Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Il-Marci Funebri – jikteb Mro. Ray Sciberras

Lejn tmiem is-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20, uħud mill-baned tagħna kellhom ix-xorti li jgawdu s-servizz ta’ surmastrijiet barranin, l-iktar Taljani.  Dawn ġabu magħhom ideat ġodda għall-baned lokali u ttrażmettew mentalita’ aktar professjonali.  Fost l-aktar importanti nsibu l-formazzjoni tal-banda u r-repertorju mużikali.  L-opra kienet fl-aqwa tagħha, u għalhekk ma setax jonqos li l-arranġamenti ta’ Vessella, Pennacchio u oħrajn ma jkunux apprezzati u segwiti mill-qrib mid-dilettanti tal-baned tagħna.

Fl-istess perjodu nsibu li dawn is-surmastrijiet introduċew mal-baned Maltin, il-‘Marcia Funebre’ b’idjoma u stil Taljan.  Din l-espressjoni muzikali tidher li kienet intlaqgħet tajjeb, tant illi għal ħafna snin il-marċi funebri Taljani ma konna nibdluhom ma’ xejn.  Melilli, Bartolucci, Giannini, Manente, Nicoletti, Pucci u oħrajn huma sinonimi mal-kitba tal-marċi funebri.  Kontemporanji tagħhom wieħed ma jridx jinsa’ lil xi kompożituri Maltin bħal ngħidu aħna, Paolino Vassallo, Carlo Diacono, Antonio Miruzzi, Gianni Vella u Lorenzo Gonzi fost oħrajn, illi ddakkru minn dan l-istil u komplew ikabbru dan ir-repertorju.

Din it-tradizzjoni ssoktat u ssaħħet wara l-gwerra, speċjalment f’dawk l-ibliet u l-irħula li fihom issir il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.  Hawnhekk jidħlu fix-xena kompozituri Maltin oħra illi imbarkaw fuq din l-idea u daħlu l-ġeneru mużikali.  Fost l-iktar li għamlu impatt u kienu attivi, insibu lil Vincenzo Ciappara, Joseph Abela Scolaro, Hector Dalli, Anthony Sammut u oħrajn.

Minkejja l-ħafna snin illi għaddew minn fuq dawn il-marċi funebri, il-ħoss kiebi tagħhom baqa’ jinżel ħelu ma’ ħafna dilettanti tal-baned Maltin.  Qatt daqs illum ma naħseb li din l-espressjoni mużikali kellha segwaċi tant entużjasti u ferventi.  Tista’ tgħid illi preżentament, il-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa qegħdin jiġu ċċelebrati f’kull belt u raħal u mill-għaqdiet mużikali kollha madwar il-gzira. Dan qiegħed ikompli jiżra’ żerriegħa fertili u jkattar l-“ġenn” sabiex jinkitbu u eventwalment jiġu rrekordjati marċi funebri ġodda. It-teknoloġija moderna kompliet għenet sabiex kull min għandu għal qalbu din l-espressjoni mużikali, ikun jista’ jitpaxxa bihom fil-kumdita’ ta’ daru.  B’hekk ma jkunx hemm il-bżonn li tasal il-Ġimgħa l-Kbira jew jinqala’ xi funeral sabiex tisma’ xi marċ funebru favorit.  F’ċerti postijiet anke x-xhur sħan tas-sajf, jew saħansitra fi żmien il-Milied, il-marċi funebri qed jieħdu post xi marċi brijużi jew anka tal-Milied.  Inkredibbli … imma veru!

Dan l-artiklu nkiteb minn Mro. Ray Sciberras innifsu fuq il-fuljett SANHEDRIN maħruġ mill-kummissjoni Ħbieb tal-Ġimgħa l-Kbira, Għaqda Mużikali Beland, Zejtun.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s