Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Sibt il-Għid

L-emfasi tal-festa tal-lum għandu jkun fuq il-qawmien tal-Mulej mill-imwiet u l-ħelsien li huwa ġabilna. Il-ferħ ta’ l-Għid huwa ferħ li għandu jkun fil-qalb ta’ kull Nisrani li jemmen li hu magħqud ma’ Kristu fil-magħmudija.

Illum jintuża l-kulur abjad

Iċ-Ċelebrazzjoni 

Skont drawwa mill-iżjed qadima, dan il-lejl hu lejl ta’ sahra f’ġieħ il-Mulej (Eż 12, 42). Kif iwissina l-Evanġelju (Lq 12, 35-37), il-fidili jżommu l-imsiebaħ tagħhom mixgħula, u jkunu bħal nies jistennew ‘il sidhom lura, biex, malli jiġi, isibhom jishru u jqegħidhom fuq il-mejda tiegħu.

Il-Vġili ta’ l-Għid għandu jibda mill-inqas wara nżul ix-xemx tas-Sibt fi dħul il-lejl. Il-Liturġija tal-Vġili ta’ l-Għid hija mimlija simboli li għandhom jitfissru b’mod ċar. Importanti wkoll li tinħoloq l-atmosfera neċessarja biex dawn is-simboli joħorġu iżjed ċari u jilħqu l-iskop veru u tassew tagħhom. Il-Magħmudija għandha tkun element qawwi u ċentrali. Magħha għandu jintrabat ukoll it-tiġdid tal-wegħdiet tal-Magħmudija li kull Nisrani li jattendi għaċ-Ċelebrazzjoni tal-Vġili, għamel fil-Magħmudija tiegħu. Hemm erba’ taqsimiet:

1. Tberik tan-Nar, mixgħela tal-Blandun u Tħabbira ta’ l-Għid;

2. Liturġija tal-Kelma;

3. Liturġija tal-Magħmudija;

4. Liturġija ta’ l-Ewkaristija.

Bħala tħejjija, ħdejn il-bieb tal-Knisja jitlestew kenur bin-nar jaqbad sewwa (tkun idea tajba li dan in-nar ikun tqabbad f’ċelebrazzjoni barranija aktar kmieni fil-ġurnata mid-dawl tax-xemx, biex ikun nar tassew meħud mill-qawwa tan-natura u hekk jinftihem aħjar is-simboliżmu tan-nar li jagħti l-ħajja) u l-ġamar (tajjeb li jkun hemm fih faħam biex jintuża fiċ-ċensier), kandiletta, kandiletti biex l-abbatini jgħaddu n-nar lill-kongregazzjoni, għodda biex jinqabad il-ġamar, microphone, Missal, inċiżur biex jitnaqqxu s-salib, id-data u l-alfa u l-omega.

Fuq il-Presbiterju, f’xi mkien qrib l-artal għandha titħejja bażi għall-blandun u fiha jitpoġġa l-blandun mitfi, reċipjent bl-ilma, dak kollu li hu neċessarju għall-Magħmudija (żejt tal-Griżma, tajjar, baċir, eċċ), dawl ċkejken qrib l-ambone u qrib is-sedja, il-ktieb fl-Exultet fuq l-ambone, il-meħtieġ għaċ-Ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija u bwieqi biżżejjed biex minnhom isir it-Tqarbin biż-żewġ speċi.

Fil-Knejjes Parrokkjali huwa rakkomandat ħafna li l-Magħmudija ssir fil-Battisteru tal-Knisja. Jekk dan ikun ħdejn il-bieb tal-Knisja, wisq aħjar biex tidher f’għajnejn kulħadd id-daħla fit-Tempju tal-Mulej u fil-Familja ta’ Alla bil-mixja minn ħdejn il-bieb sal-artal wara l-Blandun mixgħul.

Fis-Sagristija jitħejjew l-akkolti, iċ-ċensier bojt, navettta bl-inċens. Wara l-Artal Maġġur titħejja mejda żgħira bi tvalja u żewġ xemgħat, xi purifikaturi u ilma biex issir il-purifikazzjoni wara t-Tqarbin.

Kummentarju

Qabel iċ-Ċelebrazzjoni

B’ferħ kbir iltqajna illejla biex niċċelebraw dan il-vġili ta’ l-Għid. Minn hawn u ftit ieħor se nagħtu bidu għal din iċ-Ċelebrazzjoni ta’ darba fis-sena biex niftakru fl-istorja ta’ mħabba li Alla jgħix mal-bniedem u fil-qofol ta’ din l-imħabba: Alla li permezz tal-Qawmien mill-mewt t’ Ibnu seħibna miegħu fil-ħajja ta’ dejjem. Iċ-Ċelebrazzjoni tal-lum tissejjaħ Vġili għax hija l-lejla ta’ qabel il-festa, illejla li fiha nishru mal-Mulej biex nirriflettu dwar il-qawmien tiegħu u dak li jfisser għalina. Dak li se nagħmlu llejla huwa mimli Sinjali li nispjegaw aħna u għaddejjin.

Illejla se ngħixu erba’ mumenti importanti. L-ewwel isir it-tberik tan-Nar u aħna nieħdu sehem minnu, wara nisimgħu lil Alla jkellimna mill-Kotba Mqaddsa, imbagħad ngħaddu għal-Liturġija tal-Magħmudija u fl-aħħar nagħlqu bl-Ewkaristija, il-preżenza ta’ kristu ħaj f’nofsna.

Dan il-Vġili jibda billi issa ċ-Ċelebrant jinżel flimkien mas-Saċerdoti u l-abbattini ħdejn il-bieb tal-Knisja fejn hemm in-nar imqabbad. Magħhom iniżżlu l-Blandun mitfi. Hemmhekk ibierek in-Nar Ġdid u minnu jixgħel il-Blandun li huwa simbolu ta’ Kristu d-Dawl veru tagħna. Fuqu jonqox salib, l-ittri Alfa u Omega, l-ewwel u l-aħħar ittra ta’ l-alfabett Grieg u l-annu li nkunu qegħdin fih. Imbagħad jitilgħu f’purċissjoni wara l-Blandun lejn l-Artal biex minn fuq l-Ambone jitħabbrilna l-ferħ ta’ Għid.. (Inqumu bilwieqfa).

Wara t-tieni tħabbira

Issa nixgħelu x-xemgħat tagħna lkoll biex nuru li aħna wkoll ħadna sehem mid-dawl ta’ Kristu. Id-Dawl nixgħeluh mill-Blandun, simbolu ta’ kristu, iżda ngħadduh lil xulxin. Kristu jasal għandna mingħand oħrajn u aħna ngħadduh lill-ħaddieħor.

Qabel l-Exultet

Waqt li nibqgħu bilwieqfa, issa se jitħabbrilna l-ferħ kbir ta’ l-Għid li jixxerred ma’ kullimkien fid-dinja. L-Exultet tfisser ifirħu, se titkanta. Ta’ min li nagħtu ftit aktar każ tal-kliem sabiħ u mimli tifsir li biha hija miktuba din il-għanja, li fiha nfaħħru lil Alla ta’ dak li għamel magħna permezz tal-Qawmien tal-Mulej.

Qabel il-Qari

Issa se nisimgħu seba’ siltiet mill-Kotba Mqaddsa, kollha mit-Testment il-Qadim. Dawk li kitbu dawn is-siltiet kellhom f’moħħhom l-imħabba kbira li Alla għandu għall-poplu tiegħu u kif din l-imħabba Alla qassamha matul iż-żmien. Wara kull silta jkun hemm salm li bl-għajnuna tal-Kantur nistgħu nkantaw it-tweġiba għalih.

Wara s-seba’ salm

Issa jinxtgħelu d-dwal ta’ l-artal u ċ-Ċelebrant jintona l-Glorja, l-Innu ta’ tifħir lil Alla. Issa wkoll jindaqqu l-qniepen b’sinjal tal-ferħ li tħoss il-knisja għat-tħabbira ta’ l-Għid. (Inqumu bilwieqfa).

Wara l-Epistola

Wara li smajna lill-Appostlu Pawlu jfakkarna li bħalma mitna ma’ Kristu, hekk ukoll ngħixu miegħu, nisimgħu liċ-Ċelebrant jintona l-Alleluja u aħna mistiedna flimkien mal-kor nieħdu sehem f’dan il-kant ta’ tifħir lil Alla, qabel nisimgħu l-Evanġelju u t-tifsira tiegħu. (Inqumu bilwieqfa).

Wara l-Omelija

Issa jissejħu dawk li se jressqu lil uliedhom biex jirċievu l-Magħmudija. Dawn it-trabi diġa ġew midluka biż-żejt tal-katekumeni, jiġifieri l-Knisja diġa laqgħethom bħala kandidati biex jirċievu dan is-Sagrament li jagħmilhom ulied il-Missier u aħwa f’din il-familja li hi l-Knisja. Filwaqt li nilqgħu fostna lil dawn it-trabi inkantaw il-Litanija tal-Qaddisin.

Wara l-Litanija

Issa ċ-Ċelebrant ibierek l-ilma li bih dawn it-trabi se jitgħammdu u li s-Saċerdoti se jroxxu fi djarna matul żmien il-Għid, billi jdaħħal il-Blandun fl-ilma tliet darbiet. Imbagħad wara li jistaqsi lill-ġenituri x’ismijiet iridu jagħtu lit-trabi tagħhom, huwa jistaqsihom biex iwieġbu f’isem uliedhom dwar dak li jixtiequ għalihom u wara li jgħammidhom, jidlikom biż-żejt tal-Griżma u jagħtihom il-libsa bajda, b’sinjal tal-ħajjja ġdida li huma qed jieħdu fi Kristu.  Illum il-Magħmudija ta’ dawn it-trabi se ssir fil-battisteru, ħdejn il-bieb tal-Knisja. Il-Battisteru huwa l-post proprju fil-Knisja fejn għandha ssir il-Magħmudija’ ħdejn il-Bieb il-Kbir li jfakkarna f’Ġesύ li huwa l-bieb li kulħadd jidħol minnu. Fih jinżamm l-ilma mbierek f’dan il-Vġili u li minnu kull Nisrani jieħu l-ħajja; fi kliem San Pawl, il-bniedem li jindifen ma’ Kristu fl-ilma biex minnu jsir bniedem ġdid.

Wara l-Magħmudija

Nilqgħu fostna lil dawn it-trabi li llum saru Wlied Alla u parti mill-familja Parrokkjali tagħna u fil-familja kbira tagħna li hi l-Knisja kollha mxerrda fid-dinja huma u miexja wara l-Blandun Mixgħul li hu d-dawl ta’ Kristu. Inqumu bilwieqfa.

Wara li l-ġenituri jaslu f’posthom

Issa nerġgħu nixgħelu x-xemgħat mill-ġdid mill-Blandun u nagħmlu l-istqarrija tal-fidi tagħna billi nġeddu l-wegħdiet li għamilna fil-Magħmudija tagħna.

Wara t-Talbiet tal-Ġemgħa

Ngħaddu għall-aħħar parti ta’ din iċ-Ċelebrazzjoni li hija l-Ewkaristija. Kristu huwa ħaj u qed jgħix magħna u minn hawn u ftit ieħor se jkun magħna wkoll fl-Ewkaristija biex imbagħad nieħdu sehem mill-ikla tiegħu. Nibqgħu bilwieqfa sakemm jittellgħu l-offerti.

Qabel it-Tqarbin

Illum it-Tqarbin jista’ jsir kemm bil-ħobż ikkonsagrat, kif ukoll bl-inbid ikkonsagrat.

Referenzi

Tagħrif mehud mill-website tal-Parroċċa ta’ Ħal Tarxien, http://www.tarxienparish.org/Website%201/vgili_ghid.htm, illum 23 ta’ April 2011.

Il-Programm tal-lum fil-Parroċċa ta’ Birżebbuġa

Fit-8:00pm bidu taċ-Ċerimonja Solenni tal-Vġili tal-Għid u Magħmudija bis-sehem tal-Kor (Messalin B/232).

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s