Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Infakkru l-Mewt, il-Passjoni u l-Qawmien ta’ Kristu f’Birżebbuġa. (Editorjal 2015)

1981846_10152301195234675_6831513733079751099_n

Ftit siegħat oħra u ma’ tmiem il-Karnival nagħtu bidu għat-tifkira tal-Mewt u l-Passjoni ta’ Ġesù Kristu, veru Alla u veru bniedem.  Ġesù jirrapreżenta l-ħaruf li kellu jiġi sagrifikat biex il-poplu ta’ Alla jkun jista’ jsalva.  Dan huwa misteru kbir.  Alla li jibgħat lill-iben waħdieni tiegħu biex jiċċekken u jinżel fil-livell tal-bniedem.  Il-Kristjaneżmu huwa bbażżat appuntu fuq il-ħajja u t-tagħlim li ħallielna Ġesù.  X’tifsira għandhom it-33 sena li Ġesù kien magħna fuq din l-art?  Ħafna.  It-tagħlim li ħallielna huwa l-patt il-ġdid li għamel Alla mal-poplu tiegħu, patt miftuħ għall-bnedmin kollha tad-dinja u mhux għall-poplu Lhudi biss.

X’tifsira għandhom dawn il-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir?  Hemm sens li niċċelebrawh kif niċċelebrawh aħna l-Maltin?  Hemm sens fil-purċissjonijiet u l-esebizzjonijiet li nagħmlu?  Ta’ spiss fuq il-gazzetti u blogs oħra lokali naqraw kummenti dispreġjattivi kontra dawn it-tradizzjonijiet Maltin.  Il-misteru tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù jirrapreżenta ftit jew wisq il-ħajja tagħna fuq din l-art.  Il-mewt u t-tbatija ta’ Ġesù hija l-mewt u t-tbatija tagħna.  Il-Qawmien ta’ Ġesù hija t-tama tagħna għall-ħajja aħjar wara din id-dinja.  Iż-żmien li fih nikkommemoraw it-tbatija u l-mewt ta’ Ġesù għandha ġġiegħlna nirriflettu fuq il-mortalità tagħna.  Fl-ewwel ġurnata tar-Randan, fil-funzjoni li ssir ġewwa l-knisja, is-saċerdot jgħidilna b’mod dirett ‘trab kont u trab trid terġa’ ssir’ filwaqt li jroxx fuq rasna l-irmied tal-friegħi maħruqa taż-żebbuġ.  Bil-mewt ta’ Ġesù għandna niftakru fit-tbatijiet tagħna, fid-dnubiet tagħna, fil-limitazzjonijiet tagħna.  Żmien il-Ġimgħa Mqaddsa għandu jservi bħala żmien ta’ riflessjoni u tisfija.  Barra minn din l-esperjenza personali u profonda, żmien il-Ġimgħa Mqaddsa huwa wkoll żmien li fih infakkru passi importanti fil-Liturġija tagħna:  it-twaqqif tas-Saċerdozju u tal-Ewkaristija.  Għalhekk il-funzjonijiet fil-knisja jieħdu wkoll dimensjoni importanti daqs ir-riflessjoni u l-esperjenza personali li semmejna ftit qabel.  Il-programm liturġiku minn dan il-lat huwa rikk, huwa patrimonju tal-Knisja li jmur lura għal mijiet ta’ snin.

Mar-riflessjonijiet personali li kull individwu jagħmel matul dawn il-ġranet anke bis-saħħa ta’ diversi eżerċizzji li jiġu organizzati flimkien mal-funzjonijiet liturġiċi li jsiru ġewwa l-knisja biex bihom infakkru t-twaqqif ta’ diversi sagramenti istituwiti minn Ġesù nnifsu, wieħed ma jistax iħalli barra t-tradizzjoni popolari reliġjuża.  Din bla dubju ta’ xejn għandha post speċjali f’qalb il-Maltin.  Din hija espressjoni ta’ fidi, kultura u arti.  Din l-espressjoni tqarreb lil ħafna nies lejn il-misteru tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù.  Għaldaqstant ħadd m’għandu jħossu privileġġat li jirridikola jew jattakka lil dawk li jħobbu dawn l-affarijiet u li permezz tagħhom iħossuhom qrib t’Alla.  Ġesù stess niżel f’din id-dinja, tlaħħam u ma baqgħax spirtu.  F’ħafna reliġjonijiet fid-dinja, il-figura ta’ Alla hija biss fil-forma ta’ spirtu.  Ir-reliġjon tagħna mhijiex hekk.  Aħna nemmnu li Alla tlaħħam bħalna u għadda mill-esperjenza umana.  Għalhekk il-figuri u l-arti li b’xi mod tirrapreżenta lil Ġesù hija leġittima u hemm lok għaliha.  Mhijiex paġaniżmu jew idolatrija.

F’Birżebbuġa, grupp imdaqqas ta’ nies  qed jerġgħu jaħdmu biex jagħtu spettaklu ta’ arti, jagħtu ċans lill-individwi biex iżuru l-wirja tagħhom u jkollhom okkażjoni li jirriflettu fuq dan il-Misteru reliġjuż.  Jidher li se jkun hemm xi wirjiet ġodda u dan jawgura tajjeb ħafna.  Il-mużika ma tonqosx u bi pjaċir ngħid li żewġ wirjiet minnhom bħas-snin l-imgħoddija se jkunu qed jinfetħu bil-mużika ta’ grupp volontarju ta’ mużiċisti bravi.  Quddiem dan kollu bilfors li wieħed irid ifaħħar dan l-entużjażmu.  Li tara grupp ta’ żgħażagħ jieħu inizjattiva biex ifakkar dan iż-żmien għażiż hija xi ħaġa ta’ min ifaħħar.  Prosit lil kulħadd.  Dawn in-nies għandhom jiġu rikonoxxuti.  Inħeġġeġ lill-Kunsill biex jagħti iktar importanza lil dawn l-attivitajiet kulturali u jgħin iktar lil dawn il-volontarji.  Wieħed jirringrazzja wkoll il-Knisja ta’ Birżebbuġa, il-Kappillan, il-viċi u l-Kleru tal-għajnuna.  Kemm hu sabiħ li wieħed jinkoraġixxi dawn l-affarijiet, speċjalment meta qed ngħixu f’dinja fejn ħafna miż-żgħażagħ qed jintilfu f’ħinijiet twal quddiem xi playstation.  Dan il-wirt irridu nieħdu ħsiebu u rridu nneħħu l-istigma li tpoġġiet fuqu dawn l-aħħar snin.  Hija ħasra meta tisma’ ċertu nies awtorevoli jitkellmu kontra dawn l-użanzi.  Dan huwa ħażin ħafna.

Nagħlaq dan il-messaġġ li nagħmel ta’ kull sena fuq dan il-Blog billi nwiegħed l-għajnuna tiegħi kollha sabiexl-attivitajiet li jsiru f’Birżebbuġa jkunu reklamati ma’ Malta u Għawdex kollu.  Birżebbuġa hija ddedikata kemm għal San Pietru u anke għad-Duluri, żewġ personaġġi li fl-istorja tal-Passjoni ta’ Ġesù għandhom rwol importanti ħafna.  Il-veru fatt li Birżebbuġa kienet iddedikata lid-Duluri għandha tagħtina spinta biex nagħmlu minn dan iż-żmien teżor kbir ta’ fidi u kultura.  Birżebbuġa għandha tħossha kburija li kienet mgħammda taħt id-Dulur ta’ Sidtna Marija.  Nirringrazzja lil dawk kollha li qed jaħdmu biex ikabbru l-Kultura ta’ dawn iż-żminijiet f’Birżebbuġa.  Kull sena qed jiżdiedu fil-kwalità u l-kwantità.  Ħadd m’għandu jaqta’ qalbu.  Bis-saħħa tal-wirjiet u l-mużika li qed norganizzaw qegħdin nagħtu gost lil ħafna nies kemm minn Birżebbuġa u kemm minn barra Birżebbuġa.

Nawguralkom żmien sabiħ ta’ riflessjoni mal-Passjoni ta’ Ġesù u ċelebrazzjonijiet ta’ kuntentizza mal-Qawmien tiegħu mill-Imwiet.

Webmaster
17/2/2015

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s