Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Ir-Raba Ħadd tal-Għid (Sena A) 2014

Ġesù jfejjaq lill-għami
Evanġelju ta’ San Ġwann (9: 1-41)

F’dak iż-żmien, kif kien għaddej, Ġesù lemaħ raġel agħma minn twelidu, u d-dixxipli tiegħu staqsewh: «Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?» Ġesù wieġeb: «Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta’ Alla jidher fih. Sakemm għadu bi nhar, jeħtiġilna nagħmlu x-xogħol ta’ dak li bagħatni, għax jasal il-lejl meta ħadd ma jkun jista’ jaħdem. Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl tad-dinja.»  Kif qal dan, beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma u qallu: «Mur inħasel fil-menqgħa ta’ Silwam.» Din tfisser “il-Mibgħut”. Mela dak mar, inħasel u ġie jara.  Il-ġirien u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu: «Dan m’huwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?» Xi wħud qalu: «Iva, hu.» Oħrajn qalu: «Le, imma jixbhu.» Iżda hu qalilhom: «Jiena hu.» Qalulu: «Mela kif infetħulek għajnejk?» Weġibhom: «Wieħed raġel, jgħidulu Ġesù, għamel ftit tajn, dilikli għajnejja bih, u qalli: “Mur fis-Silwam u nħasel hemm.” Mort, inħsilt, u ġejt nara.»  Qalulu: «Fejn huwa dan ir-raġel?» Qalilhom: «Ma nafx.»  Lil dan il-bniedem li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand il-Fariżej. Issa dak in-nhar li Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn l-agħma nzerta kien is-Sibt. Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom: «Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u issa qiegħed nara.»  Xi wħud mill-Fariżej qalu: «Dan il-bniedem m’huwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt.» Iżda oħrajn qalu: «Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?» U ma qablux bejniethom.  U reġgħu qalu lill-agħma: «Int x’jidhirlek minnu, issa li fetaħlek għajnejk?» Qalilhom: «Dak profeta.»  Il-Lhud ma ridux jemmnu li hu kien agħma u ħa d-dawl qabel ma bagħtu għall-ġenituri ta’ dak li sar jara, u staqsewhom: «Dan, li intom qegħdin tgħidu li twieled agħma, dan binkom? Mela issa kif ġie jara?» Il-ġenituri tiegħu wieġbu u qalulhom: «Nafu li dan hu t-tifel tagħna u li twieled agħma; imma kif issa ġie jara, dan ma nafuhx, u anqas ma nafu min fetaħlu għajnejh. Staqsu lilu: żmien għandu, ħa jitkellem hu għalih innifsu.» Il-ġenituri tiegħu wieġbu hekk għaliex beżgħu mil-Lhud, għax il-Lhud kienu ġa ftiehmu bejniethom li jekk xi ħadd jistqarr li Ġesù hu l-Messija, isib ruħu barra mis-sinagoga. Kien għalhekk li l-ġenituri wieġbu: «Żmien għandu, staqsu lilu.»  Għal darb’oħra reġgħu bagħtu għal dak li kien agħma u qalulu: «Agħti glorja lil Alla! Aħna nafu li dan il-bniedem huwa midneb.» Dak weġibhom: «Jekk hux midneb ma nafx. Ħaġa waħda naf: li jien kont agħma u issa qiegħed nara.» Qalulu: «Imma hu x’għamillek? Kif fetaħhomlok għajnejk?» U hu weġibhom: «Ġa għedtilkom u ma smajtux! li tridu tisimgħu iżjed? Jaqaw tridu intom ukoll issiru dixxipli tiegħu?» U qabdu jgħajruh u qalulu: «Dak int dixxiplu tiegħu! Aħna ta’ Mosè dixxipli! Aħna nafu li lil Mosè kellmu Alla, imma dan ma nafux minn fejn hu!» Weġibhom ir-raġel u qalilhom: «Sewwa! Hawn qiegħed l-għaġeb, li intom ma tafux minn fejn inqala’, u madankollu lili fetaħli għajnejja! Aħna nafu li Alla mhux se jisma’ lill-midinbin; iżda mbagħad jekk wieħed ikun iqim lil Alla u jagħmel ir-rieda tiegħu, lil dan jisimgħu. Qatt fid-dinja ma nstema’ li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed agħma mit-twelid. Li kieku dan ma kienx ġej mingħand Alla, xejn ma kien ikollu ħila jagħmel.» Imbagħad qabżu u qalulu: «Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet waħdek.» U keċċewh ‘il barra.  Ġesù sama’ li keċċewh ‘il barra; sabu u qallu: «Temmen inti f’Bin il-bniedem?» Dak wieġeb u qallu: «Min hu, Mulej, biex nemmen fih?» Qallu Ġesù: «Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek.» Qallu: «Nemmen, Mulej!» U nxteħet għarkubbtejh quddiemu. Imbagħad Ġesù qal: «Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq, biex min ma jarax isir jara, u min jara jagħma.» Xi wħud mill-Fariżej li kienu hemm madwaru semgħuh jgħid dan u staqsewh: «Aħna wkoll għomja?» Weġibhom Ġesù: «Li kieku kontu għomja, ma kontux tkunu ħatja ta’ dnub. Imma issa qegħdin tgħidu: “Aħna naraw,” mela d-dnub tagħkom għadu fuqkom.»

___________

Riflessjoni

Line_Endline

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s