Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

L-Għid il-Kbir

L-GĦID IL-KBIR – L-AQWA FESTA TAGĦNA L-INSARA

Minn Harry Agius Ordway

mir-Rivista, “Dawl Franġiskan” (mhux indikat liema annu)

Fil-ħarġa ta’ Marzu kkummentajna dwar il-fatt li lejn l-aħħar ta’ l-istess xahar konna qed noqorbu bis-sħiħ lejn il-festa kbira ta’ L-Għid Imqaddes u, bis-saħħa tar-Randan Imqaddes, skond silta li ħadna mill-kostituzzjoni dommatika tal-Konċilju Vatikan II, rajna t-tifsira tal-Knisja Mqaddsa Kattolika mwaqqfa minn Sidna Ġesù u l-għanijiet li għalihom waqqafha.

Fis-7 ta’ dan ix-xahar il-ġdid, April, wara nżul ix-xemx ħadna sehem fis-“Sahra fil-Lejl Qaddis tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet”. L-għada l-Ħadd fakkarna ‘Il-Jum Qaddis tal-Qawmien tal-Mulej’. U beda Żmien il-Għid, ħamsin jum sa nhar Għid il-Ħamsin.

Dwar Sibt il-Għid qed inġibulkom silta minn Omelija antika li tgħid hekk: ”X’inhu dan li ġara? Illum fid-dinja waqa’ skiet kbir; skiet kbir, imbagħad solitudini; skiet kbir, għax is-Sultan raqad; l-art twerwret u siktet, għaliex Alla magħmul bniedem raqad, u qajjem lil dawk li kienu ilhom ħafna reqdin. Alla, bħala bniedem miet, u heżheż art l-imwiet”. Hawnhekk l-għaref li ħażżeż din l-Omelija jkompli jurina kif Alla, u Ibnu, mar iħoll mill-irbit tat-tbatija lil Adam l-imjassar, flimkien ma’ Eva l-imjassra bl-arma rebbieħa tas-Salib f’idejh. Ma’ dawn l-aħħar kelmiet jiġu fi ħsiebi bosta sentenzi ta’ San Pawl bħal : ‘Imma jien, barra minni li niftaħar ħlief bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija, u jien għad-dinja.’(Gal:6, 14); ‘u t-tnejn magħqudin f’ġisem wieħed iħabbibhom ma’ Alla, bis-salib, billi jeqred bih il-mibgħeda ta’ bejnietkom’ (Efesin:2, 16); “hu ħassar il-kitba tad-dejn, il-preċetti, li kienet kontra tagħna, neħħieha min-nofs u sammarha mas-salib” (Kol: 2, 14); ”Għax, waqt li l-Lhud iridu l-mirakli u l-griegi jfittxu l-għerf, aħna nxandru Kristu msallab, tfixkil għal-Lhud u bluha għall-pagani, imma għal dawk li huma msejħin, Lhud u Griegi, Kristu, qawwa u għerf ta’ Alla. Għax dak li hu bluha ta’ Alla hu egħref mill-bnedmin, u dak li hu dgħjufija ta’ Alla hu aqwa mill-bnedmin”(Kor. I, 1: 21-25)

Tifsira ħelwa ta’ l-Għid l-Kbir u, kif ngħidu bil-Malti….fiha x’togħmod…jagħtihielna Melitone, isqof ta’ Sardi, fl-Omelija tiegħu meta jgħid: “Hu kien bħal ħaruf meħud għall-qatla, imma ma kienx ħaruf; kien bħal nagħġa mbikkma, imma ma kienx nagħġa. Ix-xbieha għaddiet u seħħet il-verità: Alla ħa post il-ħaruf, u l-bniedem post in-nagħġa, u fil-bniedem hu Kristu, u fi Kristu hemm kollox.”

San Pietru fl-Ewwel Ittra tiegħu(2: 21 – 25) dwar dan il-misteru ta’ l-Għid il-Kbir jagħmililna ċara kif għandha tkun l-imġieba tagħna issa li ġejna meħlusa: ‘Għal dan intom kontu msejħa għax Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-passi tiegħu. Hu li ma kien għamel ebda dnub, u ebda qerq ma nstab f’fommu, meta għajruh ma weġibx bit-tagħjir; meta bata ma heddidx imma ħalla f’idejn l-Imħallef ġust. Hu tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, biex aħna mmutu għad-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja. Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu. Intom kontu bħan-nagħaġ mitlufa, imma issa rġajtu lura għand ir-Ragħaj u l-Għassies ta’ ruħkom.’ Hawnhekk tajjeb li wieħed jinnota li San Pietru Appostlu jagħtina tifsira aktar ċara u fit-tul ta’ kif aħnau H l-Insara, kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa, għandna nixbħu lil Kristu. Minħabba n-nuqqas ta’ spazju nissuġġerulkom taqraw Kapitlu 3, versi 1 sa 17, mill-istess ittra ta’ San Pietru.

Fil-Katekeżi ta’ Ġerusalemm(Catech. 20 Mystagogica 2:4-6) naqraw hekk, meta l-Magħmudija hija meqjusa bħala s-sinjal tal-passjoni ta’ Kristu: ’Wasslukom sal-fonti tal-Magħmudija, bħalma wasslu ’l Kristu mis-salib sal-qabar li hawn quddiemkom. Kull wieħed minnkom ġie mistoqsi jemminx fl-isem tal-Missier, u ta’ l-Iben, u ta’ l-Ispirtu s-Santu. Għamiltu l-istqarrija tal-Fidi u għall-tliet darbiet inżiltu taħt l-ilma u tliet darbiet ħriġtu minnu, u b’hekk fissirtu simbolikament it-tlitt ijiem li Kristu dam fil-qabar.”

U hu għal daqstant li tkun tidher ferm sabiħa u fiha tifsir kbir il-Magħmudija ta’ l-Insara ġodda kemm waqt iċ-ċelebrazzjoni tas-Sahra fil-Lejl Qaddis tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet u waqt kull Quddiesa ta’ matul is-sena li fiha jiġi amministrat dan is-Sagrament. L-istess entużjażmu għandu jintwera mill-kongregazzjoni preżenti waqt xi Quddiesa tal-Ħadd fejn flok il-Kredu jiġu mġedda l-wegħdiet tal-Magħmudija, ħaġa li fl-aħħar snin qed issir bosta drabi matul is-sena. Fl-opinjoni tagħna, tkun ħaġa wisq tajba li ċ-ċelebrant, jew min ikun ser jagħmel l-Omelija, jaħtaf l-okkażjoni u jfakkar xi tfisser verament il-Magħmudija għalina, iġifieri li ma kenitx xi ħaġa ta’ darba, u jqabbilha mat-tifsira ta’ l-Għid, ċelebrazzjoni li titwettaq waqt kull Quddiesa li titqaddes.

B’hekk kbiss inkunu nistgħu nifhmu li l-misteru ta’ l-Għid Spiritwali li aħna niċċelebraw hu l-misteru tas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha. Din tidher ċara meta wieħed jiftakar li l-kelma Pascha, li ġejja mil-Lhudi Pesah, kelma li tfisser mogħdija, għaliex il-mewt qerrieda meta niżlet teqred l-ewwel imwielda ta’ l-Eġizzjani, għaddiet l-bogħod mid-djar tal-Lhud. Fil-fatt il-mewt qerrieda għaddiet tassew l-bogħod minna darba għal dejjem meta Kristu qajjimna miegħu għall-ħajja bla tmiem.

U meta jirnexxielna nifhmu dan kollu nkunu nistgħu tabilħaqq anki ngawdu, biex ngħidu hekk, l-Għid materjali permezz ta’ xi figolla jew bajda ta’ l-Għid tajba … u dik il-ġirja bl-Irxoxt!

Referenzi

Mehuda mill-website tal-Parroċċa ta’ Ħal-Tarxien http://www.tarxienparish.org/l-Ghid%20l-Aqwa%20Festa.htm illum 24 t’April 2011.

Programm tal-lum fil-Parroċċa ta’ Birżebbuġa

Isir quddies bħal kull nhar ta’ Ħadd. (M.S.B. p271)

Fid-9:45am isir it-tberik tal-figolli

Fl-4:30pm isir it-tberik tad-djar tas-saċerdoti

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s