Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

F’Malta

F’kuntrast mal-ferħ u l-allegrija kkulurita tal-Karnival li jiġi ċċelebrat hawn Malta, il-Ġimgħa Mqaddsa f’dawn il-gżejjer hija ċċelebrata b’devozzjoni kbira u għożża liema bħalha. F’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ xeħta mill-aktar reliġjuża l-Maltin imorru fil-knejjes armati tagħhom biex jikkommemoraw il-mewt, il-passjoni u l-qawmien ta’ Ġesu Kristu. Żmien ir-Randan jibda eżatti l-għada stess li jispiċċa l-Karnival. Ras ir-Randan hija wkoll magħrufa bħala l-Erbgħa tal-Irmied u dan għaliex l-ewwel ġurnata tar-randan dejjem taqa’ l-Erbgħa erbgħin ġurnata qabel l-Għid il-Kbir. Hija magħrufa bħala tal-Irmied għax f’din il-ġurnata fil-knejjes tagħna ssir ċerimonja qasira fejn iċ-ċelebrant jitfa’ l-irmied fuq ir-ras tal-kongregazzjoni u jlissen il-kelmiet “Irmid kont u rmid terġa’ ssir”.

Il-Ġimgħa Mqaddsa tista’ tgħid li tibda l-ġimgħa ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira, jew fi kliem aktar sempliċi, fid-Duluri. F’din il-ġurnata, l-istatwa tad-Duluri tinħareġ proċessjonalment fit-toroq ta’ kull parroċċa. Il-Maltin huma devoti ħafna tad-Duluri u ħafna jkunu dawk li jmorru jitolbu wara l-vara tad-Duluri. Dik tal-belt hija waħda mill-aktar devoti li nsibu ġewwa gżiritna. Ma rridux ninsew lanqas il-parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar li għad-Duluri hija ddedikata l-parroċċa u fl-aħħar iżda mhux l-inqas dik tal-parroċċa tagħna ta’ Birżebbuġa li fil-qedem kienet l-ewwel titular tal-parroċċa tagħna. Filfatt f’Birżebbuġa għad hawn devozzjoni kbira ħafna sal-lum lejn id-Duluri.

F’Ħadd il-Palm ikun hawn diversi manifestazzjonijiet ġewwa gżiritna. Il-Ħadd filgħodu diversi parroċċi jagħmlu bħal proċessjoni bit-tberik tal-palm u taż-żebbuġ. Diversi jkunu dawk il-baned li jtellgħu xi programm ta’ marċi funebri u mużika sagra f’din il-ġurnata. Filgħaxija l-attivita’ tkompli tiżdied partikolarment fil-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq fejn issir il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira bil-vari li għandu l-istess raħal. Barra minn hekk isiru wkoll diversi pegeants matul it-toroq ta’ diversi rħula bħal dak tal-Marsa u ta’ Ħal Għargħur. Illum il-ġurnata qed jiżdiedu anke pegeants sbieħ organizzati mill-għaqdiet mużikali bħal dawk li jsiru ġewwa Birkirkara u anke Raħal Ġdid. Ta’ interess partikolari hija l-purċissjoni u l-pegeant li jsir f’Ħal Tarxien is-Sibt ta’ qabel Ħadd il-Palm fejn barra l-personaġġi sbieħ, jieħdu sehem ukoll tliet baned mistiedna.

F’Ħamis ix-Xirka mbagħad, ġurnata qabel il-Ġimgħa l-Kbira, ħafna jkunu dawk li jmorru l-knisja biex jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni u jassistu għaċ-ċerimonja tal-ħasil tar-riġlejn u għad-deposizzjoni ta’ Ġesu Ewkaristija ġewwa s-sepulkru. Tard filgħaxija jibdew ukoll il-Via Sagra. Għadha drawwa sal-lum għal diversi familji li jagħmlu dawk li nsejħulhom is-seba’ viżti.

F’dawn iż-zminijiet jittellgħu ukoll diversi wirjiet partikolarment tal-imwejjed ta’ l-Aħħar Ċena. L-iktar waħda antika u forsi l-aktar magħrufa hija dik tal-Belt li ssir fl-Oratorju tal-Parroċċa ta’ San Duminku. F’Bormla u anke f’Ħaż Żebbuġ jittellgħu diversi wirjiet ta’ livell għoli ħafna wkoll.

Waħda mill-aktar ġranet mistennija hija dik tal-Ġimgħa l-Kbira, il-ġurnata li fiha jiġi mħares luttu u penitenza f’kull rokna tal-gżira. Postijiet bħal diskoteki u ċinema jinżammu magħluqa u filgħaxija jsiru l-purċissjonijiet sbieħ tal-Ġimgħa l-Kbira tant mistennija minn ħafna nies madwar Malta u Għawdex. Mingħajr ebda dubju dawn il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira huma l-qofol ta’ dawn il-jiem tant devoti tal-Maltin. F’dawn il-purċissjonijiet tant sbieħ li fihom barra l-istatwi, jieħdu sehem ukoll numru kbir ta’ Maltin billi jilbsu kostumi ta’ diversi persunaġġi bibbliċi kemm mit-testment l-antik kif ukoll mit-testment il-ġdid.

Ħadd il-Għid hija wkoll ġurnata sabiħa ħafna għal ħafna Maltin. Il-purċissjonijiet li jsiru matul din il-ġurnata sabiħa joffru spettaklu differenti minn dak karrabi tal-Ġimgħa l-Kbira. Fost l-isbaħ purċissjonijiet tal-Għid il-Kbir jiġifieri tal-Irxoxt wieħed ma jistax ma jsemmix dawk tat-tliet ibliet jew tal-Kottonera, jiġifieri tal-Birgu, Bormla u l-Isla. Fil-purċissjoni l-vara ta’ Kristu Rxoxt tintrtefa ‘l fuq minn diversi żgħażagħ u nies oħra bħala sinjal ta’ rebħ, jiġifieri r-rebħa kbira li għamel Ġesu Kristu fuq it-tenebri tal-mewt. Matul il-purċissjoni jieħdu sehem anke l-baned tal-lokal bid-daqq ta’ marċi brijużi u anke valzi apposta. F’ċerti postijiet ir-reffiegħa jiddeċiedu wkoll li jagħmlu dik il-ġirja tradizzjonali bl-istatwa tal-Irxoxt.

Imma l-Għid il-Kbir hija wkoll il-ġurnata fejn bosta familji jiltaqgħu flimkien u jagħtu xi rigali żgħar lil xulxin jew inkella jieħdu okkażjoni mix-xemx sabiħa primaverili biex jagħmlu xi ħarġa sabiħa wara nofs in-nhar fil-kampanja Maltija. Hawn Malta, il-gastronomija marbuta mal-ġurnata tal-Għid il-kbir ma tfissirx biss bajd taċ-ċikkulata imma kif hija tradizzjonlament magħrufa, il-‘figolla’ torta magħmula mill-intrita u lewż mitħun titqassam lil kull tifel u tifla li jkunu qagħdu sewwa u osservaw il-penitenzi tagħhom matul iż-żmien tar-Randan. Il-kelma ‘figolla’ hija kelma b’oriġini Siċiljani mill-kelma figurella jiġifieri figura. Jingħad li l-figolla bdiet tiġi maħduma meta darba xi furnara ġiethom l-idea brillanti li jżidu xi ħlewwiet mal-ftira, billi jpoġġu fuqha bajda taċ-ċikkulata mgeżwra f’karta ħamra, simbolu tal-fertilita’. Skond il-mitoloġija Griega, il-figolla kienet ukoll tiġi offruta lil alla Astarte l-alla tal-fertilita’.

Hawn Malta il-festa tal-Għid tasal fil-konklużjoni tagħha l-Erbgħa ta’ wara l-Għid il-Kbir, il-ġurnata li fiha aħna l-Maltin niċċelebraw il-festa ta’ San Girgor, festa storika ta’ radd il-ħajr lil Alla mill-ħelsien tal-marda qerrieda tal-pesta li qatlet mal-11,000 ruħ fis-sena 1675-6. Tant hu hekk li fil-parroċċa qrib tagħna taż-Żejtun għadha ssir sal-lum il-purċissjoni devota mill-parroċċa l-qadima ta’ San Girgor sal-Knisja Arċipretali taż-Żejtun. F’din il-ġurnata diversi Maltin jinżlu wkoll Marsaxlokk biex iduru max-xatt, jilagħbu t-tombla u jieħdu pjaċir bix-xemx sabiħa tar-Rebbiegħa.

Fiż-żmien ta’ wara l-Għid f’kull parroċċa jsir it-tberik tad-djar mill-kappillan u mill-kleru. Kull familja tipprepara d-dar tagħha mill-aħjar li tista’ sabiex meta jiġi l-kappillan kollox ikun bil-lest u pulit. Fil-ġurnata tat-tberik il-kappillan jew wieħed mill-qassisin jiltaqa’ mal-familji u wara li jagħmel xi talb iroxx l-ilma mbierek mad-dar u fuq il-membri tal-familja. Hija wżanza sabiħa tal-Maltin li fil-ġurnata tat-tberik il-familja tilqa’ l-qassis mill-aħjar li tista’ u barra li jippreparaw xi biskuttini u gallettini, jagħtu xi elemożina lill-qassis u lill-abbati li jkun qed jakkumpanjah bħala ringrazzjament tas-serizz u ż-żjara tagħhom.

F’jum Lapsi, fil-Belt ta’ Bormla għad hemm ukoll l-użanza li l-banda tal-lokal jiġifieri l-Banda San Ġorġ, tagħmel marċ mat-toroq tar-raħal biex tfakkar it-tlugħ fis-sema ta’ Sidna Ġesu Kristu.

One response

  1. lawrence

    wirja privata f’dar birzebbuga http://www.facebook.com/media/set/?set=a.3805181613464.53981486.1395101643&type=3

    March 28, 2013 at 3:55 pm

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s