Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Ħadd il-Palm 2014

Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej

Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu skond San Mattew

L-Ewwel Qari

Ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir.

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Sidi l-Mulej tani lsien ta’ wieħed jitgħallem,
biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma.
Ta’ kull filgħodu jqajjimli lil widinti,
biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem.
Sidi l-Mulej fetaħli widinti,
u jiena ma webbistx rasi,
ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,
ħaddejja lil dawk li kien jnittfuli lħiti;
ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Sidi l-Mulej jgħinni,
għalhekk ma nitħawwadx;
għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma jkollix mniex nistħi.

Salm Responsorjali

Rl. : Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?

Dawk kollha li jarawni jidħku bija,
jgħajbuni, iħarrku rashom u jgħidu:
«F’idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!
Ħa jsalvah hu, għax bih jitgħaxxaq!» Rl.

Qabda klieb daru għalija;
ġemgħa nies ħżiena rassewni.
Taqqbuli idejja u riġlejja;
nista’ ngħodd għadmi kollu. Rl.

Ħwejġi qasmu bejniethom,
jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.
Mulej, la titbegħidx minni;
qawwa tiegħi, fittex għinni! Rl.

Inxandar ismek lil ħuti;
infaħħrek f’nofs il-ġemgħa.
Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu;
sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb!
ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael! Rl.

It-Tieni Qari

Kristu ċekken lilu nnifsu; għalhekk Alla għollieh.

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin
Ġesù Kristu li għad li kellu n-natura ta’ Alla,
ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,
iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir,
sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem;
ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet
u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem,
biex fl-isem ta’ Ġesù
– fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art –
il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkubbtejhom,
u kull ilsien jistqarr:
«Ġesù Kristu hu l-Mulej,»
għall-glorja ta’ Alla l-Missier.

Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Minħabba fina Kristu obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet,
u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem.
Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Evanġelju

Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu skond San Mattew

K F’dak iż-żmien, wieħed mit-Tnax, jismu Ġuda l-Iskarjota, mar
għand il-qassisin il-kbar u qalilhom:
S «Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f’idejkom?»
K U huma tawh tletin biċċa tal-fidda bħala ħlas. Minn dak il-ħin
beda jfittex okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom.
Fl-ewwel jum ta’ l-Ażżmi d-dixxipli resqu lejn Ġesù u qalulu:
S «Fejn tridna nħejjulek l-ikla tal-Għid?»
K U hu qalilhom:
«Morru l-belt għand it-tali, u għidulu: “Qallek l-Imgħallem:
Is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel l-ikla tal-Għid għandek
mad-dixxipli tiegħi.”»
K Id-dixxipli għamlu kif ordnalhom Ġesù u ħejjew l-ikla ta’
l-Għid. Għall-ħin ta’ filgħaxija qagħad fuq il-mejda flimkien
mat-Tnax, u waqt l-ikel qal:
«Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini.»
Huma bdew isewdu qalbhom ħafna u kull wieħed minnhom
beda jsaqsih:
S «Jaqaw jien, Mulej?»
K U Ġesù weġibhom:
«Dak li jmidd idu u jbill il-ħobż fi platt wieħed miegħi, dak li se
jittradini. Bin il-bniedem imur kif hemm miktub fuqu imma
ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem
ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak
il-bniedem li kieku ma twieled xejn!»
K Qabeż Ġuda, dak li ttradieh, u qallu:
S «Jaqaw jien, Rabbi?»
K Wieġbu Ġesù:
«Int qiegħed tgħidu.»
K Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu,
newlu lid-dixxipli u qal:
«Ħudu, kulu, dan hu ġismi.»
K Imbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, newlilhom il-kalċi u
qal:
«Ixorbu lkoll minnu, għax dan huwa demmi, id-demm tal-Patt,
li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet. Ngħidilkom,
li ma nerġax nixrob iżjed minn dan il-frott tad-dielja sa dakinhar
li nixrob inbid ġdid magħkom fis-Saltna ta’ Missieri.»
K Kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imbagħad
Ġesù qalilhom:
«Ilkoll kemm intom se titħawdu minħabba fija f’dan il-lejl;
għax hemm miktub: “Nidrob ir-ragħaj, u n-nagħaġ tal-merħla
jitferrxu.” Imma wara li nqum mill-mewt, immur il-Galilija
qabilkom.»
K Qabeż Pietru u qallu:
S «Jekk kulħadd jitħawwad minħabba fik, jiena ma nitħawwad
qatt.»
K Qallu Ġesù:
«Tassew, ngħidlek, li dal-lejl, qabel ma jidden is-serduk, int tkun
ġa ċħadtni tliet darbiet.»
K Qallu Pietru:
S «Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut miegħek!»
K U d-dixxipli l-oħra wkoll, kulħadd qal l-istess.
Imbagħad Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu wasal f’qasam,
jgħidulu l-Ġetsemani, u qal lid-dixxipli:
«Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm immur hemmhekk nitlob.»
K U ħa miegħu lil Pietru u ż-żewġ ulied ta’ Żebedew, u beda
jsewwed qalbu u jiddejjaq. Imbagħad qalilhom:
«Għandi ruħi mnikkta għall-mewt, ibqgħu hawn u ishru
miegħi.»
K Mexa kemmxejn ’il quddiem, inxteħet wiċċu fl-art jitlob u jgħid:
«Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma
mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.»
K Ġie ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin; u qal lil Pietru:
«Mela ma flaħtux tishru siegħa waħda miegħi? Ishru u itolbu
biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem
dgħajjef.»
K Għat-tieni darba raġa’ mar jitlob u qal:
«Missieri, jekk dan il-kalċi ma jistax jgħaddi mingħajr ma
nixorbu, tkun magħmula r-rieda tiegħek.»
K Mill-ġdid ġie u sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu tqal
bin-ngħas. Ħalliehom, u raġa’ mar jitlob għat-tielet darba, u
qal l-istess kliem. Imbagħad ġie ħdejn id-dixxipli u qalilhom:
«Issa se torqdu u tistrieħu? Ara, is-siegħa waslet, u Bin
il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-midinbin. Qumu! Ejjew
immorru! Araw, dak li se jittradini huwa fil-qrib!»
K Kif kien għadu jitkellem, ġie Ġuda, wieħed mit-Tnax,
b’ġemgħa kbira ta’ nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten,
mibgħuta mill-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu. Issa dak li
kien se jittradih kien tahom sinjal u qalilhom:
S «Lil dak li nbus, dak hu: aqbduh.»
K U minnufih resaq fuq Ġesù; u qallu:
«Is-sliem għalik, Rabbi!»
K U biesu. U Ġesù qallu:
«Ħabib, għalhekk ġejt int!»
K Huma resqu lejh, meddew idejhom fuq Ġesù u qabduh.
Wieħed minn dawk li kienu ma’ Ġesù ħareġ idu u silet
is-sejf, darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu.
Imbagħad Ġesù qallu:
«Erġa’ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf
jinqered. Taħseb int li ma nistax nitlob lil Missieri u jibgħatli
issa stess aktar minn tnax-il leġjun ta’ anġli? Iżda mbagħad kif
isseħħ l-Iskrittura li tgħid li hekk għandu jsir?»
K Fl-istess waqt Ġesù qal:
«Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u bil-bsaten
biex taqbdu lili! Jien kuljum kont inkun bilqiegħda fit-tempju
ngħallem, u ma żammejtunix. Iżda dan kollu ġara biex isseħħ
il-kitba tal-profeti.»
K Imbagħad id-dixxipli kollha telquh u ħarbu. Dawk li qabdu
lil Ġesù ħaduh quddiem Kajfa, il-qassis il-kbir, fejn ġa kienu
nġabru l-kittieba u x-xjuħ. Pietru kien baqa’ miexi warajh
mill-bogħod sal-palazz tal-qassis il-kbir; daħal ġewwa u qagħad
bilqiegħda mal-qaddejja biex jara kif kienet se tintemm il-biċċa.
Il-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollha bdew ifittxu xhieda foloz
kontra Ġesù bil-ħsieb li jagħtuh il-mewt, iżda għalkemm resqu
bosta xhieda foloz, ma sabux fuqiex jixluh. Fl-aħħar resqu tnejn
u qalu:
S «Dan qal: “Nista’ nħott it-tempju ta’ Alla u nerġa’ nibnih fi tlitt
ijiem.”»
K Il-qassis il-kbir qam u qallu:
S «Xejn ma twieġeb? X’inhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?»
K Imma Ġesù baqa’ sieket. Imbagħad il-qassis il-kbir qabad u
qallu:
S «Aħlifli fuq Alla l-ħaj u għidilna jekk intix il-Messija, Bin Alla.»
K Qallu Ġesù:
«Inti qiegħed tgħidu. U ngħidilkom ukoll: minn issa ’l quddiem
għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta’
dak li jista’ kollox u ġej fuq is-sħab tas-sema.»
K Imbagħad il-qassis il-kbir ċarrat ilbiesu u qal:
S «Din dagħwa! Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda? Ara, smajtuha
issa d-dagħwa! X’jidhrilkom?»
K Huma weġbuh u qalu:
S «Ħaqqu l-mewt.»
K Imbagħad beżqulu f’wiċċu u tawh bil-ponn, u xi wħud tawh
bil-ħarta u qalulu:
S «Aqta’ min tahielek, Messija, din id-daqqa!»
K Intant Pietru kien hemm barra bilqiegħda, fil-bitħa tal-palazz.
U resqet fuqu waħda qaddejja u qaltlu:
S «Int ukoll kont ma’ Ġesù tal-Galilija!»
K Imma hu ċaħad quddiem kulħadd u qal:
S «Anqas naf xi trid tgħid.»
K Imbagħad warrab lejn il-bieb, lemħitu qaddejja oħra u qalet lil
dawk li kienu hemm:
S «Dan kien ma’ Ġesù ta’ Nażaret.»
K U raġa’ ċaħad u ħalef:
S «Jien ma nafux lil dan il-bniedem!»
K Wara ftit dawk l-istess nies resqu lejn Pietru u qalulu:
S «Tassew, inti wkoll wieħed minnhom, għax għandek il-kisra ta’
kliemek tikxfek.»
K Imbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef:
S «Le, ma nafux lil dan il-bniedem!»
K U minnufih is-serduk idden. U Pietru ftakar fil-kliem ta’ Ġesù
meta qallu: «Qabel ma s-serduk jidden, int tkun ġa ċħadtni tliet
darbiet.» U ħareġ ’il barra jibki biki ta’ qsim il-qalb.
K L-għada filgħodu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu ftiehmu
lkoll bejniethom biex lil Ġesù jaqtgħuhielu għall-mewt. Rabtuh
u ħaduh magħhom biex jagħtuh f’idejn Pilatu, il-gvernatur.
Imbagħad Ġuda, it-traditur, meta ra li Ġesù kien ikkundannat,
nidem u mar bit-tletin biċċa tal-fidda għand il-qassisin il-kbar u
x-xjuħ biex jerġa’ jagħtihomlhom lura; u qalilhom:
S «Dnibt, għax ittradejt demm bla ħtija!»
K Iżda huma qalulu:
S «Aħna din x’inhi affari tagħna? Dak arah int!»
K Hu waddab il-flus fis-santwarju, telaq u mar tgħallaq.
Imbagħad il-qassisin il-kbar ġabru l-flus minn hemm u qalu:
S «Dawn ma nistgħux inqegħduhom ma’ l-offerti, għax huma
prezz tad-demm.»
K Ftiehmu bejniethom, u b’dawk il-flus xtraw “l-Għalqa ta’
Ħaddiem il-Fuħħar,” biex fiha jidfnu l-barranin. Kien għalhekk
li dik l-għalqa ssemmiet “l-Għalqa tad-Demm”, u hekk għadha
magħrufa sa llum. Imbagħad seħħ dak li kien ingħad permezz
tal-profeta Ġeremija meta qal: «U ħadu t-tletin biċċa tal-fidda,
il-prezz ta’ dak li kien stmat bil-prezz mogħti minn ulied Iżrael,
u tawhom għall-għalqa ta’ ħaddiem il-fuħħar, kif ikkmandani
l-Mulej.»
K Ġesù waqaf quddiem il-gvernatur, u dan staqsieh:
S «Int is-sultan tal-Lhud?»
K U Ġesù wieġbu:
«Int qiegħed tgħidu.»
K Iżda meta l-qassisin il-kbar u x-xjuħ bdew jakkużawh, hu ma
wieġeb xejn. Għalhekk Pilatu qallu:
S «M’intix tisma’ kemm ħwejjeġ qegħdin jixhdu kontra tiegħek?»
K Iżda hu anqas għal akkuża waħda ma wieġeb, hekk li
l-gvernatur baqa’ mistagħġeb ħafna.
Nhar ta’ festa, il-gvernatur kien soltu jitlaq wieħed ħabsi, lil
min iridu huma. Dik il-ħabta kellhom wieħed ħabsi magħruf,
jismu Barabba. Mela kif kienu miġbura, Pilatu qalilhom:
S «Lil min triduni nitilqilkom, lil Barabba jew lil Ġesù li jgħidulu
l-Messija?»
K Għax hu kien jaf li kienet l-għira li ġagħlithom jagħtuh lil Ġesù
f’idejh. Issa waqt li kien bilqiegħda fuq is-siġġu tat-tribunal,
martu bagħtet tgħidlu:
S «Qis li ma jkollokx x’taqsam ma’ dan ir-raġel ġust, għax illum
minħabba fih batejt ħafna fil-ħolm.»
K Iżda l-qassisin il-kbar u x-xjuħ ġiegħlu l-poplu jitolbuh
lil Barabba u jeqirdu lil Ġesù. Il-gvernatur, mela, raġa’
staqsiehom:
S «Lil min triduni nitilqilkom minnhom it-tnejn?»
K Weġbuh ilkoll:
S «Lil Barabba.»
K Qalilhom Pilatu:
S «U x’nagħmel b’Ġesù li jgħidulu l-Messija?»
K Weġbuh ilkoll:
S «Sallbu!»
K Hu staqsiehom:
S «Imma x’għamel ħażin?»
K Huma aktar bdew jgħajtu u jgħidu:
S «Sallbu!»
K Meta mbagħad Pilatu ra li kollox kien għal xejn, anzi li
aktarx kienet se tinqala’ xi rewwixta, qabad, ħasel idejh fl-ilma
quddiem il-poplu u qal:
S «Jien m’iniex ħati ta’ dan id-demm: dan arawh intom!»
K U l-poplu kollu qabeż u qal:
S «Demmu fuqna u fuq uliedna!»
K Imbagħad telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat,
tahulhom biex isallbuh.
Imbagħad is-suldati tal-gvernatur ħadu lil Ġesù fil-Pretorju,
u ġabru quddiemu lil sħabhom kollha. Neżżgħuh, u xeħtulu
fuqu mantar aħmar skur; qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa
mix-xewk u qasba f’idu l-leminija, inxteħtu għarkubbtejhom
quddiemu, u qagħdu jiddieħku bih u jgħidulu:
S «Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!»
K Beżqu fuqu, u ħadulu l-qasba minn idu u bdew jagħtuh biha
fuq rasu. Imbagħad, wara li għaddewh biż-żufjett, neżżgħulu
l-mantar u xeddewlu ħwejġu.
U ħaduh magħhom biex isallbuh. Huma u sejrin sabu raġel
minn ċireni, jismu Xmun, u ġagħluh jerfagħlu s-salib. Meta
waslu f’post jgħidulu Golgota, jiġifieri post il-Qorriegħa,
tawh jixrob inbid b’taħlita morra; hu daqu, imma ma riedx
jixorbu. Imbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi
tellgħuhom bix-xorti, u nxteħtu bilqiegħda u qagħdu hemm
għassa tiegħu. U qegħdulu fuq rasu l-kawża tal-kundanna
tiegħu li kienet tgħid hekk: «Dan hu Ġesù, is-sultan tal-Lhud.»
Imbagħad miegħu sallbu żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u
l-ieħor fuq ix-xellug. Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh,
iċaqilqu rashom u jgħidu:
S «Int li tħott it-tempju u fi tlitt ijiem terġa’ tibnih, salva lilek
innifsek jekk int l-Iben ta’ Alla, u inżel minn fuq is-salib!»
K Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih mal-kittieba
u x-xjuħ u jgħidu:
S «Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! Hu s-sultan ta’
Iżrael! Ħa jinżel issa minn fuq is-salib u nemmnu fih! Hu jafda
f’Alla; ħa jeħilsu issa, jekk iħobbu! Għax hu qal: “Jiena Bin
Alla!”»
K U bl-istess mod bdew imaqdruh ukoll il-ħallelin li kienu
msallbin miegħu.
Mis-sitt siegħa ’l quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż
kollu sad-disa’ siegħa. U madwar id-disa’ siegħa Ġesù għajjat
b’leħen qawwi u qal:
«Elì, Elì, lemà sabaqtàni?»
K Jiġifieri: «Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?»
Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu:
S «Lil Elija qiegħed isejjaħ dan!»
K U minnufih wieħed minnhom mar jiġri, qabad sponża mimlija
bil-ħall, waħħalha f’tarf ta’ qasba u tah jixrob, waqt li l-oħrajn
qalu:
S «Stenna, ħa naraw jiġix Elija jsalvah!»
K Imma Ġesù raġa’ għajjat għajta kbira u radd ruħu.
Kulħadd jinżel għarkubbtejh u jinżamm is-skiet għal ftit ħin.
U ara l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel;
l-art theżhżet, il-blat inqasam, u l-oqbra nfetħu, u qamu ħafna
iġsma ta’ qaddisin li kienu mietu, li ħarġu mill-oqbra u wara
l-qawmien tiegħu daħlu fil-Belt imqaddsa u dehru lil bosta nies.
Iċ-ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa ta’ Ġesù, kif raw
l-art titheżheż u jiġri dak kollu, imtlew b’biża’ li ma bħalu u
qalu:
S «Dan kien tassew Bin Alla!»
K Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill-bogħod, dawk
stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh sa minn meta kien
għadu fil-Galilija: fosthom kien hemm Marija ta’ Magdala,
Marija omm Ġakbu u Ġużeppi u omm ulied Żebedew. Xħin
sar fil-għaxija, ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li
hu wkoll kien sar dixxiplu ta’ Ġesù; mar għand Pilatu u talbu
l-ġisem ta’ Ġesù. Imbagħad Pilatu ordna li jingħatalu. Ġużeppi
ħa l-ġisem u keffnu f’liżar nadif, qiegħdu fil-qabar ġdid tiegħu
li kien ħaffer fil-blat, gerbeb ġebla kbira fid-daħla tal-qabar, u
telaq. Iżda Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra baqgħu hemm
bilqiegħda biswit il-qabar.
L-għada, jiġifieri meta għadda Jum it-Tħejjija, il-qassisin il-kbar
u l-Fariżej inġabru għand Pilatu u qalulu:
S «Sinjur, aħna ftakarna li dan il-bniedem qarrieq, meta kien
għadu ħaj, qal: “Wara tlitt ijiem inqum.” Mela ordna li l-qabar
ikun imħares tajjeb sat-tielet jum, li ma jmorrux jiġu d-dixxipli
tiegħu jisirquh, u jgħidu lill-poplu: “Qam mill-imwiet.” U hekk
il-qerq ta’ l-aħħar ikun agħar minn ta’ l-ewwel!»
K Qalilhom Pilatu:
S «Għandkom l-għassa. Morru ħarsuh tajjeb kif tafu.»
K U huma marru jissiġillaw il-ġebla biex il-qabar jibqa’ mħares
sewwa, u ħallew ukoll l-għassa miegħu.

Line_Endline

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s