil-qawwa ta’ Alla, li salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux għax qies l-għemejjel tagħna, imma skond il-pjan tiegħu stess u skond il-grazzja tiegħu. Din il-grazzja tahielna qabel iż-żmien ta’ l-eternità fi Kristu Ġesù, imma dehret issa permezz tad-dehra tas-Salvatur tagħna Kristu Ġesù li qered il-mewt, u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz ta’ l-Evanġelju.

Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Fi sħaba kollha dawl, leħen il-Missier instema’: «Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.»

Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Evanġelju

Wiċċu sar jiddi bħax-xemx.

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu.  Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: «Mulej, kemm hu sew li aħna hawn!  Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija.» Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom, u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: «Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.»  Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’.  Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: «Qumu. La tibżgħux.»  Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.  Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: «Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.»

_____________________

Riflessjoni dwar it-Tieni Ħadd tar-Randan (Sena A)

Line_Endline


L-Ewwel Ħadd tar-Randan (Sena A) 2014

L-Evanġelju ta’ San Mattew (4: 1-11)

Kramskoĭ, Ivan Nikolaevich, 1837-1887. Christ in the Desert

F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: «Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż.» Iżda Ġesù wieġbu: «Hemm miktub: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.”»

Imbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: «Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek, u li fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla.”» Qallu Ġesù: «Hemm miktub ukoll: “Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek.”»

Għal darb’oħra x-xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: «Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani.» Imbagħad qallu Ġesù: «Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub: “Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi.”»

Imbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh.

__________

Riflessjoni

__________

Kramskoĭ, Ivan Nikolaevich, 1837-1887. Christ in the Desert, from Art in the Christian Tradition, a project of the Vanderbilt Divinity Library, Nashville, TN. The poet and cultural critic, Rainer Maria Rilke, was profoundly affected upon seeing Kramskoi’s painting of Christ in the Wilderness. “The painting portrayed a lonely Jesus sitting on a stone in a desert, lost in melancholy meditation. “Russian art does not become more narrow with its growing nationalism,” Rilke concluded. On the contrary, “it may be in a better position to express the higher human universals if it completely abandons everything foreign, accidental, and un-Russian.” Rilke’s advocacy of Russian nationalism has often been misinterpreted by his critics. He was not proposing a return to the confines of a cult or mindless ritual, but he believed in art as a channel or a a system of canals for focusing generally unformed national feelings and intuitions. To be authentic, Russian artistic images had to be intimately linked with millions of individual Russian souls.” [from: Rilke’s Russia: A Cultural Encounter, Anna A. Tavis. Northwestern University Press, 1997. p. 77. ]

Line_Endline