Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Editorjal 2014: Fidi u Kultura

Ġesù jiġbor lura l-libsa tiegħu wara l-flaġelazzjoni. Xogħol modern ta’ Pablo Caro Revidiego.

Għaddejjin mill-ġranet sbieħ tal-Karnival u wasalna fl-aħħar jumejn tiegħu.  Dan fis ifakkarna li r-Randan u ż-żmien il-Ġimgħa Mqaddsa qegħdin magħna.  Bla dubju ta’ xejn dan huwa wieħed mill-aktar żminijiet suġġestivi, tant li għal ħafna dilettanti dan huwa żmien ta’ emozzjoni kbira.  Bid-differenza tal-Milied, ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa huwa żmien ta’ ġabra u riflessjoni.  Bħal kull sena nisimgħu diversi messaġġi u appelli biex dan iż-żmien ikun wieħed ta’ riflessjoni kbira.  Il-ġrajja tal-passjoni u l-mewt ta’ Kristu, veru bniedem u veru Alla hija waħda mill-misteri tat-twemmin tagħna.  Kellu għalfejn il-Missier Alla Etern jibgħat lill-iben waħdieni tiegħu biex imut għall-bniedem?  Fi ftit kliem, kellu Alla stess il-bżonn li joqtol lilu nnifsu biex isalva lil din il-ħlejqa tiegħu msejħa bniedem?  Iva, daqshekk hija kbira l-imħabba tiegħu, li jinżel fostna, jgħix bħalna u fl-aħħar imut b’mewta krudili u inġusta.

Ma nistgħux ninsew il-ġranet li Ġesù Alla ġie fostna.  Huwa kellu ħajja kompletament bħalna minbarra fid-dnub.  Bħalna kiel, xorob, daħak, iċċajta u anke beka meta ħass id-dwejjaq f’qalbu, eżempju fost l-oħrajn il-mewt ta’ Lazzru.  Bħal beżà speċjalment meta kien jaf li kellu jgħaddi minn torturi kbar.  Imma f’din il-ħajja ta’ 33 sena, il-vjaġġ tiegħu lejn it-tmiem kien xhieda ta’ dak kollu li jrid Alla minna.  L-epilogu kulħadd jafu.  Il-veru prova ta’ kemm kien verament Alla kienet il-qawmien tiegħu mill-imwiet.  Alla jwegħdna li wara din il-ħajja hemm ħajja oħra aħjar.  Kemm kien ilu f’din id-dinja għallem lin-nies bir-rigal kbir tal-ġenna u wissiena biex ma norbtux rwieħna mal-affarijiet terreni.  Aħna m’aħniex ta’ din id-dinja.

Bħal kull sena b’dan is-sit se nipprova nqarreb żewġ dimensjonijiet flimkien: dik tal-kultura u dik reliġjuża.  F’dawn iż-żminijiet il-fidi tagħna titwaħħad mal-kultura jew aħjar nisternalizzawha b’mod artistiku fl-arti li noħolqu u ċ-ċelebrazzjonijiet li  norganizzaw.  Irridu noqogħdu attenti li dan il-wirt u din il-kultura ma taljenanhiex mill-veru sinjifikat ta’ dan iż-żmien ta’ riflessjoni però ħadd m’għandu jkollu l-awtorità li jeqred, jimmina jew inaqqas mis-sabiħ tat-tradizzjonijiet tagħna.  Dawn l-aħħar snin, il-kultura popolari reliġjuża Maltija, rat attakki minn kull naħa.  Ma kienx biżżejjed iż-żmien modern li dieħel Malta u li naqra naqra qed jiekol il-qoxra tas-soċjetà tagħna.  Issa l-vandaliżmu anke minn ġewwa stess qed isir.  Dan huwa ħażin isir minn min isir.  Il-kultura reliġjuża popolari għandha tiġi protetta u msaħħa.  Hija bis-saħħa tal-arti li l-bniedem qiegħed jitqarreb lejn Alla.  Xi privileġġ kbir għandhom l-artisti li bil-ħila li tahom Alla qed iqarrbuna lejh ġurnata wara l-oħra!

Ma nistgħux min-naħa l-oħra ninjuraw dak li qed jiġri madwarna, b’soċjetà li dejjem qegħda ssir sekulari. Jekk il-kultura reliġjuża popolari qed narawha ta’ skumdita, tajjeb ngħidu li ‘llum ħafna minn ħutna la l-Fidi m’għadhom iħaddnu u lanqas il-kultura reliġjuża popolari.  Dan ifisser li ħafna minn ħutna qed jgħixu ħajja kompletament imbiegħda mir-reliġjon u l-Fidi li ġew imrobbijin fiha.  Madankollu ħadd m’għandu jazzarda jagħmel ġudizzju.  Dak mhuwiex kompitu tagħna.  Aħna li għandna tant għal qalbna din il-Fidi u din it-tradizzjoni se nkomplu nxerrdu din id-devozzjoni b’dak  li nafu, min bl-arti tal-iskultura u l-imudellar, min bil-letteratura u min bil-mużika.  Dan għandu jikkumplimenta tajjeb ma’ dak li jsir fil-knisja, fil-funzjonijiet u fuq kollox mal-ġabra tagħna fina nfusna f’dawn il-ġranet tar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa.

Permezz ta’ dan is-sit se nkunu qed niġbru Fidi u Kultura flimkien.  Ovjament se nippromwovu l-iktar dak li jkun qed jiġri f’Birżebbuġa.  Ħaġa sabiħa li tara li ħafna dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbira qed jorganizzaw ruħhom dejjem aħjar u jkabbru dak li għandhom diġà.  Birżebbuġa m’għandniex vari tal-Ġimgħa l-Kbira però nistgħu ngħidu wkoll li tagħna kienet waħda miż-żewġ parroċċi ddedikati lil Ommna Marija Addolorata.  Id-devozzjoni lejn id-Duluri kienet u għadha waħda qawwija.  Huwa tajjeb li nippromwovu dak li għandna.  Jekk ma nagħmlux dan l-isforz, dawn it-tradizzjonijiet jintesew u jispiċċaw.  Nawgura lil kulħadd żmien qaddis ta’ riflessjoni.

Line_Endline

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s