Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Liturġija tal-Għid il-Kbir (2013) Sena Ċ

L-Irxoxt

Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli
(10, 34a, 37-43)

Aħna kilna u xrobna miegħu wara li qam mill-imwiet.

F’dak iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u qal: «Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu.  U aħna xhud ta’ dak kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm Tawh il-mewt billi dendluh mal-għuda tas-salib; imma Alla qajmu mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd, imma lix-xhieda li Alla għażel minn qabel, lilna, li miegħu kilna u xrobna wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.  Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li dan hu dak li Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin.  Il-profeti kollha jixhdu għalih u jgħidu li kull min jemmen fih jaqla’ l-maħfra tad-dnubiet bis-saħħa ta’ ismu.

SALM RESPONSORJALI
Salm117

RT: Dan hu l-jum li għamel il-Mulej: ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah. 

Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu! Ħa jgħidu wlied Iżrael: «Għal dejjem it-tjieba tiegħu.»  RT

Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa, il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!  Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix, u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.  RT

Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka.  Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.  RT

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin
Kol 3, 1-4

Fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn qiegħed Kristu.

Ħuti, jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art. Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja.

HALLELUJAH

Hallelujah. Hallelujah Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul: nagħmlu mela festa fil-Mulej. Hallelujah.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Lq 24, 1-12

L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?

Kmieni mas-sebħ tal-ewwel jum tal-ġimgħa n-nisa marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew. Huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar, imma meta daħlu fih, il-katavru tal-Mulej Ġesù ma sabuhx hemm.  U kif kienu mħassbin fuq dan, f’daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi. In-nisa, mimlijin bil-biża’, baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: «L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? Mhuwiex hawn, imma qam.  Ftakru x’kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija, meta qal: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f’idejn il-midinbin, ikun mislub, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet.”» U huma ftakru kliemu. Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta’ dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha. Kienu Marija ta’ Magdala u Ġwanna u Marija ta’ Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b’dan lill-appostli. Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajluh thewdin, u ma emmnuhomx. Madankollu Pietru qam u mar b’ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u raġa’ lura d-dar mgħaġġeb b’li kien ġara.

IL-KELMA TAL- MULEJ
TIFĦIR LILEK KRISTU

Line_Endline

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s