Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Liturġija tal-Ħames Ħadd tar-Randan (Sena Ċ)

L-Ewwel Qari:
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Dan jgħid il-Mulej, li fetah triq fil-baħar, moghdija fl-ilmijiet qawwija; dak li ħareġ karrijiet u żwiemel, eżercti u rġiel qalbiena f’daqqa; inxteħtu fl-art, biex aktar ma qamux; inħlew bħal ftila, u ntfew: «La tiftakrux iżjed fi ġrajjiet l-imgħoddi; la taħsbux fuq dak li ġara qabel. Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida: feġġet issa; għadkom ma ttendejtux? Se niftaħ triq fix-xagħri, xmajjar fid-deżert. Ifaħħruni l-bhejjem selvaġġi, ix-xakalli u wlied in-ngħam, għax noħroġ l-ilma fix-xagħri, xmajjar fid-deżert, biex nisqi l-poplu tiegħi, il-maħtur tiegħi, il-poplu li sawwart għalija, biex ixandar it-tifħir tiegħi.»

Salm Responsorjali –
Rl: Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon,
konna qisna mitlufa f’ħolma;
imbagħad bid-daħk imtela fommna,
u bl-għajjat ta’ ferħ ilsienna. Rl

Imbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:
«Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom.»
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
U aħna bil-ferħ imtlejna. Rl

Biddel, Mulej, xortina
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ. Rl

Huma u sejrin, imorru jibku,
iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura, jigu b’għana ta’ ferħ
iġorru l-qatet f’idejhom. Rl

It-Tieni Qari:
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin.

Ħuti, jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li ħemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih; mhux għax għandi xi ġustizzja tiegħi, dik li tiġi permezz tal-Liġi, iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu, il-ġustizzja ġejja minn Alla u mibnija fuq il-fidi. Irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbħu fil-mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet. M’iniex ngħid li jiena ġa ksibtu, jew li jien ġa perfett. Imma rross ’il quddiem biex naħtaf dan, bħalma Kristu Ġesù ġa ħataf lili. Ħuti, ma jidhirlix li dan ġa lħaqtu; imma ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa lil ta’ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; niġri ’l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li għalih Alla qed isejħilna hemm fuq fi Kristu Ġesù.

Evanġelju:
Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imma l-għada qabel is-sebħ raġa’ mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom. Imbagħad il-kittieba u l-fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u qalulu: «Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. Issa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?» Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh.  Imma Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: «Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla.» U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab. Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ. Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs. Qam dritt u qalilha: «Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?» «Ħadd, Sinjur,» qaltlu. «Mela anqas jien ma nikkundannak,» qalilha Ġesù. «Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed.»

Line_Endline

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s