Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Il-Passjoni ta’ Kristu u San Pawl

Ecce Homo Bengħisa Birżebbuġa Malta

Ecce Homo - Bengħisa - Birżebbuġa, Malta.

“Jien għallimtkom dak li tgħallimt jien”
(1 Kor 15, 3)

 minn Fr Martin Micallef OFMCap 

Fl-1 Kor 15,3-9 l-appostlu San Pawl ifakkar lill-insara tal-belt ta’ Korintu li t-tradizzjoni li hu kien irċieva u li għadda lilhom kienet titratta il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu. L-Appostlu tal-Ġnus jiġbor fil-qosor din it-tradizzjoni bl-użu ta’ erba’ verbi: Kristu miet u kien midfun, ġie mqajjem mill-imwiet u deher – lil bosta persuni, inkluż lil Pawlu stess li jissemma fl-aħħar tal-lista. Iż-żewġ kelmiet ewlenin f’din il-predikazzjoni huma il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu li jiffurmaw il-qalba tat-tħabbira ta’ l-Evanġelju li l-appostlu San Pawl ippriedka lill-Korintin.

L-appostlu jispjega t-tifsira tal-mewt ta’ Kristu bħala waħda li seħħet “minħabba dnubietna” u li kemm il-mewt kif ukoll il-qawmien ta’ Kristu seħħew “skont l-Iskrittura.” Dan ifisser li dawn iż-żewġ ġrajjiet kienu parti mill-pjan ta’ Alla, meqjusin bħala t-twettiq ta’ dak li Alla ħejja biex jifdi lill-bniedem, kif diġà nistgħu naraw fil-paġini tat-Testment il-Qadim. L-element ġdid fil-ħsieb ta’ San Pawl huwa t-twemmin li Alla reġa’ intervjena fl-istorja tal-bniedem, din id-darba iżda fil-persuna ta’ Ibnu Ġesù, li hu l-Messija.

Din il-konvinzjoni l-appostlu Pawlu kisibha mil-laqgħa tiegħu ma’ Kristu Irxoxt, li sejjaħ lil Pawlu biex minn wieħed li “kien jaħqar lill-Knisja” jsir appostlu (ara 1 Kor 15, 8-11). B’dan il-ħsieb nistgħu nibdew nifhmu kif f’dan il-kapitlu daqshekk importanti fl-Ewwel Ittra lil Korintin (1 Kor 15), Pawlu jitkellem fit-tul fuq il-qawmien ta’ Kristu. Dan jagħmlu sabiex jikkoreġi tagħlim żbaljat fost l-insara ta’ din il-komunità dwar li mhemmx qawmien mill-imwiet. Huwa jitkellem l-ewwel fuq il-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet bħala l-fundament tat-tagħlim nisrani fuq il-qawmien mill-imwiet ta’ dak li jemmnu fi Kristu li jsejjaħlu bħala “l-ewwel frott fost dawk li raqdu” (v.20).

Dak li Kristu għamel, u dak li ġara lilu, għandu effett fuq il-bnedmin kollha bħalma kellu effett l-għemil ta’ Adam. Fil-bidu, Adam dineb u bħala kastig irċieva l-kundanna tal-mewt. Dan mela kien effett negattiv u allura dawk li ġew warajh, huma wkoll għandhom jaqsmu dan l-istess sehem. Bil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, iżda, Pawlu jurina li Kristu qaleb ta’ taħt fuq dan l-effett. Kristu ġie mqajjem mill-imwiet. Hekk ukoll dawk li jappartjenu lilu, għad ukoll jiġu mqajjma mill-imwiet wara li jmutu.

F’dan il-punt Pawlu jħallat flimkien b’mod tassew sabiħ it-teoloġija li huwa kien irċieva mill-Ġudaiżmu ma’ l-element ġdid marbut mal-persuna ta’ Kristu u ma’ dak li kiseb għalina permezz tal-qawmien tiegħu mill-imwiet. Bħala Lhudi, Pawlu kien jemmen fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum jew aħjar “fiż-żmien li għad irid jiġi” li hu f’kuntrast ma’ “ż-żmien ta’ issa.” Imma għall-Appostlu tal-Ġnus, “iż-żmien li għad irid jiġi” diġà beda permezz ta’ dak li Ġesù kisbilna bil-mewt tiegħu. Kien jonqos issa li Kristu jerġa’ jiġi sabiex jeqred “kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa” (v.24). Fil-ħsieb ta’ San Pawl, mela, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu jfissru l-bidu ta’ proċess li fih il-ħoqlien kollu għandu jiġi mibdul fl-istat sabiħ li fih ġie maħluq u li ttebba’ permezz tad-dnub.

Dan kollu jeħodna f’punt ieħor sabiħ fit-teoloġija ta’ San Pawl. Hekk kif Kristu miet u ġie mqajjem mill-imwiet, hekk ukoll dawk li huma magħqudin miegħu f’ċertu sens diġà mietu għal ħajja qadima u ġew imqajjmin għal ħajja ġdida. Permezz ta’ Kristu, dawn il-persuni jinsabu f’relazzjoni ġdida ma’ Alla għax fihom hemm jaħdem l-Ispirtu s-Santu (ara Rum 8, 10).

Alla li qajjem lil Kristu mill-imwiet mela jibqa’ ċ-ċentru ta’ dan it-tagħlim sabiħ ta’ Pawlu. Iżda l-messaġġ tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet fil-ħsieb ta’ Pawlu ma nistgħux nifirduh mal-ġrajja tas-salib. Dan hu l-messaġġ li l-appostlu Pawlu kien diġà xandar lil Korintin (ara 1 Kor 2, 2). “Aħna nxandru ’l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi” (1,23). Fi żminijiet tagħna forsi diffiċli nifhmu dan il-kliem, imma mhux hekk fi żmien Pawlu fejn is-salib kien tasew bluha u skandlu, u wisq aktar mela li xxandar lil xi ħadd li spiċċa fuq salib!

Mhux ta’ b’xejn li Pawlu jsejjaħ lis-salib “skandlu.” Imma dan kien il-mod li Alla għażel mhux biss biex “jeħlisna minn dnubietna” imma wkoll “biex jeħlisna minn din id-dinja ħażina tallum” (Gal 1, 4) kif naqraw fil-bidu ta’ l-Ittra lill-Galatin. Aktar tard f’din l-istess Ittra, Pawlu jfakkar lill-Galatin fl-Evanġelju li kien ħabbrilhom “intom li Ġesù Kristu tpinġa msallab quddiem għajnejkom” (3,1).

Fil-versi li jiġu wara, imbagħad, Pawlu jispjega ’l għala l-messaġġ tas-salib huwa “skandlu” għal-Lhud. Skond il-Liġi Lhudija, il-kriminali ikkundannati għall-mewt tas-salib kienu meqjusin bħala persuni misħutin minn Alla nnifsu, u għalhekk dawn isiru wkoll saħta għall-art (ara Dewt 21, 22-23). Qabel is-sejħa tiegħu fit-triq ta’ Damasku, Pawlu jidher li hekk kien iqis lil Ġesù li spiċċa mdendel mas-salib. Iżda issa huwa skopra l-qawwa tas-salib meta igħidilna: “Kristu fdiena mis-saħta tal-Liġi billi sar hu nnifsu saħta għalina, għax hemm miktub: ‘Misħut min ikun imdendel ma’ l-għuda,’ biex fi Kristu Ġesù l-barka ta’ Abraham tilħaq il-ġnus kollha” (Gal 3, 13-14). Il-mewt ta’ Ġesù, mela, ġabitilna mhux saħta imma barka. Huwa biss it-twemmin fil-qawmien mill-imwiet li jgħinna nagħmlu sens minn dan il-kliem li Pawlu xandar b’tant qawwa kull fejn mar.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s