Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

L-Għid il-Kbir fil-memorja ta’ nies minn Birżebbuġa!

L-Għid fl-imgħoddi – rikordji minn Malta u l-Ingilterra ta’ nies minn Birżebbuġa.

Paulina Agius neè Bonello,
(81 sena)
Trabbiet Bormla, l-Belt u Birżebbuġa.
Iżżewġet u kellha erbat itfal. Illum armla u tgħix fid-Dar tal-Anzjani fiż-Żejtun.

“Dak iż-żmien konna nagħtu ħafna importanza l-purċissjonijiet tad-Duluri u tal-Ġimgħa l-Kbira. Kien għad kelli xi ħames snin meta konna noqgħodu Bormla, u niftakar kif dakinhar tal-Għid, kienu joħorġu bl-Irxoxt, u t-tfal kienu kollha joħorġu bil-figolla tagħhom biex iberikielhom il-qassis. Illum it-tberik tal-figolli għadhom jagħmluha f’xi rħula, imma dak iż-żmien kulħadd kien joħroġ bil-figolla quddiem l-Irxoxt. Għadni niftakarhom jiġru bl-Irxoxt matul it-triq kollha, u kien ikun hemm briju kbir, speċjalment miż-żgħażagħ.

Il-figolli tgħidx kemm kienu jagħmluhom sbieħ, isbaħ minn tal-lum. Kienu jħobbu jagħmlu xi figura ta’ mara bil-qoffa f’idha, u kienu jiksuha biċ-ċikkulata u jżejnuha sabiħa. Kienu jagħmlu wkoll il-bajd taċ-ċikkulata, ma kienx ikun fin bħal tal-lum għax iċ-ċikkulata kienet daqsxejn raffa, imma kienet tkun tajba. Anki xi rigal ġo fihom għat-tfal kienu jagħmlu. Għal żmien ir-Randan kienu jagħmlu l-karamelli tal-ħarrub u l-kwareżimal, imma dak iż-żmien kienu jaħdmuhom mod ieħor.

Imbagħad f’nofsinhar il-familja kienet tinġabar għall-ikel. Dak iż-żmien għall-ikla tal-Għid in-nies kienet tħobb issajjar xi ħaruf jew xi ħasi. Imma l-ħaruf tal-Għid kien iktar popolari. Konna nagħmlu dixx bil-ħaruf u ieħor bil-patata u nieħduh għand il-furnar, għax dak iż-żmien ħafna nies ma kellhomx forn fid-dar. Il-furnar kien iżommilna xi tliet soldi, skont il-kobor tad-dixx. Niftakar li kienu jagħmlu festa kbira, u ħafna nies kienu jistiednu l-ħbieb u l-qraba. Imbagħad wara l-ikla kienu jixorbu ħafna inbid u jdumu għaddejin biċ-ċelebrazzjonijiet u l-briju sa filgħaxija.

Wieħed irid jiftakar li dak iż-żmien kulħadd kien isum matul ir-Randan kollu, u ħafna nies kienu joqogħdu biss b’loqma ħobz u naqra ilma. Seba’ bukkuni kienu jgħidulha. Kien hemm ukoll min kien saħansitra joħroġ jittallabha dik il-loqma ħobż! Kienu jieklu forsi ikla waħda fil-ġurnata, imma mill-bqija, speċjalment nhar ta’ Ġimgħa, ħobż u ilma biss kienu jieħdu. Għalhekk li l-Għid, meta jasal, kien jintlaqa’ b’daqstant briju!”

 

Patricia Dalli nee` Golden,
(72 sena)
Irlandiża, iżda trabbiet fl-Ingilterra.
Kellha tlett itfal u ilha snin twal toqgħod Malta.
Illum tgħix f’Birżebbuġa flimkien ma’ żewġha.

“Jien gejja minn familja Irlandiża, iżda konna ngħixu fl-Ingilterra. Niftakar li ommi kienet tixtrilna bajda kull wieħed, iżda ma kinitx tixtrihom f’daqqa, peress li konna ħafna. Jien kelli sitt aħwa, u konna kollha bniet! Allura ommi kienet tibda minn seba’ ġimgħat qabel u tixtri bajda kull ġimgħa, u wara terfagħhielna f’cupboard fil-għoli.

Imbagħad meta jasal l-Għid, il-bajd konna ngħalluhom u nużaw il-qxur tal-basal biex jiġu b’kulur skur. Aħna t-tfal konna nkomplu nżejnuhom billi nlibbsu l-bajda b’xi kappell, jew meta jfettlilna npinġu wkoll xi wiċċ fuqha. Dawn konna nsejħulhom paste eggs, bil-kelma paste ġejja minn pasch, li tfisser Għid.

Bħala ħelu għall-Għid konna nagħmlu dak li jissejjaħ simnel cake, li jkun qisu kejk tal-Milied imma jkun fih inqas frott. Fl-Ingilterra ma konniex nagħmlu figolli jew qagħaq tal-għasel, u lanqas ħobż tal-appostli ma niftakar li kellna.

Bħala ċelebrazzjonijet fl-Ingilterra ma kienx hemm purċissjonijiet, imma kellna kompetizzjonijiet imsejjħa egg rolling, li kienu jsiru fl-Għid. Dawn il-kompetizzjonijiet kienu popolari ħafna man-nies, speċjalment mat-tfal, u kienu jikkonsistu fi tlielaq bil-bajd. Niftakar li aħna t-tfal konna ninġabru fuq xi għolja, kulħadd b’bajda mgħollija f’idejh. Dawk kollha li jkunu se jieħdu sehem kienu joqogħdu f’linja dritta fit-tarf tal-għolja, u meta jingħata s-sinjal kulħadd jixħet il-bajda tiegħu titgerbeb għal isfel. Ir-rebbieħ kien ikun dak li l-bajda tiegħu tasal l-ewwel!

Fl-Ingilterra ma kienx jiġi l-qassis ibierek fid-djar bħal ma jsir hawnhekk, għax apparti li fl-Ingilterra hemm ħafna iktar kobor, il-Kattolici qegħdin mifruxa. Għalhekk, minflok ma jdur bieb bieb, il-qassis kien joħroġ barra mill-Knisja u jbierek fid-direzzjonijiet tal-Tramuntana, tan-Nofsinhar, tal-Punent u tal-Lvant, f’att simboliku biex jolqot lill-Kattoliċi kollha li jkunu jabitaw f’dawk il-viċinanzi.”

Referenzi:

Dan huwa excerpt minn artiklu li deher fuq il-ġurnal eletroniku ‘Kulħadd’ bit-titlu Kurżitajiet marbuta mal-Festa tal-Għid il-Kbir, li ġie ppublikat fit-23 t’April 2011.  L-awtriċi ta’ dan l-artiklu hija Ritianne Agius.  Dan l-artiklu instab online illum 28 t’April 2011 fuq l-url http://www.kullhadd.com/201104232812/Ahbarijiet/kurzitajiet-marbuta-mal-festa-tal-ghid-il-kbir.html

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s