Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

L-Għid it-Tajjeb lil kulħadd (2014)

L-Irxoxt

Nixtieq minn qalbi nirringrazzja lil dawk kollha li qed jaħdmu biex Birżebbuġa ma tkunx nieqsa miċ-Ċelebrazzjonjiet tal-Għid.  L-għan tad-Dilettanti ta’ dawn il-jiem qaddisa huwa li jqarrbu kemm jista’ jkun lil Ġesù fil-qlub tan-nies.  Dawn l-użanzi mhumiex ‘paganiżmu’, kelma li sfortunatament daħlet f’ħalq ħafna nies u ħadd ma jużaha fil-kuntest it-tajjjeb.  L-użanzi li jsiru f’dan iż-żmien jgħinuna noqorbu aktar lejn dan il-misteru, ta’ bin Alla li ġie fid-dinja biex jgħix bħalna u jmut għad-dnubiet tagħna.

Nifraħ lil dawk li tellgħu l-wirjiet tagħhom, il-parroċċa li fasslet programm sħiħ ta’ ċelebrazzjonijiet, liż-żewġ għaqdiet mużikali li tellgħu kunċerti tal-mużika apposta għall-okkażjoni; lil dawk kollha li organizzaw ħarġa apposta għal dawn iż-żminijiet; lil dawk li f’Ħamis ix-Xirka ħolqu atmosfera sabiħa bix-xemgħat fuq iz-zuntier; u lil dawk li tellgħu pageant tal-Passjoni ta’ Ġesù.  Dawn kollha ħaqqhom grazzi kbira.

Kulħadd jaf kemm Birżebbuġa għadha nieqsa minn dawn l-affarijiet però b’ferħ ngħid li dawn qegħdin dejjem jiżdiedu.  Tajjeb li dan l-isforz ikun wieħed aktar kollettiv.  Fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa.  Il-koperazzjoni ta’ bejnietna trid tikber magħna.  Forsi għad jasal żmien fejn min jagħmel ħaġa jaħdem spalla ma’ spalla ma’ min jagħmel ħaġ’oħra.  Diġa qegħdin naraw pont bejn wirjiet statiċi u programmi mużikali.  Dan huwa żvilupp interessanti, sforz il-kreattività ta’ individwi però mhux biss – huwa sinjal ta’ koperazzjoni, ta’ id ta’ ħbiberija.  Qegħdin naraw ħbieb jgħinu lil xulxin, ħbieb li jmorru jdoqqu fil-programmi mużikali ta’ xulxin.  Il-Wirjiet ma baqgħux biss wirjiet ta’ statwi ċassi, iżda attività li tiġbor fiha ħafna elementi flimkien bħall-mużika u l-letteratura, armar ta’ bandalori u pavaljuni fuq barra.

Nixtieq li jispiċċa dak iż-żmien fejn grupp iħossu mkabbar u maqtugħ għalih, jew niffissaw fuq l-idea li l-modern jipprevali fuq il-ħoss tradizzjonali iżda sinjur tal-banda mużikali.  Ix-xewqa hija li dawn l-isforzi xi darba jimmaterjalizzaw f’prodott kollettiv.  Min jaf jekk xi darba naslux nagħmluha?  Irħula oħra diġa qegħdin jagħmlu hekk.  Imma l-ewwel irridu nkissru l-ostakli li hemm bejnietna, ostakli li wieħed jaħseb li huwa ‘l fuq mill-ieħor.  Il-ħolma hija li xi darba Birżebbuġa tingħaqad flimkien għal attività waħda u singolari.  Sakemm naslu għal dik il-maturità rridu sadanittant nibqgħu nippreservaw l-attivitajiet u l-inizjattivi personali, għax jekk ma jinżammux ħajjin dawn – żgur ma nistgħux nagħmlu pass ieħor ‘il quddiem.

Minn dan is-sit nixtieq nerġa’ nifraħ lil kulħadd għax dak li ġie organizzat hawn isfel kien tajjeb u kien ta’ livell għoli.  Il-kompitu tagħna huwa li nħarsu ‘l quddiem u nesploraw possibiltajiet oħra li fihom entitajiet diversi jistgħu jingħaqdu flimkien u joħolqu xi ħaġa.  Irridu nħarsu lejn il-koperazzjoni bejn l-għaqdiet flimkien u nimxu minn hemm.  F’Birżebbuġa jeżisti talent kbir imma kemm minn dan it-talent qiegħed jissarraf?  Kemm minn dan it-talent qiegħed jintilef?  X’inhu jiġri miż-żgħażagħ ta’ Birżebbuġa?  Mit-talenti tagħhom?  Qegħdin nitilfuhom?  Hemm aktar żgħażagħ li jistgħu jagħtu kontribut kulturali?  X’aħna nagħmlu biex nilħquhom?  Qegħdin naħdmu biżżejjed biex lil dan ir-raħal nagħtuh identità kulturali speċjalment fil-qasam tal-kultura popolari reliġjuża?  Dan ir-raħal sabiħ tagħna ġie mgħammed taħt Ommna Marija Addolorata u maż-żmien ġie kkonsagrat lil San Pietru Appostlu. Naħseb qegħdin tindunaw li ż-żewġ personaġġi huma fost l-iktar importanti għall-knisja Kattolika imma mhux biss – iż-żewġ personaġġi huma parti kbira mill-istorja tal-Passjoni ta’ Ġesù.  Dan għandu jimlina b’aktar ħeġġa biex il-ħidma lejn l-ikbar festa tal-knisja tagħna nkomplu nkabbruha fir-raħal tagħna, mhux biex nintilfu fit-tiżjin u t-tlellix, li huma wkoll importanti imma l-iktar biex dawn l-affarijiet jgħinuna nersqu u nifhmu aktar lil Alla.

Line_Endline

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s