Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Archive for April, 2014

Sena d-Dieħla 2015

Knisja-Duluri-Buga

Għal min hu dilettant, il-preparazzjonijiet jibdew mill-għada li tgħaddi l-festa għas-sena ta’ wara.  Sena d-dieħla l-ġranet qaddisa tar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa se jkunu hekk:

13 ta’ Frar – 17 ta’ Frar 2015:  – Karnival

18 ta’ Frar 2015 – Ras ir-Randan

22 ta’ Marzu 2015 – Ħadd Lazzru

27 ta’ Marzu 2015 – Id-Duluri

29 ta’ Marzu 2015 – Ħadd il-Palm

1 t’April 2015 – L-Erbgħa tat-Tniebri

2 t’April 2015 – Ħamis ix-Xirka

3 t’April 2015 – Il-Ġimgħa l-Kbira

4 t’April 2015 – Sibt il-Għid

5 t’April 2015 – L-Għid il-Kbir

Line_Endline

 

 

Advertisements

L-Għid it-Tajjeb lil kulħadd (2014)

L-Irxoxt

Nixtieq minn qalbi nirringrazzja lil dawk kollha li qed jaħdmu biex Birżebbuġa ma tkunx nieqsa miċ-Ċelebrazzjonjiet tal-Għid.  L-għan tad-Dilettanti ta’ dawn il-jiem qaddisa huwa li jqarrbu kemm jista’ jkun lil Ġesù fil-qlub tan-nies.  Dawn l-użanzi mhumiex ‘paganiżmu’, kelma li sfortunatament daħlet f’ħalq ħafna nies u ħadd ma jużaha fil-kuntest it-tajjjeb.  L-użanzi li jsiru f’dan iż-żmien jgħinuna noqorbu aktar lejn dan il-misteru, ta’ bin Alla li ġie fid-dinja biex jgħix bħalna u jmut għad-dnubiet tagħna.

Nifraħ lil dawk li tellgħu l-wirjiet tagħhom, il-parroċċa li fasslet programm sħiħ ta’ ċelebrazzjonijiet, liż-żewġ għaqdiet mużikali li tellgħu kunċerti tal-mużika apposta għall-okkażjoni; lil dawk kollha li organizzaw ħarġa apposta għal dawn iż-żminijiet; lil dawk li f’Ħamis ix-Xirka ħolqu atmosfera sabiħa bix-xemgħat fuq iz-zuntier; u lil dawk li tellgħu pageant tal-Passjoni ta’ Ġesù.  Dawn kollha ħaqqhom grazzi kbira.

Kulħadd jaf kemm Birżebbuġa għadha nieqsa minn dawn l-affarijiet però b’ferħ ngħid li dawn qegħdin dejjem jiżdiedu.  Tajjeb li dan l-isforz ikun wieħed aktar kollettiv.  Fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa.  Il-koperazzjoni ta’ bejnietna trid tikber magħna.  Forsi għad jasal żmien fejn min jagħmel ħaġa jaħdem spalla ma’ spalla ma’ min jagħmel ħaġ’oħra.  Diġa qegħdin naraw pont bejn wirjiet statiċi u programmi mużikali.  Dan huwa żvilupp interessanti, sforz il-kreattività ta’ individwi però mhux biss – huwa sinjal ta’ koperazzjoni, ta’ id ta’ ħbiberija.  Qegħdin naraw ħbieb jgħinu lil xulxin, ħbieb li jmorru jdoqqu fil-programmi mużikali ta’ xulxin.  Il-Wirjiet ma baqgħux biss wirjiet ta’ statwi ċassi, iżda attività li tiġbor fiha ħafna elementi flimkien bħall-mużika u l-letteratura, armar ta’ bandalori u pavaljuni fuq barra.

Nixtieq li jispiċċa dak iż-żmien fejn grupp iħossu mkabbar u maqtugħ għalih, jew niffissaw fuq l-idea li l-modern jipprevali fuq il-ħoss tradizzjonali iżda sinjur tal-banda mużikali.  Ix-xewqa hija li dawn l-isforzi xi darba jimmaterjalizzaw f’prodott kollettiv.  Min jaf jekk xi darba naslux nagħmluha?  Irħula oħra diġa qegħdin jagħmlu hekk.  Imma l-ewwel irridu nkissru l-ostakli li hemm bejnietna, ostakli li wieħed jaħseb li huwa ‘l fuq mill-ieħor.  Il-ħolma hija li xi darba Birżebbuġa tingħaqad flimkien għal attività waħda u singolari.  Sakemm naslu għal dik il-maturità rridu sadanittant nibqgħu nippreservaw l-attivitajiet u l-inizjattivi personali, għax jekk ma jinżammux ħajjin dawn – żgur ma nistgħux nagħmlu pass ieħor ‘il quddiem.

Minn dan is-sit nixtieq nerġa’ nifraħ lil kulħadd għax dak li ġie organizzat hawn isfel kien tajjeb u kien ta’ livell għoli.  Il-kompitu tagħna huwa li nħarsu ‘l quddiem u nesploraw possibiltajiet oħra li fihom entitajiet diversi jistgħu jingħaqdu flimkien u joħolqu xi ħaġa.  Irridu nħarsu lejn il-koperazzjoni bejn l-għaqdiet flimkien u nimxu minn hemm.  F’Birżebbuġa jeżisti talent kbir imma kemm minn dan it-talent qiegħed jissarraf?  Kemm minn dan it-talent qiegħed jintilef?  X’inhu jiġri miż-żgħażagħ ta’ Birżebbuġa?  Mit-talenti tagħhom?  Qegħdin nitilfuhom?  Hemm aktar żgħażagħ li jistgħu jagħtu kontribut kulturali?  X’aħna nagħmlu biex nilħquhom?  Qegħdin naħdmu biżżejjed biex lil dan ir-raħal nagħtuh identità kulturali speċjalment fil-qasam tal-kultura popolari reliġjuża?  Dan ir-raħal sabiħ tagħna ġie mgħammed taħt Ommna Marija Addolorata u maż-żmien ġie kkonsagrat lil San Pietru Appostlu. Naħseb qegħdin tindunaw li ż-żewġ personaġġi huma fost l-iktar importanti għall-knisja Kattolika imma mhux biss – iż-żewġ personaġġi huma parti kbira mill-istorja tal-Passjoni ta’ Ġesù.  Dan għandu jimlina b’aktar ħeġġa biex il-ħidma lejn l-ikbar festa tal-knisja tagħna nkomplu nkabbruha fir-raħal tagħna, mhux biex nintilfu fit-tiżjin u t-tlellix, li huma wkoll importanti imma l-iktar biex dawn l-affarijiet jgħinuna nersqu u nifhmu aktar lil Alla.

Line_Endline


LEJL QADDIS: Ġesù Veru Alla … jirbaħ lill-Mewt

Line_Endline


Il-Funzjoni tal-lejla tal-Vġili tal-Għid kif tkun?

HolySaturday

Illejla il-Knisja Kattolika tfakkar il-Vġili tal-Għid il-Kbir.  Il-Liturġija tal-Vġili ta’ l-Għid hija mimlija simboli. Fil-quddiesa tal-lejla jispikkaw erba’ taqsimiet:

  1. Tberik tan-Nar,il-mixgħela tal-Blandun u Tħabbira ta’ l-Għid
  2. Liturġija tal-Kelma
  3. Liturġija tal-Magħmudija
  4. Liturġija ta’ l-Ewkaristija

Il-Magħmudija tkun element qawwi u ċentrali f’din il-funzjoni. Magħha jintrabat ukoll it-tiġdid tal-wegħdiet tal-Magħmudija li kull Nisrani kien għamel fil-Magħmudija tiegħu.  Matul il-ġurnata ma tiġi ċċelebrata l-ebda quddiesa.

“F’Sibt il-Għid il-Knisja tishar mal-qabar tal-Mulej, timmedita fuq il-passjoni u l-mewt, u l-inżul fil-limbu, u tistenna b’sawm u talb il-qawmien”

Din hi l-omm tal-vġejjel kollha għax il-knisja tistenna l-qawmien tal-Mulej, ir-rebħa u ħelsien mid-dnub:

“Dik il-lejla kienet waħda ta’ sahra għall-Mulej biex ħariġhom mill-Eġittu, għalhekk dan l-istess lejl hu lejl ta’ sahra tal-Mulej għal ulied Iżrael, minn nisel għal nisel” (Eż 12,42)

Tberik-tad-dawl-u-tan-Nar-fil-Vgili-tal-Ghid

Il-Mixgħela tal-Blandun

  • Il-blandun jitnaqqax fih forma ta’ salib li jfisser: Kristu lbieraħ, illum, bidu u tmiem.
  • Mill-ħuġġieġa b’nar ġdid jinxtegħel l-blandun ġdid.
  • Is-saċerdot jitla’ bih mgħolli ‘l fuq fid-dlam – id-dawl ta’ Kristu jirbaħ d-dlam, jbiddel il-lejl f’jum. Il-knisja tiddi bid-dawl ta’ kull xemgħa. Il-poplu mgħammed jrodd ħajr lill-Alla.

Tberik-tal-Ilma-Vgili-tal-Ghid

L-Exultet

  • Dan hu innu sabiħ u solenni li jitkanta f’dan il-Lejl qaddis.
  • Filwaqt li jħabbar din il-festa jispjega il-kobor ta’ dan il-lejl u jistieden lill-kommunita għall-ferħ li jġib miegħu l-misteru ta’ l-Għid.

Liturġija tal-Kelma

  • Jinqraw 9 qari b’kollox:

7 mill-Antik Testment:  Dawn juru mumenti importanti mill-Istorja tas-Salvazzjoni qabel il-milja taż-żminijiet, ibda mill-

  1. Ħolqien,
  2. Abraham l-wegħda,
  3. Mose u l-ħelsien,
  4. Iżaija jħabbar il-ħelsien mill-Eżilju ta’ Babilonja
  5. flimkien ma’ Baruk, jistieden lil-poplu jersaq lejn Alla
  6. (l-istess) flimkien ma’ Baruk, jistieden lil-poplu jersaq lejn Alla
  7. Eżekjel u l-wegħda ta ħelsien

Glorja

  • Is-Saċerdot jintona għall-ewwel darba dan l-Innu filwaqt li jindaqqu l-qniepen sinjal ta’ ferħ.

Liturġija tal-Kelma

Jinqraw 2 qari mill-Ġdid Testment:

  • Epistola mill-ittra lir-Rumani (L-Epistola: Rumani 6: 3-11):  Pawlu jħeġġeġ lill-kommunità tiftakar li l-magħmudija hi għażla: mewt għad-dnub u qawmien għall-ħajja. Dan kollu hu għax Kristu qam.
    • Salm Responsorjali: Salm 117
  • Evangelju: Mark (16: 1-8):  Ir-rakkont tan-nisa li marru jaraw il-qabar u jidhrilhom Kristu maż-żerniq ta’ l-Ewwel Jum tal-Ġimgħa.

Liturġija tal-Magħmudija

  • Wara Randan sħiħ ta’ preparazzjoni biex jagħmlu l-għażla li jiċħdu d-dnub u l-ħajja ta’ qabel il-Knisja tagħżel dan il-lejl tant qaddis biex il-bniedem il-qadim jegħreq fl-ilma u jqum għall-ħajja dak ġdid.
  • Il-Kommunità wkoll iġġedded il-wegħdiet li għamlet fil-Magħmudija.

Liturġija Ewkaristika

  • Din hi l-quċċata taċ-Ċelebrazzjoni – Kristu qam u għadu magħna jingħata għalina.
  • Il-Kristjan jista’ jieħu sehem mil-lum fl-Għid li ma jispiċċa qatt “Din hi l-ħajja ta’ dejjem li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru u lill-Ġesu Kristu li inti bgħatt.” (Ġw 17,3)

Line_Endline


Fil-Ħemda Nistennew il-Qawmien tal-Mulej

NISHRU FIL-ĦEMDA
MAL-MULEJ
F’DAN IL-ĦIN
TA’ DLAM
FIL-QABAR TIEGĦU
… NISTENNEWH IQUM MILL-IMWIET

Waslet l-aħħar ġurnata tar-Randan, Sibt il-Għid.  Ilbieraħ ikkommemorajna l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Filgħodu komplew is-7 Visti u fit-3pm bdiet il-funzjoni fil-knisja.  F’ħafna lokalitajiet kien hemm attività sħiħa marbuta mal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.  Bla dubju hija ġurnata mistennija minn ħafna u jkolli ngħid li hija verament ġurnata li tgħaqqad il-Maltin.  Il-Maltin b’xorti tajba għadhom jagħtu importanza lil din il-ġurnata.

Is-Sibt hija pjuttost ġurnata kalma u kwieta ħafna.  Filgħodu ma jsirx quddies, imma filgħaxija tibda l-funzjoni tal-Vġili tal-Għid.  Skont il-liturġija din tibda biss la darba tkun niżlet ix-xemx.  Hija l-ġurnata fejn il-kuntrast bejn id-dawl u d-dlam jingħata importanza kbira.  Tant hu hekk li f’din il-ġurnata jsir it-tberik tad-dawl fil-bidu tal-funzjoni.  Il-knisja tkun fid-dlam u hawnhekk jitbierek il-blandun.  Għaliex jitbierek id-dawl u n-nar?  X’għandu x’jaqsam in-nar?  Mela l-knisja tuża n-nar?  Dażgur li tużah.  Dan tagħmlu pereżempju meta titwieled tarbija ġdida u fil-magħmudija tagħha tinxtegħel xemgħa.  L-istess nar insibuh fil-blandun lijitpoġġa quddiem il-mejjet f’xi funeral.  In-nar jissimbolizza t-tama t’Alla, id-dawl fid-dlam.  Dan il-lejl Ġesù Alla se jagħti l-ikbar prova tal-qawwa tiegħu.  Sakemm dam ħaj qajjem diversi mejtin mill-imwiet imma issa se jagħtina prova ikbar għas għad li hu mejjet se jerġa jieħu l-ħajja mill-ġdid bis-saħħa mogħtija lilu minn Alla l-Missier.

Lumen Christi – id-Dawl ta’ Kristu jikser id-dlam li waqà meta miet Ġesù.  Il-Qawmien tal-Mulej se jikser id-dlam tal-Imwiet.  Il-mewt mhjiex finali – dak hu l-messaġġ.  Fir-rakkont tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu nsibu diversi analoġiji ma’ ħajjitna.  Ġesù huwa s-Salvatur tad-dinja u t-Tama tal-bniedem.  Alla wkoll iwiegħdna li xi darba nerġgħu nqumu miegħu bir-ruħ u bil-ġisem.

Sakemm jasal il-ħin u l-waqt li fih niċċelebraw il-Qawmien, nishru ma’ Ġesù f’dan il-ħin ta’ meditazzjoni u desolazzjoni fid-dlam tal-qabar tiegħu.

Line_Endline


Tifkiriet sbieħ Tar-Rappreżentazzjonijiet Drammatizzati kollha mtellgħin mill-dilettanti tal-Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Iċ-Ċenaklu (2004)

Kienet is-sena 2004, meta wħud mill-membri xtaqu li jagħtu dehera ġdida lill-wirja tal-Ġimgħa l-Kbira tas-Soċjeta’. Xi membri ġiethom l-idea li jibdew itellgħu dramm qasir tal-Ġimgħa Mqaddsa. Hekk sar u dan id-dramm ġie mogħti l-isem ta’ ‘Iċ-Ċenaklu’ b’direzzjoni ta’ Stephen Farrugia. F’din l-ewwel edizzjoni saret re-enactment tal-aħħar ċena. Id-dramm huwa rrakkuntat minn għajnejn Ġuda. Jiftaħ bi prologu u jispiċċa b’epilogu minn narratur li b’vuċi u b’daħka sarkastika jiġġustifika l-għaġir innoċenti ta’ Ġuda u fl-istess ħin jikkundanna l-għażla suwiċidja tiegħu. Id-dramm kien ikkumplimentat minn mużika addatata u kkaraterizzat minn mumenti ħiemda bħax-xena tal-ħasil tar-riġlejn u kontemplattivi bħax-xena tal-qsim tal-ħobż. Il-wirja ġiet inawgurata f’Ħadd il-Palm 4 t’April, u damet sal-Ġimgħa l-Kbira 9 t’April 2004

Int L-Iben t’Alla (2005)

Wara s-suċċess li kellha l-preżentazzjoni drammatizzata taċ-Ċenaklu fis-sena 2004, il-Kummissjoni Wirja Ġimgħa Mqaddsa reġgħet ippjanat biex għas-sena 2005 terġa ttellgħa preżentazzjoni drammatizzata oħra din id-darba bl-isem “Int l-Iben t’Alla?’. Il-produzzjoni reġgħet ġiet fdata f’idejn Stephen Farrugia. Din id-darba id-dramm kien ibbażat fuq diversi xeni. Fis-sena 2005, barra x-xena ta’ l-Aħħar Ċena ġiet maħduma wkoll ix-xena fil-ġnien tal-Ġetsemani, it-tradiment ta’ Ġuda, il-ġudizzju quddiem is-Sinedriju u fl-aħħar iżda mhux l-inqas iċ-ċaħda ta’ Pietru fil-bitħa tal-palazz. Dan id-dramm inkluda fih numru akbar ta’ atturi mis-soltu. L-attrazzjoni prinċipali kienet dik tas-Sinedriju, b’xenarju mill-isbaħ maħdum bl-għajnuna tas-Sur Lawrence Coleiro. Il-wirja nfetħet f’Ħadd il-Palm 20 ta’ Marzu u ntemmet fil-25 ta’ Marzu 2005.

Int Min Int? (2006)

‘Int Min Int!?’ hija l-mistoqsija li Pilatu għamel lil Ġesu meta ġabuh quddiemu. F’din is-sena id-dramm tas-Soċjeta’ kien irrakkuntat minn għajnejn Pilatu. B’differenza tal-edizzjonijiet l-imgħoddija, din is-sena dan id-dramm inkluda fih preżentazzjonijiet multiviżwali. Il-livell milħuq huwa professjonali.

Din hija t-tielet sena li s-Soċjeta’ qed torganizza din il-manifestazzjoni mfittxija minn ħafna nies. Tista’ tgħid li din hija waħda mill-akbar attivitajiet wara l-festa titulari. Din is-sena l-Kummissjoni Wirja Ġimgħa Mqaddsa reġghet iffokat l-attenzjoni tagħha fuq ir-Rappreżentazzjoni Drammatika li hija l-qofol tal-wirja kollha li jkollna fis-sede tas-Soċjeta’. Il-Wirja Ġimgħa Mqaddsa dejjem tara kif dan id-dramm ikun dejjem isbaħ u dejjem oriġinali. Din is-sena filfatt il-kummissjoni għandha fi ħsiebha li tħawwar din ir-reċta b’siltiet multiviżivi projettati fuq big-screen. M’għandniex xi ngħidu, biċċa xogħol bħal din ħadet xhur sħaħ ta’ preparazzjoni. Għalhekk din is-sena id-dilettanti bravi tal-palk tas-Soċjeta’ tagħna kellhom ħafna xogħol quddiemhom mhux biss ta’ acting imma anke ta’ filming, f’lokalitajiet differenti.

Meta din l-attivita’ saret għall-ewwel darba, id-direttur ibbaża d-dramm minn għajnejn Ġuda. Din is-sena minflok se jkun Pilatu li se jirrakontalna l-ġrajja tal-Passjoni ta’ Kristu. Dan narawh mill-ewwel fil-bidu tad-dramm meta b’ton inkwetat Pilatu jirrakkonta l-ġrajja pass wara pass. Lil Pilatu nerġgħu narawh wara fil-filmat meta s-sinedriju jieħu lil Ġesu fil-bitħa tal-palazz. Pilatu ma jsibx ħtija f’Ġesu, imma s-Sinedriju jkompli jinsisti. Jordna li jingħatha swat lil Ġesu imma s-sinedriju jibqa’ jinsisti li għandu jiġi kkundannat. Pilatu joffri l-għażla lill-poplu li jeħles priġunier u hawn jinġieb quddiem il-folla lil Barabbas, parti maħduma minn Walter Pace. Imma l-poplu wkoll jikkundanna lil Ġesu. Pilatu jordna li jdaħħlu lil Ġesu ġewwa l-palazz u hawnhekk naraw djalogu sabiħ bejn Pilatu u Ġesu. Ġesu jiġi kkundannat u Pilatu jispiċċa jagħmel djalogu mal-udejnza u jaqsiha ‘Lesti intom li bħal dan Ġesu, tissawtu u tissalbu għal elfejn darba, għall-fidwa tal-bniedem?’

Kif għidna diġa din is-sena sar ħafna xogħol ta’ filming dejjem bl-għajnuna professjonali ta’ Pinkishline Studios li offrew is-servizz tagħhom mingħajr ħlas. Il-filming huwa maqsum fi 3 episodji. L-ewwel wieħed inġibed f’lokalita’ sabiħa f’Birżebbuġa ġo wied mimli żebbuġ. Hawnhekk ġiet miġbuda x-xena tal-ġnien tal-Ġetsemani. It-tieni filming kienet biċċa xogħol kbira mhux ħażin peress li din id-darba l-filming kellu jsir barra Birżebbuġa u kien hemm bżonn ta’ ħafna atturi. Il-filming sar fil-lokalita’ tal-Birgu u ħa ġurnata sħiħa. L-aħħar film reġa’ nġibed f’wied differenti f’Birżebbuġa stess. Hawn hekk naraw lil Ġuda jinkwieta u jitħasseb fuq dak li kien għadu kif għamel. Fil-pront jilmaħ lil żewġ appostli jidjalogaw bejniethom u juru d-diżżapunt tagħhom għat-tradiment tiegħu. Ġuda mimli mistħija jistaħba u jisma’ kollox dak kollu li bdew jgħidu ħbiebu l-appostli. Malli jitilqu mill-post, Ġuda jinħakem minn sens ta’ ħtija kbira u f’ferħ ta’ ġenn jagħżel li jissuwiċidja ruħu.

Fis-sena 2005, ġie deċiż li d-dramm ikollu aktar minn xena waħda. Dik is-sena bl-għajnuna ta’ ħafna membri dilettanti rnexxielhom jaħdmu xenarju mill-isbaħ tas-Sinedriju. Din is-sena l-Kummissjoni Wirja Ġimgħa Mqaddsa flimkien mad-Direttur tad-dramm Stephen Farrugia u bosta membri bravi oħra ħadu l-inizzjattiva li għal din is-sena jaħdmu x-xenarju tal-palazz ta’ Pilatu. M’hemmx kliem biex tfaħħar il-mod li bih dan ix-xenarju ġie armat u dekorat. Barra minn hekk is-sala li fih qed issir din l-attivita’ ġiet armata kif suppost. Kif għidna qabel Pilatu se jmur lura fiż-żmien u jiftakar fid-deċiżjonijiet li kellu jieħu. Għal dan il-għan ġiet armata wkoll Via Sagra mal-ħitan. Bħas-soltu ġiet armata wkoll ix-xena ta’ l-Aħħar Ċena li fiha se jaħdmu wkoll xi atturi ġodda. Kemm ix-xenarju u kemm il-film li jintwera jikkumplimentaw ħafna lil xulxin. Biex din il-preżentazzjoni multiviżiva tkun kemm jista’ jkun realistika, kemm fil-film kif ukoll fid-dramm jieħdu sehem l-istess atturi.

Il-Messija! (2007)

Wara s-suċċess enormi fis-sena 2006, il-membri dilettanti ta’ din il-Wirja ħasbu biex ikomplu jsaħħu dak li kienu bdew, billi jkomplu bis-sistema tal-filming, dejjem grazzi għall-familja Cachia u l-kumpanija rinomata tagħhom ‘Pinkishline Studios’.  Prattikament, komplejna fejn ħallejna s-sena ta’ qabel.  hekk naraw li f’din is-sena rajna l-mixja ta’ Ġesu Krista Sidna lejn il-Gologota, il-laqgħa maċ-Ċirinew u l-Veronika.  Rajna t-Tisliba kif ukoll ix-xena tal-Pieta’, meta Marija laqgħet fi ħdanha l-ġisem mejjet ta’ Ġesu, l-iben tagħha.  Din kienet sfida kbira għal dawk li ħadu sehem, jekk wieħed jieħu in konsiderazzjoni l-ġarr ta’ apparat delikat u tqil f’lokalitajiet remoti imma mill-aktar pittoreski fir-raħal tant sabiħ tagħna ta’ Birżebbuġa, bħal ngħidu aħna Wied Dalam fejn inġibdet ix-xena kollha tal-Golgota u t-Tisliba ta’ Ġesu, parti li għal darb’oħra ġiet interpretata minn Robert Baldacchino.  Ta’ min isemmi wkoll li f’din is-sena rajna l-introduzzjoni tal-personaġġ ta’ Erodi, ix-xena meta Ġesu deher quddiem Erodi wara li -Sinedriju kien għadu kif interrogah.  Din is-sena kellna parteċipazzjoni akbar ta’ atturi li kompla jkabbar din l-akbar attivita’ fis-Soċjeta’ wara l-Festa Titulari.  F’din il-biċċa xogħol daqshekk enormi u ambizzjuża, kellu jiżdied il-vestwarju u apparat ieħor marbut ma’ din l-ikbar ġrajja fl-istorja reliġjuża tal-bniedem.  Bħas-soltu l-konkorrenza kienet waħda numeruża li minn sena għal sena tkompli tagħmel kuraġġ lid-dilettanti ta’ din l-għaqda.

L-Imnikkta (2008)

Is-sena 2008, kienet tirrapreżenta l-5 edizzjoni ta’ din l-attivita’, li bdiet b’mod sempliċi bix-xena taċ-Ċenaklu u splodiet biex saret waħda mill-aktar okkażjonijiet mistennija minn ħafna nies minn Birżebbuġa li ta’ kull sena wara li jkunu għamlu l-viżti ta’ Ħamis ix-Xirka, jinżlu fis-Sede tas-Soċjeta’ biex jassistu għal din ir-Rappreżentazzjoni Drammatizzata Multiviżiva.  Għal din il-5 edizzjoni, id-dilettanti ta’ din il-wirja ħasbu li kellhom jagħmlu xi ħaġa speċjali u l-ħsieb tagħhom malajr waqa’ fuq l-għażla ta’ Sidtna Ommna Marija.  Ir-raġuni għal din l-għażla kienet waħda awtomatika, billi f’Birżebbuġa d-devozzjoni lejn Ommna Marija Addolorata hija waħda speċjali, u dan għaliex għal żmien twil kienet hi t-Titular ewlieni ta’ dan ir-raħal qabel ma l-Isqof Mauro Caruana wera x-xewqa li l-knisja l-ġdida ta’ Birżebbuġa tkun iddedikata lil San Pietru Appostlu fil-Ktajjen.  It-titlu li ntagħżel għal din il-wirja kien l-Imnikkta, ovjament ir-referenza hija ċara u indikattiva ħafna, li tipponta lejn Marija Santissima.  Dan id-dramm rajnih minn għajnejn il-Madonna u li fih kien hemm involuta wkoll il-Madalena.  Għal dan id-dramm inġibdu xeni spettakolari tal-Aħħar Ċena, tas-Sinedriju u taċ-Ċaħda ta’ Pietru f’Manoel Island, dejjem grazzi għall-familja Cachia u d-ditta ‘Pinkishline Studios’ li dejjem offrew is-servizz tagħhom b’mod volontarju u b’mod Professjonali għall-aħħar.  Tajjeb li ngħidu li bl-ammont ta’ kostumi sbieħ ta’ suldati Rumani li ntużaw u standardi leġjonari Rumani, il-kumitat direttiv ħaseb biex jesponi dawn il-kostumi u l-atturi rispettivi barra l-każin bejn rappreżentazzjoni u oħra. 

Kuntrast (2009)

Is-sena 2009, rat dramm b’titlu interessanti, titlu li mhux is-soltu narawh applikat lil drammi ta’ din ix-xorta.  It-titlu li ntagħżel għal dan id-dramm kien “Kuntrast” u bħala sotto titlu Qatt qabbilt lilek innifsek ma’ xi ħadd?  Din is-sena sar kollox b’mod differenti.  It-tema magħżula kienet waħda moderna, minn dawk it-tip ta’ scripts li jfakkruk f’letteratura moderna soċjo-psikoloġika u anke l-palk li ntrama, għad li l-kostumi u l-vestwajru baqa’ dak tradizzjonali, il-palk din id-darba kien wieħed modern u sempliċi għall-aħħar.  L-istorja ta’ din is-sena kellha tiżvolġi bejn żewġ persuni differenti, li jikkuntrastaw appuntu!  Iż-żewġ persuni nvoluti, kienu Ġesu u Ġuda, li għexu fl-istess żmien, mifrudin biss min-natura speċjali tagħhom: waħda divina u l-oħra umana, waħda qaddisa u l-oħra dagħjfa.  Li tgħid li l-ħajja ta’ Ġuda u Ġuda nnifsu huma dagħjfin hija tajba imma mhux preċiża.  Pietru wkoll kellu natura dagħjfa imma għaraf jitlob maħfra, mentri Ġuda mgħobbi b’toqol tant kbir, waqa’ f’dalma li ma setgħax jagħraf joħroġ minnha.  Ġuda nesa jew forsi qatt ma ta każ dak li Ġesu kien ilu jippriedka quddiemu, li Alla huwa Mħabba u huwa wkoll Maħfra.  Minkejja dan kollu, d-distinzjoni prinċipali f’dan id-dramm saret biss bejn il-personaġġi ta’ Ġesu u Ġuda.  F’dan id-dramm assistejna għal mumenti saljenti mill-ħajja ta’ Ġesu, bħal ngħidu aħna l-mistoqsijiet li sarulu fuq il-midinba.   Il-mixja lejn it-tmiem ta’ dan id-dramm teħodna lejn il-mewt taż-żewġ atturi prinċipali, Ġesu u Ġuda, wieħed fuq is-salib fuq naħa tal-Palk u l-ieħor mgħallaq mas-siġra fuq in-naħa l-oħra tal-Palk, xena li verament ħolqot kuntrast.  Id-differenza kollha hija, kif wara kollox nafu anke mill-kitba eċċezzjonali ta’ dan l-iscript li fin-natura qaddisa tiegħu Ġesu jirxoxta, għax hekk kien miktub u għax il-mewt tiegħu kellha tifdi l-bnedmin kollha mentri l-mewt ta’ Ġuda kienet mewt ta’ bniedem rassenjat, tqil bil-ħafna ħsibijiet koroh li bdew jifnuh.  Madankollu wieħed irid jifhem ukoll li Ġuda kien strumentali biex il-passjoni ta’ Ġesu Krista Sidna jkollha l-bidu tagħha.  Għal darb’oħra erġajna assistejna għall-interpretazzjoni ta’ diversi atturi bravi.  Ta’ min jgħid li l-parti prinċipali ta’ Ġesu ta’ din is-sena nħadmet b’tant preċiżjoni u reqqa minn Neville Farrugia Cann.

L-Aħħar Ikla (2010)

Is-sena 2010, kellha tkun sena speċjali ħafna għas-Soċjeta’ tagħna, għaliex fiha ġie ċċelebrat l-20 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda u tas-Soċjeta’.  Ta’ min jgħid li l-Kumitat Eżekuttiv kellu l-ħsieb li biex jikkommemora dan l-anniversarju, il-Banda tagħmel it-tieni mawra tagħha fil-qalba tal-iktar post li għandu kult b’rabta ma’ San Pietru, jiġifieri ‘Ruma’.  Il-mawra kellha sseħħ ftit jiem ‘il bogħod mill-Ġimgħa Mqaddsa, anzi biex inkunu aktar preċiżi, din kellha ssir l-għada tal-Għid il-Kbir, f’dik li Ruma jsejħulha Pasquetta.  Dan ovjament iddetermina mhux ftit il-ħidma tad-dramm li kien hemm pjanat għal din is-sena.  Minkejja kollox id-dramm sar u sar kif kellu jsir b’serjeta’ u b’kreattivita’ liema bħalha.  Din id-darba filfatt bħal qisu erġajna morna lura għall-għeruq tal-bidu, meta d-dramm sar għall-ewwel darba.  Hekk naraw li din id-darba reġgħet saret l-Aħħar Ċena, b’mod kreattiv ħafna li fiha ġie nvolut anke l-pubbliku.  Hawnhekk erġajna rajna l-parteċipazzjoni tal-Madonna u diversi atturi oħra bravi ta’ din is-Soċjeta’.

Emmint?! (2011)

Is-sena 2011, bid-differenza tas-snin ta’ qabel se naraw dramm li se jeħodna lura għal dawk l-avvenimenti li seħħew sewwasew wara l-Qawmien ta’ Kristu.  Hawnhekk jispikka l-element misterjuż tal-qawmien ta’ Ġesu, fatt li mhux kulħadd seta’ jemmen, kważi kważi lanqas l-appostli stess.  Kemm kienet qawwija il-Fidi tagħhom?  Kemm ftakru, xtarrew u ħasbu f’dak li Ġesu kien qalilhom fit-tliet snin li qattgħu miegħu?  Kienu fehmu li Ġesu stess kellu jqum mill-imwiet wara tliet ijiem?  Kienu fehmuh li l-qawwa tiegħu t’Alla kienet tissupera d-dlam u s-skiet li ġġib magħha l-mewt?  Setgħu jifhmu li Ġesu kien Alla u la kien Alla, allura la kellu bidu u lanqas tmiem?  L-Appostli intagħżlu għax Ġesu ried li jkollu xhieda, xhieda ta’ miraklu u t-tagħlim li kellu jxerred imma fuq kollox xhieda tal-mewt u l-qawmien tiegħu.  Ġesu deher lill-appostli bosta drabi qabel it-tlugħ tiegħu fis-sema, u l-appostli setgħu biss jegħlbu l-biża’ tagħhom meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuqhom fil-forma ta’ lsien tan-nar.  Qabel din il-ġurnata kif konna qed ngħidu, l-appostli kienu kollha beżgħana u dubjużi, b’Tumas l-ewwel fuq kulħadd.  Ġesu bħal kieku jistaqsina Imma int emmint?  Intom temmnu?  Temmnu avolja ma tarawx?  Henjin dawk li jemmnu u ma jarawx.  Dan id-dramm ġie muri għall-ewwel darba nhar Ħadd il-Palm 17 t’April 2011 filgħodu fis-Sede tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa AD. 1990, il-Ġawhra San Pietru.

Line_Endline


Gallery

IS-SULTAN – Wirja tal-Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Line_Endline