Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Il-Ġimgħa l-Kbira

L-emfasi tal-lum għandu jkun fuq l-mewt ta’ Ġesù għall-fidwa tagħna l-bnedmin. Is-Salib huwa s-siġra l-ġdida li permezz tagħha tissewwa l-firda li seħħet minn fuq is-siġra fl-Eden.

Iċ-Ċelebrazzjoni

It-Tifkira Solenni tal-Mewt tal-Mulej, għandha ssir għall-ħabta tat-tlieta ta’ wara nofsinhar, biex il-fidili jifhmu li qed igħixu mument b’mument il-ħinijiet l-iktar importanti fil-Misteru tal-Fidwa tagħna. Hija Ċelebrazzjoni Solenni li tiġi imfasiżżata iktar jekk issir bis-serjetả u fil-ġabra. Ta’ min jinnota li s-semplicitả ta’ din iċ-Ċelebrazzjoni żżid fid-drammatiċitả tagħa, u hekk tgħin iktar lill-Insara jirriflettu fuq dan il-ħin għażiż fil-ħajja ta’ Ġesù. Il-mumenti ta’ skiet, fid-dħul u waqt li ċ-ċelebrant u s-saċerdot jimteddu ma’ l-art, qabel ir-Rakkont tal-Passjoni, bejn talba u oħra tat-talbiet universali, waqt il-wasla tas-Salib għall-Adorazzjoni, waqt l-armar ta’ l-artal u waqt li jitwassal Ġesù Ewkaristija u fil-ħruġ, għandhom ikunu mezzi ta’ talb u riflessjoni u għalhekk tajjeb li jiġu mħarsa. Illum, iktar minn drabi oħra, għandu jitnaqqas kull ċaqliq żejjed fuq u madwar il-presbiterju, biex ma jtellifx mill-ambjent ta’ skiet u ħemda. Għalhekk kulħadd għandu jkun ippreparat u kull ma hu meħtieġ jiġi mlesti minn qabel fil-qrib kemm jista’ jkun. Din iċ-ċelebrazzjoni fiha tlett taqsimiet:

1. Liturġija tal-Kelma u Talbiet Universali

2. Adorazzjoni tas-Salib; u

3. Tqarbin.

Bħala tħejjija, ħdejn il-bieb tal-Knisja jitlestew Salib u żewġ gandlieri bix-xemgħa mitfija li jinxtgħelu kif xi Ministru jinżel għas-Salib biex jiġi mħabbar lill-Ġemgħa. Fis-Sagristija jiġu ppreparati t-tliet Evanġelji, jekk jista’ jkun miksija bl-aħmar biex dawk li se jaqraw ir-Rakkont tal-Passjoni jitilqu bihom proċessjonalment minn hemm għall-Artal. Fuq il-Presbiterju jitħejjew tliet leġiji minn fejn jinqara’ r-Rakkont tal-Passjoni. F’xi mkien qrib l-Artal jitħejjew tvalja waħda u korporal, żewġ xemgħat, ċiborji għat-Tqarbin, Missal u ilma u purifikaturi. Fl-imkien ta’ l-Adorazzjoni jitħejja velumeral u żewġ xemgħat mitfija li jinxtgħelu għat-trasport biss.

Kummentarju

Qabel iċ-Ċelebrazzjoni

Illum qegħdin niltaqgħu f’dan il-ħin mhux tas-soltu biex infakkru il-Mewt tal-Mulej. Huwa bħalissa li Ġesù minn fuq is-Salib ħareġ l-aħħar nifsijiet tiegħu biex radd ruħu lill-Missier għall-fidwa tagħna l-bnedmin. Il-Knisja minn dejjem ħadet ħsieb tfakar din il-ġrajja b’solennitả kbira u magħha inħolqu diversi drawwiet u tradizzjonijiet li kultant tellfu mis-sens veru tal-ġurnata tallum. Il-ġabra u s-sempliċitả huma s-sinjali ewlenija taċ-Ċelebrazzjoni tallum. Il-Knisja tinżamm kemm jista’ jkun fid-dlam.

Illum ma jisrx Quddies. It-Tqarbin isir biss fil-Liturġija fil-Knisja u bħala Vjatku.

Il-Liturġija hija mqassma fi tliet partijiet. Il-Liturġija tal-Kelma twasslilna r-Rakkont tal-Passjoni skon San Ġwann. Imbagħad flimkien inressqu quddiem il-Missier it-Talbiet Universali u wara ssir l-Adorazzjoni tas-Salib. X’ħin din tispiċċa, lkoll mistiedna biex nieħdu sehem mill-Ġisem u d-Demm tal-Mulej fit-Tqarbin.

Ikun ferm xieraq li kemm jista’ jkun, matul din il-Liturġija, inżommu s-skiet u l-ġabra biex nidħlu iktar fl-ispirtu tal-ġraja li qegħdin niċċelebraw. Is-Saċerdoti jidħlu fostna fis-skiet u kif jaslu qrib l-Artal jimteddu b’wiċċhom ma’ l-art bħala sinjal ta’ qima.

Qabel l-Ewwel Qari

Il-Profeta Isaija jara lill-Messija dak li kellu jitbaxxa u jsofri l-umiljazzjoni biex bit-tbatija tiegħu ifiqu daawl li jħarsu lejh. Huwa l-Qaddej tal-Mulej, li f’rabta sħiħa mar0rieda tal-Missier ikun bħal Ħaruf meħud għall-qatla. Iżda fit-tbatija tiegħu Isaija jara r-risq; jara lill-Qaddej tal-Mulej jogħla ‘l fuq minn kulħadd.

Qabel Is-Salm

Salm tletin li se jitkanta jurina lill-bniedem, u f’dan il-każ Ġesù li jitelaq għal kollox f’idejn il-Missier, li jeħilsu minn dak kollu li l-Ħażin ilesti għalih. Il-qawwa li għandna bżonn biex neħilsu minn dak li l-Ħażin irid jgħaddina minnu, tiġi biss mill-għajnuna li jagħtina Alla. Mas-Salmista inkantaw: Missier, nerħi ruħi f’idejk.

Qabel it-Tieni Qari

L-Awtur ta’ l-Ittra lil-Lhud, igħidilna li Kristu huwa dak li bl-ubbidjenza tiegħu qered il-mewt tagħna u tana l-opportunita’ li nisru mill-ġdid ulied Alla. Din is-silta tagħtina kuraġġ biex induru lejn il-Missier b’fiduċja għax Ġesù qiegħed jidħol għalina quddiemu.

Qabel l-Evanġelju

Illum ukoll is-Saċerdoti li se jaqraw ir-Rakkont tal-Passjoni se jitilgħu minn nofs il-korsija bil-kotba f’idejhom. Il-qari ta’ l-Evanġelju jsir b’mod sempliċi, mingħajr l-użu tax-xemgħa u l-inċens. Is-Saċerdot ma jsellimx lill-poplu bil-kliem: “Il-Mulej magħkom”, u lanqas ma jbus il-ktieb meta jispiċċa. Din il-ġrajja tinqara minn tliet Saċerdoti, wieħed jaqra l-parti ta’ Kristu, ieħor jaqra l-parti tan-Narratur, imsejjaħ Kronista u l-ieħor jaqra l-partijiet l-oħrajn u jissejjaħ Sinagoga.

L-Evanġelju ta’ San Ġwann jirrakonta l-Passjoni ta’ Ġesù b’mod differenti mill-Evanġelisti l-oħra. Huwa jurina kif Ġesù, wara li aċċetta minn idejn il-Missier dak li kellu jgħaddi minnu, jirbaħ fuq kull sitwazzjoni u fuq kulħadd. Sa fuq is-Salib Ġesù huwa s-Sultan li rebaħ id-dnub u l-mewt u d-dinja. San Ġwann jurina kif, meta ntrefa ‘l fuq mill-art, Ġesù ġibed lil kulħadd lejh.

Waqt ir-Rakkont kollu nibqgħu bilwieqfa, iżda fil-mument meta tissemma l-mewt ta’ Ġesù, ninżlu għarkubbtejna għarkubbtejna g hal ftit ħin b’sinjal ta’ qima.

Wara l-Evanġelju

F’dal mument jitressqu quddiem il-Missier it-talbiet speċjali għal diversi kategoriji ta’ bnedmin. Hija talba li sa minn żmien twil ilu ssir f’għaqda sħiħa ma l-Iben li ta ħajtu għad-dinja. Tajjeb li ma’ dawn it-talbiet inżidu ukoll l-intenzjonijiet tagħna, b’mod speċjali għal min qiegħed ibati.

Wara t-Talbiet Universali

Naraw liċ-Celebrant jinżel ħdejn il-bieb tal-Knisja biex minn hemm iġib is-Salib u fi tliet darbiet iħabbrilna u jurina l-għuda li fuqha ġie msallab is-Salvatur tagħna biex jgħaqqadna mill-ġdid mal-Missier. Alla tant ħabbna li ta lill-Ibnu l-waħdieni. Kull min jemmen fih ikollu l-ħajja, l-istess bħalma l-poplu Lhudi ħares lejn is-serp tal-bronż magħul minn Mosẻ u fiequ. Għat-tħabbira tas-salib, inwieġbu billi nkantaw flimkien “Ejjew naduraw”, u kull darba ninżu għarkubbtejna b’qima lejn is-Salib tal-Mulej.

Qabel l-Adorazzjoni tas-Salib

Issa li ġejna murija s-Salib li fuqu ġie msallab Ġesù, se nersqu lejh u bil-qima kollha nbusuh. Se nitilgħu bħal ma nitilgħu fit-Tqarbin.

Bejn strofa u oħra tal-kant, waqt l-Adorazzjoni tas-Salib, jinqraw l-improperji bil-Malti.

Lejn tmiem l-Adorazzjoni tas-Salib

Issa s-Salib jitpoġġa fil-għoli fuq l-Artal bejn żewġ xemgħat. Illum jixraq li għalkemm ma jkunx hawn il-preżenza ta’ Ġesù Ewkaristija fit-tabernaklu, b’sinjal ta’ qima, x’ħin ngħaddu minn quddiem is-Salib, nagħmlu ġenuflessjoni. Minn hawn u ftit ieħor se jinġieb is-Sagrament biex ilkoll inkunu nistgħu nitqarbnu bil-ġisem u d-Demm tal-Mulej. Jintrama l-artarl bl-iktar mod sempliċi u jsir ir-Rit tat-Tqarbin. Sadattant nistennew fis-skiet filwaqt li jsiru t-tħejjijiet li hemm bżonn.

Qabel it-Tqarbin

Issa li ħadna sehem mill-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, nitolbuh li jkompli jsaħħaħna ħalli għada niċċelebraw kif jixraq il-Qawmien tiegħu għall-ħajja. Għada, mistednin ngħadduh fir-riflessjoni dwar il-mewt u d-difna tal-Mulej. Il-Knisja tibqa’ mneżża’ sa għada u tiċċaħħad ukoll mis-Sagrifiċċju tal-Quddiesa, sakemm, imbagħad, wara l-Vġili solenni fl-istennija tal-Qawmien tal-Mulej, ninfexxu lkoll fil-ferh ta’ l-Għid li jibqa’ jfawwarna bil-hena tul ħamsin ġurnata sħaħ.

Issa ċ-Ċelebrant igħid it-talba ta’ l-aħhar. Il-ħruġ isir fis-skiet mingħajr kant u aħna wkoll mistiedna biex x’ħin tintemm iċ-Ċelebrazzjoni, inħallu dan l-imkien fis-skiet u l-ġabra.

Referenzi:

Tagħrif mehud mill-website tal-Parroċċa ta’ Ħal Tarxien, http://www.tarxienparish.org/Website%201/gimgha%20l-kbira.htm, illum 22 ta’ April 2011.

Il-Programm tal-lum fil-Parroċċa ta’ Birżebbuġa.

Fit-8am jkun hemm tifħir ta’ sbieħ il-Jum bis-sehem tal-Kor tal-Parroċċa.

Fit-8:30am isir it-tqarbin tal-morda.

Fid-9:00am u fl-10:00am isiru l-vizti mill-membri tal-MUSEUM.

Fis-2:30pm issir Via Sagra

Fit-3:00pm issir it-Tifkira tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesu (M/B 211)

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s