Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Il-Qawmien Mill-Mewt ta’ Ġesu fl-4 Evanġeli

MILL-EVANĠELU TA’ SAN LUQA
24. Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet

[Lq:24:1] Kmieni mas-sebħ ta’ l-ewwel jum tal-ġimgħa marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew. [Lq:24:2] Huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar, [Lq:24:3] imma meta daħlu fih, il-katavru tal-Mulej Ġesù ma sabuhx hemm. [Lq:24:4] U kif kienu mħassbin fuq dan, f’daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi. [Lq:24:5] In-nisa, mimlijin bil-biża’ , baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? [Lq:24:6] M’huwiex hawn, imma qam. Ftakru x’kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija, [Lq:24:7] meta qal li jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f’idejn il-midinbin, ikun mislub, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet.” [Lq:24:8] U huma ftakru kliemu. [Lq:24:9] Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta’ dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha. [Lq:24:10] Kienu Marija ta’ Magdala u Ġwanna u Marija ta’ Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b’dan lill-appostli. [Lq:24:11] Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajjluh thewdin, u ma emmnuhomx.[Lq:24:12] Madankollu Pietru qam u mar b’ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u raġa’ lura d-dar mgħaġġeb b’li kien ġara.

MILL-EVANĠELU TA’ SAN MARK
16. Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet

[Mk:16:1] Meta għadda s-Sibt, Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salomi xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilkuh bihom. [Mk:16:2] U kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar. [Mk:16:3] U bdew jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?”[Mk:16:4] Iżda meta ħarsu, raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet ġebla kbira ħafna. [Mk:16:5] Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda; u nħasdu. [Mk:16:6] Imma hu qalilhom: “Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, m’huwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh. [Mk:16:7] Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom.” [Mk:16:8] U huma ħarġu ‘l barra u tbiegħdu b’ġirja waħda mill-qabar, għax kellhom rogħda fuqhom u baqgħu mbellhin bil-biża’. U ma qalu xejn lil ħadd, għax beżgħu.

MILL-EVANĠELU TA’ SAN MATTEW
28. Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet

[Mt:28:1] Meta għadda s-Sibt, maż-żerniq ta’ l-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar. [Mt:28:2] U ara, nħasset theżhiża kbira għax niżel anġlu tal-Mulej mis-sema, u resaq igerbeb il-ġebla u qagħad bilqiegħda fuqha. [Mt:28:3] Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; lbiesu abjad bħas-silġ.[Mt:28:4] Bil-biża’ tiegħu l-għassiesa qabdithom rogħda u saru qishom mejtin. [Mt:28:5] Iżda l-anġlu qabad u qal lin-nisa: “Tibżgħu xejn intom għax jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab. [Mt:28:6] M’huwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed. [Mt:28:7] U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li hu qam mill-imwiet. U araw, huwa sejjer il-Galilija qabilkom: tarawh hemmhekk. Araw, għedtulkom.” [Mt:28:8] Dawk telqu malajr minn ħdejn il-qabar, kollhom biża’ u ferħ kbir, u marru jiġru jagħtu l-aħbar lid-dixxipli tiegħu. [Mt:28:9] U ara, ltaqa’ magħhom Ġesù u qalilhom: “Is-sliem għalikom.” Huma resqu lejh, qabdulu riġlejh u nxteħtu quddiemu. [Mt:28:10] Mbagħad Ġesù qalilhom: “Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk.”

MILL-EVANĠELU TA’ SAN ĠWANN
20. Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet

[Ġw:20:1] Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. [Ġw:20:2] Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh?” [Ġw:20:3] Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. [Ġw:20:4] It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar.[Ġw:20:5] Tbaxxa, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. [Ġw:20:6] Mbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, [Ġw:20:7] u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih.[Ġw:20:8] Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen. [Ġw:20:9] Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet. [Ġw:20:10] Mbagħad id-dixxipli reġgħu lura lejn sħabhom.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s