Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Il-Ħames Ħadd tar-Randan (Sena A) 2014: Ħadd Lazzru

Jien hu l-qawmien u l-ħajja.
Ġwanni 11: 1-45

 

L-Ewwel Qari

Inqiegħed ruħi fikom u terġgħu tieħdu l-ħajja.

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel
Hekk qal Sidi l-Mulej: «Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom, poplu
tiegħi, u nġibkom lura f’art Iżrael.
Imbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u
ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, poplu tiegħi.
U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja. Inqegħedkom
f’artkom u tkunu tafu li jiena l-Mulej. Hekk għedt, u hekk nagħmel.»
Oraklu tal-Mulej.

Salm Responsorjali

Rl. : Għand il-Mulej hemm it-tjieba

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:
isma’, Sidi, il-leħen tiegħi!
Ħa jkunu widnejk miftuħa,
jiena u nitolbok bil-ħniena. Rl.

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej,
Sidi, min jista’ jżomm sħiħ?
Imma għandek hemm il-maħfra,
biex hekk inqimuk fil-biża’ tiegħek. Rl.

Jien lill-Mulej nistenna,
ruħi f’kelmtu tittama.
Tistenna ruħi lil Sidi,
aktar milli l-għassiesa s-sebħ. Rl.

Jistenna Iżrael lill-Mulej!
Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba,
u l-fidwa għandu bil-kotra.
Hu li jifdi lil Iżrael
minn ħtijietu kollha. Rl.

It-Tieni Qari

L-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom.

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, dawk li jgħixu skond il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla.
Issa intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma ta’ l-Ispirtu,
ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma
għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan m’huwiex tiegħu.
Jekk Kristu jgħammar fikom, għalkemm il-ġisem hu mejjet
minħabba fid-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba
l-ġustizzja. Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet
jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem
għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa ta’ l-Ispirtu li
jgħammar fikom.

Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jien hu l-qawmien u l-ħajja, jgħid il-Mulej;
kull min jemmen fija, dan ma jmut qatt.
Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Evanġelju

Jien hu l-qawmien u l-ħajja.

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

F’dak iż-żmien, kien hemm wieħed marid, Lażżru minn Betanja,
ir-raħal ta’ Marija u oħtha Marta. Marija kienet dik li dilket il-Mulej
b’żejt ifuħ u xxuttatlu riġlejh b’xuxitha; u Lażżru, il-marid, kien ħuha.
Iż-żewġ nisa bagħtu jgħidu lil Ġesù: «Mulej, ara, ħabibek marid.»
Meta sama’ l-aħbar Ġesù qal: «Din m’hijiex marda tal-mewt, iżda hi
għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla.»
Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lażżru. Meta sama’
li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, u mbagħad qal
lid-dixxipli: «Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija.» Qalulu d-dixxipli:
«Rabbi, il-Lhud għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk,
u int rieġa’ sejjer hemm?» Weġibhom Ġesù: «Mhux tnax-il siegħa
fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi bi nhar, ma jitfixkilx, għax
ikun qiegħed jara d-dawl ta’ din id-dinja. Imma jekk jimxi bil-lejl,
jitfixkel, għax ma jkollux dawl.» Qalilhom hekk u mbagħad issokta
jgħidilhom: «Ħabibna Lażżru rieqed, iżda ħa mmur u nqajmu.»
Qalulu d-dixxipli: «Mulej, jekk inhu rieqed, jiġifieri se jfiq.» Iżda
Ġesù kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom
fuq l-irqad ta’ meta wieħed ikun bin-ngħas. Imbagħad qalilhom
ċar u tond: «Lażżru miet. U jiena nifraħ minħabba fikom li ma
kontx hemm, ħalli temmnu. Iżda ejjew immorru sa ħdejh.» Tumas,
imlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu d-dixxipli: «Immorru aħna wkoll
ħa mmutu miegħu.»

Meta wasal, Ġesù sab li Lażżru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar.
Betanja kienet qrib Ġerusalemm, xi ħmistax-il stadju ’l hemm
minnha. Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex
ifarrġuhom minħabba ħuhom. Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù,
Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. Marta qalet lil
Ġesù: «Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll
issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek.» Ġesù
qalilha: «Ħuk jerġa’ jqum!» Qaltlu Marta: «Jiena naf li jerġa’ jqum,
fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum.» Qalilha Ġesù: «Jiena hu
l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix;
u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti
dan?» Weġbitu: «Iva, Mulej, jiena nemmen li inti l-Messija,
l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja.»

Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien
qaltilha: «L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek.» Dik, malli
semgħetha, qamet minnufih u marret ħdejh. Ġesù kien għadu ma
daħalx fir-raħal, imma baqa’ fejn kienet ġiet tiltaqa’ miegħu Marta.
Il-Lhud li kienu d-dar ma’ Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum
malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajluha sejra lejn il-qabar biex
toqgħod tibki hemm.

Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu nxteħtet f’riġlejh, tgħidlu:
«Mulej, kieku kont hawn ħija ma kienx imut.» Ġesù, kif ra lilha
tibki u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u
tħawwad ħafna. «Fejn qegħedtuh?» staqsiehom. Huma weġbuh:
«Mulej, ejja u ara.» U Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu: «Ara
kemm kien iħobbu!» Iżda xi wħud minnhom qalu: «Ma setax dan il-
bniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?»
Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’oħra u resaq lejn il-qabar.
Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. Ġesù qal: «Neħħu l-blata.»
Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: «Mulej issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem
mejjet.» Qalilha Ġesù: «Ma għedtlekx li jekk inti temmen, tara
l-glorja ta’ Alla?» Imbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh
’il fuq u qal: «Missier, irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti
dejjem tismagħni, imma għidt dan minħabba n-nies li hawn
madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni.» Kif qal hekk, għajjat
b’leħen għoli: «Lażżru, oħroġ!» U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u
riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: «Ħollulu l-
faxex u ħalluh imur.»

Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel
Ġesù, emmnu fih.

———-

Riflessjoni

Line_Endline

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s